Verżjoni Vidjo:
Sħiħa: It-Triq tas-Salib għas-Saċerdoti
F’4 Partijiet: It-Triq tas-Salib għas-Saċerdoti
IT-TRIQ TAS-SALIB GĦALL-BŻONNIJIET TAS-SAĊERDOTI
(L-aktar dawk li qed isofru minn kull xorta ta’ persukuzzjoni)
INTENZJONI: Għażiż Ġesu’, noffrulek din ‘it-Triq tas-Salib’ li se nagħmlu għall-unur u l-glorja tiegħek u għas-saċerdoti, speċjalment dawk li qed isofru minn persekuzzjoni minħabba s-sejħa tagħhom.
L-Ewwel Stazzjon
Ġesu’ kkundannat għall-mewt.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Evanġelu ta’ San Mark: (K.15, V.14-15)
Qalilhom Pilatu: ‘Imma x’għamel ħażin?’ Huma aktar bdew jgħajjtu: ‘Sallbu!’ Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesu’, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.
Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk talli int ippermettejt li tkun ikkundannat inġustament għall-mewt għalina. (Ieqaf irrifletti).
F’ġieħ din it-tbatija li sofrejt, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja li jikkundannaw lilhom infushom billi jmutu għad-dinja waqt li għadhom fid-dinja, ħalli ma jkunx hemm bżonn li int tikkundannahom wara mewthom. Nitolbuk ukoll biex f’ġieħ dan l-insult lejn id-dinjita’ tiegħek, tassisti lis-saċerdoti li qed isofru kundanna nġusta minħabba fik, ħa jġorru din is-sofferenza bil-paċenzja f’unjoni miegħek.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
It-Tieni Stazzjon
Ġesu’ mġiegħel iġorr is-salib.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Evanġelu ta’ San Mark u San Ġwann: (Mk K.15, V.16-17,19-20) (Ġw K19, V16b-17)
Is-suldati ħaduh.. fil-Pretorju.., libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk.. U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu.. u jgħadduh biż-żufjett.. Imbagħad ħaduh biex isallbuh. Ġesu’ ħareġ mgħobbi huwa stess bis-salib lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota.
Għażiż Ġesu’, nirringrazzjawk li lqajt is-salib aħrax fuq spallejk miġruħa u ġarrejtu sal-Golgota. (Ieqaf irrifletti).
F’ġieħ l-umilta’ li biha aċċettajt is-salib, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja li jaċċettaw b’umilta’ s-slaleb tal-vokazzjoni tagħhom.
Nitolbuk ukoll biex tagħti lis-saċerdoti, li huma mġegħlin mill-għedewwa tiegħek u tagħhom iġorru l-ħafna slaleb tal-persekuzzjoni, li jimxu warajk fuq l-passi mdemmija tiegħek.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
It-Tielet Stazzjon
Ġesu’ jaqa’ għall-ewwel darba.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.52, V.14-15)
Bħalma ħafna baqgħu mistagħġba bih, – għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem, – hekk għad jistagħġbu ħafna minħabba fih. Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom, għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.
Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk ta’ din l-ewwel darba meta int waqajt taħt it-toqol tas-salib. (Ieqaf irrifletti).
F’ġieħ l-umiljazzjoni li int sofrejt f’din il-waqgħa, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jevitaw kull dnub intenzjonat u jekk jaqgħu, li jqumu fis u jkomplu miexja warajk. Nitolbuk ukoll għal dawk li qed isofru persekuzzjoni minħabba fik, il-grazzja li jimxu warajk bla ma jagħtu kas tar-rispett uman.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Ir-Raba’ Stazzjon
Ġesu’ jiltaqa’ m’Ommu Addolorata.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tas-Salmi: (P.22, V.7-11)
Jien dudu tal-art, u mhux bniedem, żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu. Dawk kollha li jarawni jidħku bija, jgħajjbuni, iħarrku rashom u jgħidu: ‘F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!’ Imma int minn ġuf ommi lqajtni; fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni. Fuqek qegħduni sa minn twelidi; int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.
Għażiż Ġesu’, nirringrazzjawk ta’ din il-laqgħa tiegħek m’Ommok Marija fit-triq iebsa tal-Kalvarju. (Ieqaf irrifletti).
