216. Riflessjoni fuq Mattew 25: 31-46

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 25: 31-46

sheep-and-goats

L-Evanġelju skont San Mattew 25: 31-46

[Mt:25:31] “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.

[Mt:25:32] U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż:

[Mt:25:33] in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

[Mt:25:34] Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.

[Mt:25:35] Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni,

[Mt:25:36] kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’

[Mt:25:37] Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ?

[Mt:25:38] Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek?

[Mt:25:39] Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’

[Mt:25:40] U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’

[Mt:25:41] Mbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu.

[Mt:25:42] Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix,

[Mt:25:43] kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!

[Mt:25:44] Mbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’

[Mt:25:45] Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’

[Mt:25:46] U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tħalli l-imħabba t’Alla ssaltan f’qalbek? Tħalliha tippurifika lil qalbek, lil ħsibijietek u l-azzjonijiet tiegħek?

Is-separazzjoni bejn it-tajbin u l-ħżiena hi konsegwenza inevitabbli fil-ġudizzju. Jum il-ġudizzju jirrivela min vera wera ħniena u solidarjeta’ mall-proxxmu tiegħu. Daqskemm nixtiequ niġġudikaw il-parabboli, il-parabboli minn naħa tagħhom jiġġudikaw lilna.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jgħallimna lezzjoni importanti ħafna dwar l-imħabba li għandna nuru lill-proxxmu tagħna permezz ta’ din il-parabbola. Aħna jeħtieġ li nieħdu ħsieb ta’ xulxin b’responsabbilta’. Alla se jiġġudikana mhux biss għall-ħażen li nkunu għamilna, imma wkoll għat-tajjeb li nkunu nqasna milli nagħmlu.

Issa huwa l-waqt biex infittxu l-ħniena t’Alla. Issa huwa ż-żmien it-tajjeb biex infittxu l-għajnuna u l-grazzja t’Alla, biex induru mid-dnub tagħna u nimxu fit-triq tal-imħabba tiegħu. Itlob lill-Mulej biex jippurifika qalbek ħalli tkun tista’ tħobb bħalma jħobb hu u tkun karitattiv ma’ kulħadd tul ħajtek kollha.

Alla hu ħanin u mimli tjieba. Imħabbtu tqanqalna biex nitrattaw lill-oħrajn bi ħniena u tjieba. Meta nagħmlu azzjoni tajba ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawk li Ġesu’ ssejħilhom ħutu, inkunu għamilnieha miegħu stess.

U inti titratta lill-oħrajn bi ħniena, b’karita’ u bl-istess imħabba li biha Kristu ttratta lilek?

Itlob …

Mulej Ġesu’, kun is-Sid u s-Sultan ta’ qalbi. Ħa tkun imħabbtek li ssaltan f’qalbi ħalli jien naħseb biss u naġixxi biss b’karita’ lejn kulħadd.

Għażiża Ommi Marija, Omm il-Ħniena, għallimni nkun bħalek u bħal Ibnek fl-attitudni tiegħi lejn ħuti l-bnedmin ħalli jkun jistħoqqli t-tifħir ta’ Kristu u l-glorja tal-ġenna fl-aħħar jum. Ammen.