37. Riflessjoni fuq Mattew 7: 7-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 7: 7-12

5345L-Evanġelju skont San Mattew 7: 7-12

[Mt:7:7] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom.

[Mt:7:8] Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu.

[Mt:7:9] Min hu dak il-bniedem fostkom li, jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż, sejjer jagħtih ġebla?

[Mt:7:10] Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp?

[Mt:7:11] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

[Mt:7:12] Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tistenna li Alla jisma’ t-talb tiegħek?

Ġesu’ ried jgħolli l-aspettattivi tad-dixxipli tiegħu meta għallimhom kif jitolbu. Il-parabbola tal-Missier li jitma’ lil Ibnu turina xi ħaġa li lanqas kienet tgħaddilna minn moħħna.

Kif jista’ Missier twajjeb u ġust jirrifjuta li jagħti lil Ibnu dak li hu tajjeb jew agħar minn hekk li jagħtih xi ħaġa ta’ ħsara? F’kelma waħda Ġesu’ jagħmel stqarrija li tallarmana meta jżid jgħid kemm aktar  Missierkom li hu fis-sema jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

Ħsieb għal Qalbek …

Missierna tas-sema jagħtina b’ġenerożita’ aktar milli qatt nistgħu nistennew. Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu b’kunfidenza għaliex Missierna tas-sema fit-tjieba tiegħu dejjem lest jisma’ t-talb tagħna u għalhekk li nistgħu nitolbu b’asserzjoni u b’konvinzjoni. “Ħobżna ta’ kuljum; agħtina llum.”

Dawk li jafu u jafdaw fl-imħabba t’Alla jitolbu bl-akbar kunfidenza. Ġesu’ jikkonkludi billi jfakkarna li biex wieħed jobdi u jwettaq l-liġi u l-profeti għandu jitratta lill-proxxmu bl-istess mod kif aħna nixtiequ niġu trattati minn Alla u mill-istess proxxmu tagħna. Mhux biżżejjed li nevitaw milli nagħmlu ħsara lill-oħrajn. Huwa importanti li nfittxu li nagħmlulhom il-ġid.

U inti, b’liema mod qed tagħti mill-ġid li tista’ lill-oħrajn u titlob biex taqla’ mingħand Alla l-ġid li jixtieq jagħtik?

Itlob …

Agħtini li nħobbok Mulej tiegħi u Alla tiegħi u nara lili nnifsi kif jien tassew, pellegrin fuq din l-art, nisrani msejjaħ biex nirispetta u nħobb lil dawk kollha li Inti tlaqqani magħhom, lil dawk li jinsabu fl-awtorita’ fuqi jew taħt l-awtorita’ tiegħi, lil ħbiebi u lill-għedewwa tiegħi.

Għinni għażiża Marija, biex nirbaħ ir-rabja bil-ġentilezza, l-kilba bil-ġenerożita’ u l-apatija bil-fervur. Għallimni ninsa lili nnifsi u ngħin lill-oħrajn f’kull ma nista’ fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u l-aktar f’dawk tar-ruħ. Ammen.