F’ġieħ l-unjoni tal-Qalb Imqaddsa tiegħek mal-Qalb Immakulata t’Ommok, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jkollhom lil Marija bħala l-akbar għajnuna u faraġ f’ħajjithom u fis-siegħa ta’ mewthom. Agħti wkoll, li l-Omm ħelwa tiegħek tkun, b’mod speċjali ma’ dawk is-saċerdoti li qed isofru persekuzzjoni minħabba fik. Ħa tfarraġhom hi fil-mumenti ta’ prova u dlam bħalma farġet lilek fit-triq tiegħek lejn il-mewt.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Il-Ħames Stazzjon
Ġesu’ megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa: (K.23, V.26)
Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesu’.
Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk talli ppermettejt li tingħatalek din il-ftit għajnuna, anki mingħand wieħed li ma tantx ried jagħtik dan is-servizz. (Ieqaf irrifletti).
Permezz ta’ din l-għajnuna li inti aċċettajt mingħand Xmun, nitolbuk biex tibgħat lis-saċerdoti tiegħek xi ħadd li jagħtihom parir, jagħmlilhom kuraġġ u jissapportjahom, xi ħadd li jgħinhom f’mumenti ta’ tbatija meta s-slaleb tal-vokazzjoni tagħhom isiru kważi nsapportabbli biex iġorruhom waħedhom. Agħti wkoll lis-saċerdoti li jġorru s-slaleb tal-persekuzzjoni u tortura l-grazzja li jiġu megħjuna, imfarrġa, min jittratta magħhom b’ġentilezza, biex fl-aktar mumenti iebsa u ta’ qtiegħ il-qalb, huma jkunu jafu li inti magħhom, taqsam is-slaleb tagħhom bħalma huma jaqsmu tiegħek.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Is-Sitt Stazzjon
Il-Veronika timsaħ il-wiċċ ta’ Ġesu’.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.53, V.2-3)
Bħal xitla kiber quddiemna, u bħal għerq minn art niexfa. Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.
Għażiż Ġesu’, nirringrazzjawk talli ħallejt ix-xbieha tal-wiċċ qaddis tiegħek fuq il-velu tal-Veronika. (Ieqaf irrifletti).
F’ġieħ il-mod li bih ippremjajt lil Veronika, nitolbuk li tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jagħrfu x-xbieha qaddisa tiegħek fihom infushom u f’dawk fdati lilhom. Nitolbuk ukoll tagħti lis-saċerdoti li qed isofru persekuzzjoni biex jagħrfu x-xbieha tiegħek, fil-persekuturi tagħhom ħalli huma wkoll, joħolqu x-xbieha tiegħek fihom billi jmutu b’talba ta’ maħfra għall-għedewwa tagħhom.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Is-Seba’ Stazzjon
Ġesu’ jaqa’ għat-tieni darba.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.53, V.4-5)
Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk ta’ din it-tieni waqgħa tiegħek taħt is-salib. (Ieqaf irrifletti).
F’ġieħ il-feriti li sofrejt b’din il-waqgħa, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jkunu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom bħala rgħajja tal-erwieħ. Agħmel Mulej, li b’waqgħa bħal din mill-idejal tal-istat tal-ħajja tagħhom, jibbenefikaw mill-qawmien tiegħek wara t-tieni waqgħa u jqumu ukoll, biex ikomplu miexja warajk. Agħti wkoll, lil dawk li huma ttentati li ma jaqdux dmirijiethom minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni, il-kuraġġ mill-waqgħat tiegħek u li jġorru s-slaleb tagħhom fedelment f’għaqda miegħek.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
It-Tmien Stazzjon
Ġesu’ jfarraġ lin-nisa ta’ Ġerusalemm.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa: (K.23, V.27-28)
Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesu’ dar lejhom u qalilhom: ‘Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda lilkom infuskom u lil uliedkom’.
Għażiż Ġesu’, nirringrazzjawk tal-konsolazzjoni li int tajt lil dawn in-nisa li bkew minħabba s-sofferenzi tiegħek. (Ieqaf irrifletti).
Agħti, nitolbuk, lis-saċerdoti, il-grazzja li juru ħniena u qlubija ma’ dawk li jirrikorru għandhom għall-għajnuna. Agħtihom il-paċenzja li jifhmu l-bżonnijiet tan-nies u jempatizzaw ma’ kull min isofri, biex il-qalb saċerdotali tagħhom tirrifletti l-virtujiet tal-Qalb kbira tiegħek. Lil dawk li jsofru provi u tbatija minħabba fik, agħti Mulej il-grazzja li jżommu dawn għalihom infushom, ħalli b’hekk, filwaqt li jkunu jixbħu lilek, ma jingħalqux fihom infushom u jinsew l-uġigħ tal-oħrajn.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Id-Disa’ Stazzjon
Ġesu’ jaqa’ għat-tielet darba.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.53, V.6-7)
Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.
