17. Iż-Żewġ Mirakli ta’ Stich, Ġermanja tal-Punent

TLMIŻ-ŻEWĠ MIRAKLI TA’ STICH, ĠERMANJA TAL-PUNENT
1970

Stich hija l-iżgħar mit-tlett irħula li jiffurmaw parroċċa fir-reġjun tal-Bavarja fil-Punent tal-Ġermanja ħdejn il-fruntiera Svizzera. Fl-1970 saċerdot mill-kappella ta’ Maria Rhien kien iservi lil dawn it-tlett irħula. Minħabba li l-kappillan kien marid, saċerdot mill-Isvizzera daħal floku u kien qiegħed jipprepara biex jiċċelebra Quddiesa Tridentina fil-kappella ta’ Stich fit-tmienja ta’ filgħaxija nhar it-Tlieta, 9 ta’ Ġunju,1970.

Il-quddiesa baqgħet sejra bl-istil tradizzjonali sakemm, wara l-Konsagrazzjoni f’daqqa waħda s-saċerdot innota li fuq l-korporal ħdejn il-kalċi kien hemm tebgħa żgħira ħamra li malajr saret id-daqs ta’ munita. Mal-elevazzjoni tal-kalċi s-saċerdot innota tebgħa oħra ħamra fil-post ta’ fejn kien il-kalċi. Billi ħaseb illi seta’ kien hemm xi toqba fil-kalċi mesaħ qiegħ il-kalċi b’idejh imma sabu xott.

Wara l-quddiesa s-saċerdot spezzjona tajjeb it-tliet biċċiet drapp li kienu jiksu l-altar: il-korporal ta’ fuq, il-korporal l-ieħor dejjaq taħtu u t-tvalja twila li kienet tgħatti l-altar kollu. La darba kollox kien kompletament nadif ma setgħet tingħata l-ebda spjegazzjoni kif tfaċċaw dawk it-tbajja. Wara li dawk il-biċċiet tad-drapp imċappsa bid-demm ġew maqfula f’post ta’ sikurezza, is-saċerdot telaq biex jagħti rapport tal-inċident lill-kappillan li kien marid.

Nhar il-Ħamis, 11 ta’ Ġunju t-tbajja ħomor ġew eżeminati aktar bir-reqqa mill-kappillan u s-saċerdot svizzeru, u t-tnejn ma setgħux isibu spjega naturali kif setgħu ġew dawk it-tbajja. Wara li ħadulhom ritratti, l-biċċiet tad-drapp intbagħtu f’laboratorju biex jiġu analiżżati.

Ir-riżultati tat-testijiet twasslu għand is-saċerdoti minn Sour Marta Brunner tal-Istitut Polikliniku tal-Universita’ ta’ Zurich. Fl-ittra tagħha, li kienet iffirmata wkoll minn dawk li mexxew it-testijiet, hi stqarret li l-biċċiet tad-drapp ġew imressqa quddiem erba’ persuni differenti biex jiġu analiżżati mingħajr ma ntqalilhom lanqas kelma waħda dwar dak li kien ġara fuq l-altar. Hi kitbet:

“Jien obdejt l-ordni stretta tagħkom, billi sempliċiment staqsejt l-esperti jekk dawk kienux tbajja tal-inbid, tad-demm jew ta’ sustanza oħra. Ir-riżultati tal-erba’ analiżi jindikaw illi t-tbajja huma ta’ demm ta’ bniedem. Flimkien ma’ dan, id-direttur tal-laboratorju jgħid illi skont il-ġudizzju tiegħu d-demm huwa żgur ta’ persuna fi tbatija.”

dcwceybxoaaktds

Il-persuni li ħadu sehem fl-analiżi kienu d-Direttur tal-Laboratorju tal-Kimika, is-Superjur tal-Laboratorju għall-Kontroll tad-Demm, student tal-mediċina tas-Sitt sena u s-Superjur tal-Laboratorju għall-Analiżi fl-Emoroġija (Analysis of hemorrhage and Coagulation).

