132. Riflessjoni fuq Mattew 15: 21-28

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 15: 21-28

christ_canaanite_woman

L-Evanġelju skont San Mattew 15: 21-28

[Mt:15:21] Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon.

[Mt:15:22] U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”

[Mt:15:23] Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna.”

[Mt:15:24] Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.”

[Mt:15:25] Iżda hi resqet, nxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!”

[Mt:15:26] Hu weġibha: “M’hux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu lill-ġriewi.”

[Mt:15:27] “Hekk hu, Mulej,” qaltlu,”iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”

[Mt:15:28] Mbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġieli ħassejt lill-Mulej donnu jirrifjutak?

Dan il-passaġġ jiddeskrievi l-unika, okkażjoni li fiha Ġesu’ jamministra barra mit-territorju Lhudi. Tir u Sidon kienu 50 mil ‘il fuq minn Iżrael fejn illum insibu l-Lebanon. Din il-mara pagana titlob bil-ħerqa u b’insistenza l-għajnuna ta’ Ġesu’ biex ifejqilha lil bintha. Għall-ewwel Ġesu’ jidher li mhux qed jagħti kasha u dan l-aġir wassal lid-dixxipli biex iħossuhom imbarazzati.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jagħmel dan biex lill-mara jgħaddiha minn prova ħalli jqawwilha l-fidi tagħha. Il-mara wieġbet għall-kumment ta’ Ġesu’ b’fidi li kien stħaqqilha t-tifħir tal-Mulej. Ħadd minn dawk li fittxew lil Ġesu’ b’fidi kemm Lhud kif ukoll pagani ma ġew irrifjutati l-għajnuna tiegħu.

Inti tfittxu lil Ġesu’ b’fidi ċerta li hu se jagħtik l-għajnuna li teħtieġ?

Itlob …

Mulej l-imħabba u l-ħniena tiegħek m’għandhomx limiti. Agħmel Mulej li jien nafdak dejjem u nfittxek b’persistenza kif għamlet din il-mara. Kattar il-fidi tiegħi fil-qawwa tiegħek u eħlisni minn kull ħażen u ħsara. Ammen.

 

 

131. Riflessjoni fuq Mattew 14: 22-36

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 14: 22-36

img_0011

L-Evanġelju skont San Mattew 14: 22-36

[Mt:14:22] U minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies.

[Mt:14:23] Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu;

[Mt:14:24] id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom.

[Mt:14:25] Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.

[Mt:14:26] Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru.”Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajjtu bil-biża’.

[Mt:14:27] Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.”

[Mt:14:28] Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.”

[Mt:14:29] “Ejja!” qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù.

[Mt:14:30] Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”

[Mt:14:31] Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira?” qallu,”għaliex iddubitajt?”

[Mt:14:32] Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf.

[Mt:14:33] Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla?”

[Mt:14:34] Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret.

[Mt:14:35] In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha

[Mt:14:36] u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-Mulej jidher distanti meta aħna fil-bżonn?

Kien Ġesu’ nnifsu li bgħatt lid-dixxipli fuq id-dgħajsa. Meta kienu qed jaffaċċjaw il-maltemp minkejja li hu ma kienx magħhom fid-dgħajsa kien qiegħed iħarishom permezz tat-talb tiegħu. Meta ntebaħ li kienu jinkwetaw għax ħasbu li se jitilfu ħajjithom hu resaq lejhom fuq l-baħar u huma nħasdu x’ħin rawh.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti tfittex lill-Mulej meta tkun għaddej minn diffikultajiet u sfidi? Il-Mulej dejjem jieħu ħsiebna b’mod speċjali f’mumenti ta’ tentazzjoni u diffikulta’.

Int tafda fil-Mulej li hu lest jagħtik il-qawwa u l-għajnuna li teħtieġ? Ġesu’ jassigurana li ma għandix għalfejn nibżgħu jekk nafdaw fih u fl-imħabba kbira li hu għandu għalina.

