83. Riflessjoni fuq Luqa 4: 16-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 4: 16-21

jesus-of-naz

L-Evanġelju skont San Luqa 4: 16-21

[Lq:4:16] U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra.

[Lq:4:17] Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

[Lq:4:18] ‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani,
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
nrodd il-ħelsien lill-maħqurin

[Lq:4:19] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’

[Lq:4:20] Mbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu.

[Lq:4:21] U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tikkritikahom lill-oħrajn b’mod speċjali dawk l-aktar qrib tiegħek?

L-aktar nies li jikkritikawna b’mod sever huma ħafna drabi dawk l-aktar familjari magħna. Xi ħadd jiġi minna jew ġirien li magħhom naqsmu ħajjitna. Ġesu’ ġie affaċċjat ma’ prova iebsa meta mar lura fil-belt ta’ pajjiżu f’Nażaret mhux sempliċiment bħala iben il-Mastrudaxxa, imma issa bħala Mgħallem imdawwar bid-dixxipli. Kienet użanza għal Ġesu’ li jmur is-sinagoga kull nhar ta’ Sibt il-jum qaddis tal-Lhud u meta kien imissu kien jaqra mill-Iskrittura. In-nies ta’ beltu semgħuh b’attenzjoni kbira f’din l-okkażjoni għaliex kienu semgħu dwar il-mirakli li kien għamel fi bliet oħra.

X’sinjal kien se jagħmel f’beltu stess?

Ġesu’ ħasadhom biċ-ċanfira li tahom li ebda profeta jew qaddej t’Alla mhu miġjuh qalb niesu. In-nies ta’ Nażaret ħadu għalihom b’dan l-aġir u ma riedux jisimgħu x’kellu xi jgħidilhom. Huma ddisprezzaw it-tagħlim tiegħu għax hu kien bin ħaddiem mastrudaxxa sempliċi ħaddiem tal-id u għalhekk iddisprezzawh minħabba l-familja tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Kemm drabi l-familjarita’ twassal għal nuqqas ta’ rispett żbaljat fl-oħrajn. Ġesu’ ma setgħa jagħmel l-ebda manifestazzjoni tal-qawwa tiegħu fosthom għax qalbhom kienet iebsa u magħluqa bin-nuqqas ta’ twemmin fih. Jekk in-nies flimkien jaslu jobgħodu u jirrifjutaw li jifhmu, allura ma jaraw xejn ħlief il-punt tagħhom u ma jaslux li jħobbu u jaċċettaw lill-oħrajn.

Inti malajr tieħu għalik u toffendi ruħek minħabba l-oħrajn?

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti l-milja tat-tamiet u x-xewqat kollha tagħna. L-Ispirtu tiegħek jagħtina l-grazzji, il-verita’, il-ħajja u l-liberta’. Imlieni bil-vera ferħ tal-Evanġelju li ġejt twasslina u ħeġġeġ lil qalbi bl-imħabba u ż-żelu għar-rieda mqaddsa tiegħek. Ammen.