Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 18: 9-14
L-Evanġelju skont San Luqa 18: 9-14
[Lq:18:9] F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:
[Lq:18:10] “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu.
[Lq:18:11] Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan.
[Lq:18:12] Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal.’
[Lq:18:13] Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’
[Lq:18:14] Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
L-Iskrittura twissina li Alla jopponi lil min hu supperv imma jagħti l-grazzja lil umli. Dan nistgħu nsibuh fil-Ktieb tal-Proverbji kapitlu 3 vers 34. Ġesu’ jpinġilna storja evidenti ta’ żewġ irġiel li jitolbu.
X’inhu l-punt jew il-lezzjoni li jridna nitgħallmu?
San Luqa jagħtina ideja. Ġesu’ jwissina dwar il-periklu li niddisprezzaw lil ħaddieħor. Il-preġudizzju hu agħar milli wieħed ikun aħrax f’imġiebtu. Attitudni bħal din toħroġ milli wieħed jassumi li hu kwalifikat biex ipoġġi fuq is-siġġu tal-ġudizzju u b’ċertezza jagħraf min hu tajjeb u ġust.
L-istorja ta’ Ġesu’ kkaġunat offiża għal dawk li kienu jikkunsidraw lil min kien jiġbor it-taxxi bħala li ma jistħoqqilhomx il-grazzja u l-favur t’Alla. Kif seta’ Ġesu’ jbaxxi kap reliġjuż u jgħolli midneb pubbliku? Il-parabbola ta’ Ġesu’ titkellem dwar in-natura tat-talb u r-relazzjoni tagħna m’Alla. Huwa jagħmel dan billi jikkontrasta żewġ tipi differenti ħafna t’attitudnijiet lejn it-talb. Il-Fariżew li jirrappreżenta dawk li jiftaħru bil-prattiċi reliġjużi tagħhom intefaħ bih nnifsu għad-detriment ta’ ħaddieħor mitluf fis-sodisfazzjon tiegħu nnifsu u fil-ftaħir ta’ dak li kien qed jgħix hu kien qisu jitkellem miegħu nnifsu, aktar milli jitlob lil Alla. Barra minn hekk hu żied kliem ta’ disprezz u preġudizzju fir-rigward tar-raġel l-ieħor li kien qiegħed jitlob fis-skiet. Il-Fariżew ipprova jiġġustifika lilu nnifsu, imma Alla biss jista’ jiġġustifika.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-pubblikan li kien jirrapreżenta lil dawk li kienu ddisprezzati minn nies reliġjużi, umilja lilu nnifsu quddiem Alla u talbu ħniena. It-talba tiegħu nstemgħet minn Alla għaliex hu kien sobgħien għal dnubietu. Hu fittex lil Alla b’qalb umli u niedma u bis-sinċerita’ minflok bis-suppervja. Din il-parabbola tirrapreżenta kemm opportunita’ kif ukoll twissija. Is-suppervja twassal għall-illużjoni u l-qerq fil-bniedem. L-umilta’ tgħinna biex naraw lilna nnfusna bħalma aħna tassew u twassalna għall-grazzja u l-ħniena t’Alla.
Alla jgħammar fil-qalb umli ta’ dawk li jgħarfu li huma midinbin u li jafu li huma kontinwament fil-bżonn tal-ħniena u tal-grazzja t’Alla li ssalvahom. Alla ma jistax jismagħna jekk niddisprezzaw lill-oħrajn.
Inti tfittex il-ħniena t’Alla u turi ħniena lejn l-oħrajn, b’mod speċjali dawk li l-aktar issibha diffiċli biex tħobb u taħfer?
Itlob …
Mulej, agħmel li mħabbtek tikkontrolla l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħi ħalli jien nagħmel dak li jogħġob lilek.
Indur lejk ħelwa Marija u nitolbok biex turini Int fejn jiena nieqsa mill-karita’, mill-ħniena u mill-maħfra lejn il-proxxmu tiegħi. Għinni Ma biex inkun ġeneruża u nagħti minni nnifsi u minn dak li għandi lill-oħrajn bl-istess kejl ta’ ġenerożita’ li biha Int u Ibnek tagħtini kull ma neħtieġ. Ammen.