Nirringrazzjawk, O Ġesu’, għal din it-tielet waqa’ fejn il-ġisem qaddis tiegħek intagħsar ma’ l-art taħt il-piż tas-salib u s-sofferenzi tiegħek. (Ieqaf irrifletti).
Permezz tal-kuraġġ bla biża’ li urejt int u tqum mit-tielet waqa’ doroluża tiegħek, agħti, lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja li jibqgħu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom sa l-aħħar, u lil dawk li tbiegħdu minnek, l-umilta’ li jerġgħu lura għandek. Agħmel li jqumu mill-waqa’ tagħhom, ċerti li int ser terġa’ tilqagħhom lura bħala l-ħbieb tiegħek. Nitolbuk b’mod speċjali l-grazzja tal-qawwa għal dawk is-saċerdoti li jgħixu fil-periklu tal-persekuzzjoni. Agħtihom il-kuraġġ li jibqgħu magħquda mar-rieda tiegħek minkejja t-theddid u l-vjolenza u żommhom għalik biss. Qanqal ukoll il-qlub tat-tradituri biex iqumu mill-iżball u għal darb’oħra jerfgħu is-slaleb tagħhom u jimxu warajk.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
L-Għaxar Stazzjon
Ġesu’ mneżża’ minn ħwejġu.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Evanġelu ta’ San Ġwann: (K19, V23b-24)
Is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erba’, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: ‘Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.’ Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid, ‘Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.’ U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.
Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk għall-mistħija u l-umiljazzjoni li int ġarrabt meta ppermettejt li tkun imneżża’ minn ħwejġek fuq il-Golgota. (Ieqaf irrifletti).
Int li int is-safa fik innifsek, f’ġieħ l-insult bla qies li int sofrejt lejn id-dinjita’ tiegħek, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja tas-safa tal-qalb u l-intenzjoni fis-servizz tagħhom lejk, kif ukoll l-grazzja u l-kuraġġ biex ineżżgħu lilhom infushom minn dawk l-affarijiet kollha li lilek ma jogħġbukx. Ħares bi ħniena, ukoll, lejn dawk is-saċerdoti, li bħalek, huma mneżża’ mill-bżonnijiet tagħhom u li d-dinjita’ u l-qdusija tal-persuna tagħhom huma injorati minn dawk li jippersegwitawhom. Għinhom jgħaqqdu l-umiljazzjonijiet tagħhom ma’ tiegħek.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Il-Ħdax-il Stazzjon
Ġesu’ jiġi msammar mas-salib.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tas-Salmi: (P.22, V.15-18a)
Ninsab bħall-ilma msawwab, għandi għadmi maqlugħ kollu; qalbi hi bħal xemgħa, iddub ġewwa fija. Ħalqi mwaħħal ma’ ħnieki; ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt. Qabda klieb daru għalija; ġemgħa nies ħżiena rassewni. Taqqbuli jdejja u riġlejja; nista’ ngħodd għadmi kollu.
Mulej Ġesu’, nirringrazzjawk talli ingħatajt f’idejn il-persekuturi tiegħek biex tiġi msallab u tal-eżempju tal-paċenzja erojka li inti tajtna fl-agunija terribli tiegħek. (Ieqaf irrifletti).
Nitolbuk, f’ġieħ dawn it-tbatijiet kbar tiegħek, tagħti lis-saċerdoti l-paċenzja f’mumenti ta’ prova u kuntrarju. B’mod speċjali għal dawk l-ulied magħżula li jaqsmu fil-milja tagħha il-kruċifissjoni tiegħek, agħtihom il-grazzja li jgħaqqdu s-sofferenzi spiritwali, mentali u fiżiċi ma’ tiegħek fuq is-salib.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
It-Tnax-il Stazzjon
Ġesu’ jmut fuq is-salib.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Evanġelu ta’ San Mattew: (K27, V45-50)
Mis-sitt siegħa ‘l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesu’ għajjat b’leħen qawwi u qal: ‘Eli, Eli, lema sabaqtani?’ Jiġifieri, ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: ‘Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!’ U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li oħrajn qalu: ‘Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!’ Imma Ġesu’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Mulej tagħna u Alla tagħna! Inħobbuk b’qalbna kollha u nirringrazzjawk li fdejt id-dinja billi tajt ħajtek – tajt kollox – għalina. (Ieqaf irrifletti).