Meta l-maltemp u l-provi jheddu li jniżżluk magħhom u jegħrquk inti kif twieġeb? Twieġeb bil-fidi u tama fl-imħabba, l-għajnuna u l-preżenza t’Alla miegħek?

Itlob …

Mulej għenni nafdak dejjem u qatt niddubita fil-preżenza u l-qawwa tiegħek li tgħenni. Fil-mumenti ta’ dubji u dgħjufija ħalli li jien niggranfa miegħek kif għamel Pietru. Qawwi l-fidi tiegħi ħalli nkun nista’ nimxi ‘il quddiem bla ma nikser lejn il-lemin jew ix-xellug, imma b’ħarsti fuqek jien jirnexxieli li nasal għandek. Ammen.

130. Riflessjoni fuq Mattew 14: 13-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 14: 13-21

loavesandfish

L-Evanġelju skont San Mattew 14: 13-21

[Mt:14:13] Meta sama’ l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.

[Mt:14:14] Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-morda tagħhom.

[Mt:14:15] Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.”

[Mt:14:16] Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.”

[Mt:14:17] U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.”

[Mt:14:18] “Ġibuhomli hawn,” qalilhom.

[Mt:14:19] Mbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies.

[Mt:14:20] U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa.

[Mt:14:21] U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li verament tista’ taqtagħlna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?

Folla kbira ta’ nies inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’ bla dubju għax kellhom ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-riżorsi biex jitimgħuhom. Huma kkummentaw ukoll li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu tal-inqas paga ta’ sitt xhur. Ġesu’ l-Ħobż tal-Ħajja ħa l-ftit li kellhom ħames ħobżiet u żewġ ħutiet u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema qasmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu.

Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna. Ikun iridna nagħtuh il-ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li Hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel huwa l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Evanġeli.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-Miraklu?

Dan il-Miraklu fakkar lill-poplu fil-Providenza t’Alla meta temgħahom fid-deżert. Meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mose’. Dawn meta qabadhom il-ġuħ Alla bagħatilhom il-Manna x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel mis-sema kuljum fuq l-Altari tagħna, li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan ma jmut qatt imma jgħix b’Ġesu’ għall-eternita’.

Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih il-ftit tiegħek b’fiduċja li Hu bih se jibdel il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?

Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull Quddiesa li titqaddes jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll.

Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċievih jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?

Itlob …

Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmagħna bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-Quddiesa u t-Tqarbina, anki dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta’ xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu jduqu mill-benna li Int biss taf tagħti, l-benna tiegħek innifsek. Ammen.

 

 

129. Riflessjoni fuq Mattew 14: 1-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 14: 1-12

Mt 14,1-12 g

L-Evanġelju skont San Mattew 14: 1-12

[Mt:14:1] Kien dik il-ħabta li Erodi t-tetrarka sama’ bil-fama ta’ Ġesù,

[Mt:14:2] u lill-qaddejja tiegħu qalilhom: “Dan Ġwanni l-Battista! Iva, hu, qam mill-imwiet! U minħabba f’hekk il-qawwa tal-mirakli qiegħda taħdem fih!”

[Mt:14:3] Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni, u qaflu l-ħabs u ħallieh hemm minħabba Erodja, mart ħuh Filippu.

[Mt:14:4] Għax Ġwanni kien jgħidlu: “Inti lil dik ma tistax iżżommha.”

[Mt:14:5] Ried kieku joqtlu, imma kien jibża’ min-nies, għax kienu jżommuh bi profeta.

[Mt:14:6] Mela wasal jum li fih Erodi għalaq sninu, u bint Erodja ħarġet fin-nofs tiżfen, u għoġbot lil Erodi;

[Mt:14:7] għalhekk wegħedha taħt ġurament li jagħtiha kull ma titolbu.

[Mt:14:8] U hi, mogħwija minn ommha, qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt.”

[Mt:14:9] Is-sultan tnikket, iżda minħabba l-ġurament li ħa u l-mistednin tiegħu ordna li tingħatalha.

[Mt:14:10] U bagħat jaqta’ ras Ġwanni fil-ħabs.

