195. Riflessjoni fuq Luqa 13: 18-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 13: 18-21

Luke 13:18-19

L-Evanġelju skont San Luqa 13: 18-21

[Lq:13:18] F’dak iż-żmien, Ġesu qal: “Lil xiex tixbah is-Saltna ta’ Alla, u ma’ xiex se nxebbhuha?

[Lq:13:19] Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar ta’ l-ajru marru jbejjtu fil-friegħi tagħha.”

[Lq:13:20] U reġa’ qalilhom: “Ma’ xiex se nxebbahha s-Saltna ta’ Alla?

[Lq:13:21] Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-eżempju taż-żerriegħa tal-mustarda u tal-ħmira fid-dqiq jgħallmuna ħafna dwar s-Saltna t’Alla. Iż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda tassew tikber f’siġra u tatratta ħafna għasafar li jiġu jnaqqru ż-żerriegħa sewda u ċkejkna li tipproduċi. Is-Saltna t’Alla taħdem bl-istess mod. Tibda b’bidu umli u żgħir fil-qlub tal-bnedmin li huma lesti jilqgħu l-Kelma t’Alla u mbagħad taħdem b’mod li ma jidhirx u titrasformak minn ġewwa.

L-eżempju tal-ħmira hu eżempju qawwi ieħor ta’ din l-istess bidla. Meta l-ħmira tiġi miżjuda mall-għaġna tal-ħobż, iseħħ trasformazzjoni u r-riżultat ta’ meta jinħema jidher ċar mill-ħobż tajjeb u bnin li l-bniedem tant jeħtieġ. Is-Saltna t’Alla tipproduċi wkoll trasformazzjoni f’dawk li jirċievu l-ħajja ġdida li joffrilna Ġesu’. Meta aħna nagħtu ħajjitna lil Ġesu’ l-ħajja tagħna tiġi mibdula bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina għax irċevejnieh fil-Magħmudija.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti temmen fit-trasformazzjoni li l-Ispirtu s-Santu jwettaq fik kull darba li int tagħmel ħiltek biex tgħix skont it-tagħlim ta’ Kristu u tal-Knisja?

X’qed tagħmel biex tesperjenza din il-bidla fik u tħeġġeġ lill-oħrajn ħalli wkoll huma jinbidlu f’dak li jrid minna l-Ispirtu s-Santu?

Temmen tassew li Hu jrid minnek il-qdusija tiegħek?

Itlob …

Mulej, imlieni bl-Ispirtu s-Santu u għamilni aktar nixbah lill-Imgħallem tiegħi Sidi Ġesu’ permezz ta’ dik il-qdusija li trid tara fija. Żid il-ħeġġa tiegħi għas-Saltna tiegħek u nissel fija xewqa qaddisa li jiena ngħix biex nogħġbok u nagħtik glorja. Ammen.