Ġesu’, nitolbuk biex tagħti lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja biex jaqsmu fil-karita’ bla limiti tiegħek u li jkunu lesti li bħalek jissagrifikaw lilhom infushom biex tikber is-Saltna tiegħek fuq din l-art. Nitolbuk Mulej, għal dawk is-saċerdoti li qed isofru persekuzzjoni minħabba fik. Agħtihom li jżommu dejjem f’moħħhom is-salib u l-mewt tiegħek. Ħa tkun l-imħabba tagħhom lejk u tiegħek lejhom li tmantnihom fil-mumenti ta’ provi tagħhom sabiex jaqsmu miegħek mhux biss l-uġigħ u t-tbatijiet imma wkoll ir-rebħa tal-qawmien!
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
It-Tlettax-il Stazzjon
Ġesu’ imniżżel minn fuq is-salib u mpoġġi f’dirgħajn Ommu Marija.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Kantiku ta’ Jum Marija Addolorata:
Wieqfa kienet, imbikkija, l-Omm ħdejn Binha, fit-tbatija, fuq salib imdendel. Ta’ din l-Omm il-qalb maqsuma f’dak l-imrar, bl-uġiegħ mitmuma, nifed sejf in-niket. Kemm tbatija f’qalb muġugħa, liema dwejjaq li jifnuha ħasset l-Omm imbierka.
Għażiż Mulej, nirringrazzjawk talli striħajt fil-mewt tiegħek, kif fit-twelid, fid-dirgħajn qaddisa tal-Immakulata Verġni Marija. (Ieqaf irrifletti).
Għażiż Ġesu’, f’ġieħ it-tgħannieqa li Ommok tat lil ġisem tiegħek bla ħajja, agħmel li s-saċerdoti tiegħek jgħixu hekk li jkun jistħoqqilhom jiġu ppreżentati lilek fis-siegħa ta’ mewthom fi ħdan l-Omm prezzjuża tiegħek. O Ġesu’ u Marija, kunu qrib ta’ dawk is-saċerdoti li qed isofru minħabba l-fidi tagħhom. Agħmlu li s-sofferenzi u l–mewt tagħhom ikunu bħal żerriegħa mħawla minn fejn il-Knisja titqawwa u titqaddes dejjem iżjed.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
L-Erbatax-il Stazzjon
Ġesu’ mpoġġi f’qabar.
Nadurawk Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K53, V8-9, 11a, 12b)
Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortih? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub. U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu.. għaliex hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin. Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin.
O Ġesu’, nirringrazzjawk tal-lezzjonijiet li tajtna matul ħajtek u bil-mewt tiegħek, u tal-qawmien glorjuż tiegħek mill-qabar għall-ħajja fil-Ġenna, li aħna wkoll nittamaw, li bil-grazzja tiegħek naslu ġurnata naqsmu miegħek. (Ieqaf irrifletti).
Għas-saċerdoti, maħbub Ġesu’, nitolbuk il-grazzja, f’ġieħ id-difna tiegħek li jżommu lilhom infushom, ‘l bogħod mill-ispirtu tad-dinja anki waqt li qed jgħixu fid-dinja, u l-grazzja, lejn l-aħħar ta’ ħajjithom ta’ perseveranza aħħarija. Agħti, Mulej, b’mod speċjali li dawk is-saċerdoti li niżlu minħabba fik fid-dlam tal-qabar tal-persekuzzjoni, ferħ bla tmiem miegħek fis-Sema. Agħmel li l-ġrieħi tagħhom jiddu fil-glorja ta’ bla tmien. Ħa jkunu magħquda miegħek fl-unjoni perfetta tal-Viżjoni Beatifika – il-wegħda tal-premju tiegħek għalihom talli jkunu qasmu miegħek is-salib tiegħek hawn fid-dinja.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Skont l-intenzjonijiet tal-Papa, għall-bżonnijiet u l-protezzjoni tiegħu.. Missierna, Sliema u Glorja.
TALBA TAL-GĦELUQ
Grazzi Mulej Ġesu’ talli ppermettejt li aħna nakkumpanjawk f’din il-mixja doloruża tiegħek bis-salib lejn il-Kalvarju. Berikna minn fuq is-salib u għinna nħobbuk dejjem iżjed biex aħna wkoll, inkunu nistgħu naqsmu miegħek fil-ferħ tal-Ġenna ma’ dawk li nkunu tlabna għalihom. Ammen.