[Mt:14:11] U ġiebu rasu fuq platt u tawha lit-tfajla, u din ħaditha lil ommha.

[Mt:14:12] Mbagħad id-dixxipli tiegħu ġew, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh, u marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’ħeġġeġ il-kuraġġ u ż-żelu tal-martri?

Huma ħabbew lil Alla u l-verita’ tiegħu aktar minn ħajjithom stess. Biex wieħed jagħti xhieda għall-verita’ b’mod speċjali dik tal-Vanġelu ħafna drabi jrid iħallas prezz għoli. Ejja nieħdu l-profeti, kollha sofrew abbużi u ħafna minnhom ġew maqtula.

Erodi minkejja li donnu ma kienx ċert għandux joqtol lil Ġwanni jew le kien bniedem li kellu l-kuxjenza tniggżu. Meta sema’ bil-fama ta’ Ġesu’ hu ssapona li Ġwanni l-Battista li hu kien qatgħalu rasu kien reġa’ qam mill-imwiet.

Ħsieb għal Qalbek …

Sfortunatament għal Erodi ma rrnexxielux jeħles mid-dnub billi ħeles mir-raġel li kien jakkużah bl-istess dnub. Erodi kien raġel dgħajjef. Hu kien jieħu deċiżżjonijiet qawwija fuq affarijiet ħżiena meta fl-istess waqt kien jaf x’inhu t-tajjeb. Din it-tip t’attitudni kienet turi dgħjufija u kemm kien beżżiegħ.

Inti lest li tixhed għal Ġesu’ u għall-verita’ u s-sewwa tiegħu, minkejja li dan ifisser jew oppożizzjoni minn dawk ta’ madwarek jew li jkollok tħalli xi dnub għażiż għalik u titgħallem tgħix mingħajru?

Kemm -il darba l-Mulej ġibidlek l-attenzjoni fuq id-dnub tiegħek permezz tal-profeti li hemm fostok illum, u inti forsi ħassejt il-kuxjenza tniggżek imma ma għamilt xejn dwarha?

Għasfur marbut b’ħabel jew b’ħajta xorta waħda mhux ħieles biex ittir. Bl-istess mod jekk wieħed jibqa’ jgħix fid-dnub bla ma jfittex li jinħall minnu dan id-dnub kbir jew żgħir se jibqa’ jżommu lsir.

Itlob …

Mulej, agħtini kuxjenza sensittiva u qawwija ħalli nkun nista’ nagħraf il-ħażen għal dak li hu u nindem mill-mod kif offendejtek. Għinni nagħżel dak li hu tajjeb u nwarrab il-ħażin li hu kuntrarju għar-rieda mqaddsa tiegħek u għenni naħdem għall-qdusija tiegħi u tal-oħrajn ħalli nkun nogħġbok f’kollox. Ammen.

 

 

128. Riflessjoni fuq Mattew 13: 54-58

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 54-58

unnamed (1)

L-Evanġelju skont San Mattew 13: 54-58

Mt:13:54] U mar lejn pajjiżu. Beda jgħallem lin-nies fis-sinagoga tagħhom, u huma baqgħu mistagħġba hekk li bdew jgħidu: “Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa ta’ l-għaġeb?

[Mt:13:55] Dan m’huwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu m’hijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda?

[Mt:13:56] U ħutu l-bniet m’humiex kollha magħna? Mnejn ġieh dan kollu?”

[Mt:13:57] U tfixklu minħabba fih. Imma Ġesù qalilhom: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u daru stess.”

[Mt:13:58] U hemmhekk ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

 Inti tikkritikahom lill-oħrajn b’mod speċjali dawk l-aktar qrib tiegħek?

