281. Riflessjoni fuq Mark 3: 1-6

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 3: 1-6

Capture

L-Evanġelju skont San Mark 3: 1-6

[Mk:3:1] F’dak iż-żmien, Ġesu raġa’ daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa.

[Mk:3:2] U qagħdu jgħassulu jekk ifejjqux f’jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh.

[Mk:3:3] Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, ejja fin-nofs.”

[Mk:3:4] Mbagħad staqsa lilhom: “X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?” Iżda huma baqgħu siekta.

[Mk:3:5] U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, mnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta’ qalbhom, u qal lir-raġel: “Midd idek.” Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha.

[Mk:3:6] U l-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu ma’ l-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’kienet l-intenzjoni ta’ Ġesu’ għall-Kmandament: ‘Ftakar f’Jum il-Mulej u qaddsu?’

Il-Kittieba u l-Fariżej riedu jaqbduh jikser ir-ritwal ta’ Jum il-Mulej li għalihom kien is-Sibt ħalli b’hekk ikunu jistgħu jakkużawh li kien qed jikser il-liġi t’Alla. Fi ftit kliem imma f’tifsira qawwija l-Evanġelista Luqa jikteb: ‘Ġesu’ għaraf ħsibijiethom.’ Huma kienu mimlija bil-korla u bil-mibgħeda lejn Ġesu’ għaliex kienu jpoġġu r-raġunamenti tagħhom ta’ x’inhu tajjeb u ħażin fuq kollox, saħansitra fuq Alla nnifsu. Ġesu’ juri l-iżball li kienu fih billi jindika l-intenzjoni t’Alla għal Jum il-Mulej – li tagħmel il-ġid u ssalva ħajja, aktar milli li tagħmel id-deni u tiddistruġi ħajja.

Ħsieb għal Qalbek …

Aħna l-Insara niċċelebraw il-Ħadd bħala Jum il-Mulej biex infakkru l-opra tas-salvazzjoni t’Alla f’Ġesu’ Kristu u l-ħidma tal-ħolqien il-ġdid li hu wettaq bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Li nistrieħu f’Jum il-Mulej hu mod kif nesprimu unur lejn Alla għal dak kollu li hu għamel magħna. Dan il-mistrieħ imma ma jeskludix il-parteċipazzjoni fil-Quddiesa u t-Tqarbin Imqaddes u l-imħabba li għandna nuru lejn il-proxxmu tagħna. Jekk aħna verament inħobbu lill-Mulej fuq kull ħaġa oħra u fuq kull persuna, allura din l-istess imħabba se tkun l-istess għajn li minna nħobbu wkoll lill-proxxmu tagħna kollu.

Inti tunurah lill-Mulej bil-mod kif tiċċelebra l-jum tiegħu, il-Jum tal-Ħadd bi preparazzjoni tajba għall-Quddiesa permezz tal-Qrar u t-Tqarbin u bil-mod kif turi mħabbtek f’servizz lejn kulħadd?

Itlob …

Għażiż Mulej, fir-rebħa tiegħek fuq id-dnub u l-mewt fuq is-salib u bil-qawmien tiegħek, inti tajtna t-tama ċerta li għad naqsmu miegħek fil-mistrieħ etern għal dejjem fil-ġenna.

Indur lejk għażiża ommi Marija, inti li diġa’ tinsab bir-ruħ u l-ġisem fil-ġenna, itlob miegħi biex inħalli lil Ibnek jitrasforma lil qalbi bi mħabbtu ħalli nkun nista’ nobdi b’qima l-preċett tal-Jum tiegħu billi niċċelebra kif jixraq il-Quddies u nservi lil ħuti l-bnedmin kif int u Ibnek kontu u għadkom iservu lilna. Ammen.