Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 23: 1-12
L-Evanġelju skont San Mattew 23: 1-12
[Mt:23:1] F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom:
[Mt:23:2] “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej.
[Mt:23:3] Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.
[Mt:23:4] Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.
[Mt:23:5] Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawwlu l-ġmiemen tagħhom.
[Mt:23:6] Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi,
[Mt:23:7] u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejjħulhom Rabbi.
[Mt:23:8] Imma intom tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa.
[Mt:23:9] U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet.
[Mt:23:10] Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.
[Mt:23:11] Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom;
[Mt:23:12] min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Għaliex Ġesu’ wasal biex għajjar lill-Fariżej ipokriti u wiċċ b’ieħor?
Il-kelma ipokrita tfisser attur. Xi ħadd li jagħmel ‘show’ bih innifsu biex jiġbed l-attenzjoni fuqu. Dawn il-Fariżej minħabba l-istil ta’ ħajja li kienu jgħixu kienu jaħsbu li huma l-aqwa u l-aħjar u l-aktar nies tajba u li jixraqilhom il-qima. Kienu nies mill-aktar suppervi u jaraw lil kulħadd madwarhom bħala inferjuri għalihom. Ġesu’ uriehom li f’dak li kienu jagħmlu kienu qed jinsew dak li hu l-essenzjal bħal ġustizzja u l-imħabba t’Alla. Kienu wkoll tilfu l-viżjoni tagħhom dwar Alla u dwar l-iskop tal-liġi.
Ħsieb għal Qalbek …
Dawn il-Fariżej kienu jpoġġu fuq l-oħrajn toqol żejjed u ordnijiet imma jonqsu milli juruhom il-karita’ b’mod speċjali ma’ dawk li kienu dgħajfa u fqar. L-essenza tal-Kmandamenti t’Alla hi l-imħabba. L-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. Alla huwa mħabba u dak kollu li jagħmel joħroġ minn din l-istess imħabba li għandu għalina. L-imħabba titlob sagrifiċċju. Hi mħabba li tgħannaq u terfa’ t-toqol tal-oħrajn.
Inti tħalli din l-imħabba t’Alla titrasforma lil moħħok u lil qalbek?
Itlob …
Mulej, imlieni bi mħabbtek u bil-ħeġġa għas-Saltna tiegħek. Agħmel li jien naġixxi bi ħniena, b’ġentilezza u b’ġustizzja fir-relazzjonijiet tiegħi mall-oħrajn u f’dak kollu li jiena nagħmel.
Marija Ommi, int li int ix-xempju tal-umilta’. Għallimni nilqa’ t-twissijiet t’Ibnek u nasal nindem mis-suppervja tiegħi u nistqarr li neħtieġ lil Alla biex jaħfirli u jurini kif għandi nikber fil-qdusija li hu jrid jara fija. Ammen.