L-aktar nies li jikkritikawna b’mod sever huma ħafna drabi dawk l-aktar familjari magħna. Xi ħadd jiġi minna jew ġirien li magħhom naqsmu ħajjitna. Ġesu’ ġie affaċċjat ma’ prova iebsa meta mar lura fil-belt ta’ pajjiżu f’Nażaret mhux sempliċiment bħala iben il-Mastrudaxxa, imma issa bħala Mgħallem imdawwar bid-dixxipli. Kienet użanza għal Ġesu’ li jmur is-sinagoga kull nhar ta’ Sibt il-jum qaddis tal-Lhud u meta kien imissu kien jaqra mill-Iskrittura. In-nies ta’ beltu semgħuh b’attenzjoni kbira f’din l-okkażjoni għaliex kienu semgħu dwar il-mirakli li kien għamel fi bliet oħra.

X’sinjal kien se jagħmel f’beltu stess?

Ġesu’ ħasadhom biċ-ċanfira li tahom meta qallhom li ebda profeta jew qaddej t’Alla mhu miġjuh qalb niesu. In-nies ta’ Nażaret ħadu għalihom b’dan l-aġir u ma riedux jisimgħu x’kellu xi jgħidilhom. Huma ddisprezzaw it-tagħlim tiegħu għax hu kien bin ħaddiem mastrudaxxa sempliċi ħaddiem tal-id u għalhekk iddisprezzawh minħabba l-familja tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Kemm drabi l-familjarita’ twassal għal nuqqas ta’ rispett żbaljat fl-oħrajn. Ġesu’ ma setgħa jagħmel l-ebda manifestazzjoni tal-qawwa tiegħu fosthom għax qalbhom kienet iebsa u magħluqa bin-nuqqas ta’ twemmin fih. Jekk in-nies flimkien jaslu jobgħodu u jirrifjutaw li jifhmu, allura ma jaraw xejn ħlief il-punt tagħhom u ma jaslux li jħobbu u jaċċettaw lill-oħrajn.

Inti malajr tieħu għalik u toffendi ruħek minħabba l-oħrajn?

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti l-milja tat-tamiet u x-xewqat kollha tagħna. L-Ispirtu tiegħek jagħtina l-grazzji, il-verita’, il-ħajja u l-liberta’. Imlieni bil-vera ferħ tal-Evanġelju li ġejt twasslina u ħeġġeġ lil qalbi bl-imħabba u ż-żelu għar-rieda mqaddsa tiegħek. Ammen.

 

 

 

 

127. Riflessjoni fuq Mattew 13: 47-53

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 47-53

maxresdefault

L-Evanġelju skont San Mattew 13: 47-53

[Mt:13:47] “Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox.

[Mt:13:48] Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.

[Mt:13:49] Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti,

[Mt:13:50] u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

[Mt:13:51] “Kollu fhimtuh dan?””Iva!” qalulu.

[Mt:13:52] U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”

[Mt:13:53] Meta mbagħad Ġesù temm dawn il-parabboli, telaq minn hemm u telaq lejn pajjiżu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’qed jgħidilna Ġesu’ dwar is-Saltna t’Alla b’dawn it-tixbihat?

Fi żmien Ġesu’ l-aktar metodu komuni biex jaqbdu l-ħut kien li jitfgħu xibka fil-baħar b’mod manwali jew max-xatt imbagħad ikaxkruha għal fuq l-art jew inkella fil-fond meta joħorġu bid-dgħajsa. Filwaqt lid-dgħajsa tkun miexja x-xibka kienet tintefa’ l-baħar u fiha kien jinqabad kull tip ta’ ħut. Normalment kien hemm bżonn ta’ numru t’irġiel biex itellgħuha u jwassluha x-xatt.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-punt ta’ Ġesu’ hawnhekk?

Bħalma x-xibka tiġbor fiha kull tip ta’ ħut hekk il-Knisja hi l-istrument t’Alla biex tiġbor fiha lil kull min irid jidħol fiha. Bħalma x-xibka ma tiddiskrimina ‘l ħadd hekk il-Knisja ma tiddiskriminax bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dawk li huma utli jew dawk li m’humiex. Is-Saltna t’Alla hi miftuħa għal kull min irid jaċċettaha, imma għad jasal żmien tas-separazzjoni fl-aħħar jiem meta l-anġli jibgħatu t-tajbin u lill-ħżiena għad-destinazzjoni rispettiva tagħhom. Dmirna hu li niġbru u nilqgħu lil kull min jiġi. Alla fl-aħħar taż-żmien jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu skont għemilu. Alla joffri t-teżor tas-Saltna tiegħu lil kull min jemmen.

