X’għandi nifhem bil-kliem: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”?

🌻Dawn il-kliem huma t-tieni parti tal-kmand il-kbir li l-ewwel jikkmanda li nħobbu lil Alla b’kull ma aħna u mbagħad iżid li għandna nħobbu lil għajrna bħalna nnifisna. San Ġwann (1Ġw 4: 20-21) jgħid: “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ‘l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb ‘l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.” Mela ma jagħmilx sens li wieħed jkun irid iħobb lil Alla jekk din l-imħabba ma jgħixhiex mal-oħrajn. Fil-fatt, Ġesu’ qal li dak kollu li nagħmlu lil ħaddieħor nagħmluh lilU! (ara Mt 25: 31-46).

🌻 Il-qies ta’ kemm għandna nħobbu lill-oħrajn hu indikat mill-kliem stess tal-kmand: ‘bħalek innifsek’. Mela l-persuna l-oħra għandek tqisha daqslikieku inti stess. Għalhekk Ġesu’ qal: “Dak li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom għamluh intom lilhom” (Mattew 7:12). It-tifsir ta’ dan hu l-istess. Jekk wieħed jistaqsi: kieku jien x’inkun nixtieq f’din is-sitwazzjoni? Malajr ikun jaf x’għandha tkun l-imġieba tiegħu f’dak il-ħin. Ġesu’ tana metodu sempliċi u siewi ħafna ta’ kif inkunu nafu x’inhi l-imħabba li għandna nħobbu biha f’kull mument ta’ ħajjitna.

🌻 Dak li jrid Alla minna, Alla għamlu ċar kemm fit-tagħlim tal-Bibbja u permezz ta’ kif dejjem mexa mal-bnedmin. Alla jrid l-imħabba:

  • perfetta,
  • sħiħa,
  • disinteressata,
  • agape.

🌻 Bl-imħabba jgħammar Alla fid-dinja għax fejn hemm l-imħabba hemm Alla. Bl-imħabba d-dinja timtela bil-ħajja u l-ferħ veru. Ġesu’ qal: ‘Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja fil-milja kollha tagħha’ (Ġwanni 10:10).