L-ittra ta’ Sour Marta kienet iġġib it-timbri tal-Istitut Kliniku tat-Terapija Radjali u Mediċina Nuklejari u tal-Istitut Polikliniku tal-Universita’ ta’ Zurich.

Nhar l-14 ta’ Lulju 1970 fit-tmienja ta’ filgħaxija, is-saċerdot Svizzeru kellu jiċċelebra quddiesa oħra skont il-missal tridentin fil-kappella ta’ Stich. Din id-data kienet l-400 anniversarju mill-ħruġ tal-bolla “Quo Primum” u l-quddies mad-dinja kollha kellu jitqaddes skont il-missal ruman, għalhekk l-isqfijiet ma setgħux joħorġu l-missal tagħhom iżjed. Il-missal tal-Papa Piju V kien magħruf bħala l-missal tridentin, billi dan sar bħala parti mir-riformi tal-Kunsill ta’ Trentu.

Qabel ma beda l-quddiesa s-saċerdot aċċerta ruħu illi l-altar, it-tvalja, il-korporal u l-kalċi kienu ndaf u f’kundizzjoni tajba. Minkejja dan, ftit wara l-Konsagrazzjoni tbajja ħomor reġgħu dehru fuq il-korporal. Is-saċerdot iġġenneb ftit u għamel sinjal lis-sagristan biex jersaq lejn l-altar. Waqt li s-sagristan ħares imbikkem lejn it-tbajja s-saċerdot qarben. Membri tal-kongregazzjoni billi nnutaw l-imġiba mhux tas-soltu tas-sagristan issuspettaw illi kienet ġrat xi ħaġa starordinarja u dehru bla sabar għall-bqija tal-quddiesa. Is-saċerdot issodisfa l-kurżita’ tal-poplu billi hekk kif spiċċat il-quddiesa ppermettielhom jersqu lejn l-altar biex jaraw it-tbajja.

c00922_e88c098e915748858f86d2e0ce8edb83Mingħajr telf ta’ żmien il-kappillan ġie nfurmat b’dan it-tieni inċident. Billi t-tbajja tad-9 ta’ Ġunju kienu ttieħdu għall-analiżi fl-Istitut Polikliniku tal-Universita’ ta’ Zurich, il-kappillan iddeċieda illi din id-darba (tal-14 ta’ Lulju) jibgħathom l-Isptar Distrettwali ta’ Cercee. Ittieħdu l-istess prekawzjonijiet u ma ntqal xejn dwar kif kienu oriġinaw dawn it-tbajja. Ix-xjentisti kienu sempliċiment mitluba biex jiddentifikaw x’likwidu kien ikkaġunahom.

Ir-riżultat tat-testijiet dwar dawn it-tbajja tal-14 ta’ Lulju ħarġu nhar it-3 t’Awwissu, 1970. Ir-rapport, li kopja tiegħu ntbagħtet lill-isqof, kien igħid fil-qosor illi t-tbajja kienu ta’ demm tal-bniedem.

Wara li waslu r-riżultati ta’ dawn it-testijiet xi wħud minn dawk li raw it-tbajja fuq l-altar dak inhar tal-Miraklu tal-14 ta’ Lulju għamlu xi stqarrijiet. Nhar it-8 ta’ Novembru 1970 is-sagristan tal-kappella ta’ Stich is-Sur Joseph Talscher iddikjara:

“Nhar l-14 ta’ Lulju filgħaxija l-Father kien jiċċelebra l-quddiesa fil-kappella ta’ Stich. Billi konna nafu b’dak li kien ġara nhar id-9 ta’ Ġunju aħna aċċertajna ruħna illi l-ħwejjeġ sagri ta’ fuq l-altar kienu perfettament indaf…