Inti taħdem m’Alla u għal Alla biex tikber is-Saltna tiegħu hawn fuq l-art?

Itlob …

Mulej kabbar fija x-xewqa li nservik kif titlob minni Int. Agħmilni strument għall-qadi tiegħek biex is-Saltna tiegħek tkompli tiġbor fiha lil kull min hu msejjaħ u sa ma’ ssir il-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin, nitolbok Mulej biex timla’ lil qalbi b’ħerqa għalik ħalli dakinhar jien ikolli l-barka eterna li nħares lejn il-wiċċ tiegħek u li ngħix miegħek għal dejjem fil-ġenna. Ammen.

126. Riflessjoni fuq Luqa 10: 38-42

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 38-42

part-22-one-thing-luke-103842-6-638

L-Evanġelju skont San Luqa 10: 38-42

[Lq:10:38] Huma u sejrin, daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta.

[Lq:10:39] Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.

[Lq:10:40] Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!”

[Lq:10:41] Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ;

[Lq:10:42] imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hi l-paċi ta’ Kristu li tirrenja f’darek u fil-ħajja personali tiegħek?

Ġesu’ kien iħobb iżur id-dar ta’ Marta u Marija u kien jifraħ bil-mod kif kienu jilqgħuh. Fir-rakkont qasir tallum naraw iż-żewġ temperamenti differenti f’Marta u Marija. Marta kienet tħobb iservi, imma l-ansjeta’ tagħha waqt li kienet tistenna lil Ġesu’ biex jgħid xi ħaġa qanqlet fiha nuqqas ta’ serħan u paċi interjuri.

Min naħa l-oħra Marija bl-attitudni sempliċi u mimlija fiduċja kienet attenta għal dak li kien jgħid Ġesu’ billi poġġiet bilqiegħda f’riġlejh. Hi donnha ntebħet li l-aktar li ried l-Imgħallem f’dak il-mument kienet l-attenzjoni u l-preżenza tagħha.

Ħsieb għal Qalbek …

L-ansjeta’ u l-pre-okkupazzjoni jżommna ‘l bogħod milli nisimgħu u nagħtu lill-Mulej l-attenzjoni sħiħa tagħna li hu jixtieqna nagħtuh. Il-Mulej jistedinna nagħtuh ‘il ħafna ħsibijiet u ansjetajiet tagħna għaliex huwa ta’ min jafdah u jista’ jissodisfa kull bżonn minn tagħna. Il-grazzja tiegħu teħlisna mill-inkwiet żejjed tagħna.

Inti tfittex lill-Mulej b’attenzjoni? U l-Mulej isib f’darek post li jilqgħu u jonorah?

Meta tirċievi lil Ġesu’ fl-Ewkaristija tista’ tgħid li Ġesu’ fik sab il-ferħ li kien isib bil-mod kif kienu jilqgħuh in-nies li ħabbewh u fehmuh?

Kemm toqgħod f’riġlejn Ġesu’ preżenti fl-Ewkaristija fil-kappelli tal-adorazzjoni li għandna mxerrdin mall-ġżejjer tagħna, biex toqgħod tisimgħu jkellmek f’qalbek u jimliek bil-paċi u s-serħan li hu biss jaf jagħti?

Itlob …

Mulej li nkun fil-preżenza tiegħek huwa ħajti u l-uniku ferħ tiegħi. Eħlisni mill-inkwiet żejjed u mill-ansjeta’ ħalli nkun nista’ nagħtik l-attenzjoni tiegħi b’qalbi u moħħi kollu kif int tagħtiha lili bil-preżenza tiegħek dejjem ħajja fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Ammen.