192. Riflessjoni fuq Luqa 12: 49-53

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 12: 49-53

1

L-Evanġelju skont San Luqa 12: 49-53

[Lq:12:49] F’dak iż-żmien, Ġesu qal: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!

[Lq:12:50] Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!

[Lq:12:51] Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda;

[Lq:12:52] għax mil-lum ‘il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;

[Lq:12:53] jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Imkien ma naraw l-onesta’ ta’ Ġesu’ tispikka aktar milli f’dan il-Vanġelu tal-lum. Ġesu’ jgħid lid-dixxipli tiegħu eżatt dak li għandhom jistennew jekk huma jaċċettaw is-sejħa li jkunu messaġġiera tal-aħbar it-tajba tiegħu. Ma’ Ġesu’ m’hemmx triq tan-nofs jew inti miegħu jew kontrih. Dan jinvolvi impenn totali u assolut minn naħa ta’ dak li jkun la darba id-deċiżjoni li sservieh tkun ittieħdet. Ġesu’ jsir u għandu jibqa’ dejjem l-għola prijorita’ fil-ħajja tad-dixxiplu.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta wieħed jissottometti ruħu għar-rieda mqaddsa t’Alla huwa propju meta jitlaq dawk il-persuni u l-affarijiet li għalih jidhru prezzjużi li mbagħad jiksibhom lura b’mod isbaħ anke għal mitt darba aktar.

Huwa tassew Ġesu’ li għandu l-post ewlieni f’qalbek u f’ħajtek?

Itlob …

Għażiż Ġesu’, urieni li mhux dak li jiena niċaħħad minnu li jimporta daqskemm dak li se nirċievi lura u din hi l-wegħda tiegħek tal-ħajja ta’ dejjem. Ammen