194. Riflessjoni fuq Luqa 13: 10-17

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 13: 10-17

HealWomanSabbath

L-Evanġelju skont San Luqa 13: 10-17

[Lq:13:10] Darba s-Sibt Ġesu kien qiegħed jgħallem f’waħda mis-sinagogi.

[Lq:13:11] U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox.

[Lq:13:12] Kif raha Ġesù sejjħilha u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek.”

[Lq:13:13] U qegħdilha idejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla.

[Lq:13:14] Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejjqu, u mhux is-Sibt.”

[Lq:13:15] “Uċuħ b’oħra!” wieġbu l-Mulej,”Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih?

[Lq:13:16] U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”

[Lq:13:17] Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa li qed iżommok marbut jew iffrustrat?

L-infermita’ kemm dik fiżika kif ukoll dik spiritwali tista’ tiġi fuqna għal bosta raġunijiet u Alla jista’ jużaha għal xi skop li hu biss jaf. Meta Ġesu’ ltaqa’ mal-mara l-anzjana li kienet bla saħħa u bilkemm setgħet iżżomm dritta, għall-kliem ta’ fidi, taha lura saħħitha. Min jaf kemm kienet batiet kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment għal tmintax-il sena sħaħ peress li Ġesu’ stqarr li x-xitan kien rabatha.

Kif jista’ x-xitan jagħmel dan?

L-Iskrittura tgħidilna li x-xitan jaġixxi b’malizzja fid-dinja u jista’ jikkawżalna ħsara ta’ natura spiritwali u b’mod indirett, anke ta’ natura fiżika. Minkejja dan, is-setgħa ta’ satana mhix infinita’, ma jistax iwaqqaf il-bini tas-Saltna t’Alla jew isaltan f’ħajjitna.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ juri l-qawwa tas-Saltna t’Alla meta jeħles lil dawk li kienu maħkuma mix-xitan, mill-mard u mid-dnub. B’kelma biss Ġesu’ ħeles lil dik il-mara mill-ħakma li kellha dak il-ħin stess.

Inti temmen fil-qawwa ta’ Ġesu’ li jeħilsek minn dak li qed iżommok marbut u fit-tbatija?

Il-kapijiet Lhud kienu rrabjati għal Ġesu’ għax kien jagħmel din il-ħidma f’jum il-Mulej, il-jum tal-mistrieħ li għalihom kien is-Sibt. Huma kienu tant mheddija fl-osservanza ritwali ta’ jum is-Sibt, li tilfu l-viżjoni tal-ħniena t’Alla. Ġesu’ kien ifejjaq f’jum is-Sibt għax Alla qatt ma jistrieħ milli juri l-ħniena u l-imħabba tiegħu lejna. Il-Kelma t’Alla u s-Sagramenti li Hu ta lill-Knisja għandhom il-qawwa li jibdluna spiritwalment u fiżikament.

Hemm xi ħaġa li qed iżommok marbut jew li qed itaqqlek?

Kemm tfittex is-Sagramenti, li permezz tal-Knisja, Alla juża biex iwasslina l-grazzja tiegħu li tfejjaqna?

Kemm tqerr biex tissaffa f’ruħek u titqarben biex tirċievi l-qawwa ħalli taffaċċja kull tip ta’ periklu?

Kemm titlob u tisma’ l-Kelma t’Alla li tagħtik il-veru ħelsien?

Itlob …

Mulej, int tagħti l-ħelsien minn dak li hu ta’ ħsara lil dawk li jafdaw Fik. Agħtini l-liberta’ li nimxi fit-triq tiegħek tal-imħabba u li nfaħħrek u nagħtik qima dejjem.

Indur lejk Marija, omm twajba tiegħi; int li dejjem fdajt u ttammajt fil-qawwa tal-ħniena t’Alla, urieni kif għandi nġib ruħi bi ħniena u bi mħabba li tfejjaq ma’ dawk ta’ madwari bl-istess mod kif int u Ibnek titrattaw lilna. Ammen.