Wara li rċevejt l-Ewkaristija Mqaddsa s-saċerdot għamilli s-sinjal u wrieni l-altar. Dak il-ħin rajt it-tbajja. Wara l-quddiesa aħna lkoll erġajna flejna t-tvalji, u speċjalment it-tebgħa l-kbira li kienet daqs l-Ostja tas-saċerdot. Rajna salib ċar ħafna fuqha. Aħna ħarisna bil-għaġeb lejn xulxin. Kien hemm differenza żgħira bejn it-tbajja tal-lum u “dawk tad-9 ta’ Ġunju meta l-istess saċerdot kien qiegħed iqaddes il-quddiesa. Jien lest nirrepeti dan kollu fuq ġurament”.

Is-Sur Johannes Talscher, is-sagristan tal-kappella ta’ Maria Rhein u ħu s-sagristan ta’ Stich, iddikkjara li kien attenda għall-quddiesa nhar l-14 ta’ Lulju fil-kappella ta’ Stich. Hu żied igħid:

“Jien kont naf bil-Miraklu tad-demm tad-9 ta’ Ġunju meta l-istess saċerdot kien qiegħed iqaddes, u għalhekk kont qiegħed naħseb li ser jerġa’ jiġri għat-tieni darba… Meta ntemmet il-quddiesa r-reverendu saċerdot talabna ngħidu tlett Pater Nosters ad unur tad-Demm l-iżjed Prezzjuż tas-Sinjur Tagħna. Wara qalilna illi l-fenomenu tad-9 ta’ Ġunju reġa’ rrepeta ruħu. Ippermettewlna li nersqu ħdejn l-altar. Jien rajt erba’ tbajja. Waħda kienet daqs l-Ostja tas-saċerdot u kien jidher salib fuqha. Oħra kienet daqs Ostja żgħira, u t-tnejn l-oħra kienu iżgħar. Kienu kollha ħomor fil-kannella. Għandi fehma soda li dawn it-tbajja tad-demm misterjużi ma hemm l-ebda spjega naturali għalihom.”

Infermiera mill-Isptar Muniċipali ta’ Rosenheim fil-Ġermanja tal-Punent, li kienet ukoll soru reliġjuża, kienet preżenti għall-quddiesa tal-14 ta’ Lulju u tat iktar dettalji fl-istqarrija tagħha fl-10 ta’ Novembru 1970:

the_blood_of_jesus“Aħna ersaqna kollha lejn l-altar. L-ewwel rajna tliet tbajja, waħda minnhom kienet daqs Ostja kbira li jieħu s-saċerdot. It-tnejn l-oħra kienu daqs dawk li jitqarbnu biha l-fidili. Imbagħad oħti Marija għajtet bil-għaġeb u wrietni r-raba’ tebgħa fuq l-altar fuq il-ġenb tal-Evanġelju. Aħna kollha b’eċċitament irrimarkajna: “Ara hemm salib fuq kull waħda minnhom!” Il-linja ta’ barra tat-tbajja kienet ċara ħafna. Din il-linja ma nferxitx mal-ħajt tad-drapp kif jagħmlu likwidi oħra ordinarji, iżda nifdu t-trieħi tal-altar. Kull min kien preżenti baqa’ mgħaġġeb u mqanqal qisu xxukkjat.”

Fi stqarrija oħra ffirmata minn ħafna oħrajn li kienu preżenti għall-quddiesa tal-14 ta’ Lulju ġie ddikkjarat illi wara li raw it-tbajja sabu illi kienu għadhom friski (imxarrbin) u li kienu ta’ qisien differenti:

“Stajna naraw l-istess tbajja fuq il-biċċa drapp żgħira ta’ taħt il-korporal. Ħafna minn dawn it-tbajja kellhom salib ġo nofshom. Flimkien ma’ dawn, iż-żewġ tvalji ta’ fuq l-altar kien fihom l-istess tbajja.”

L-isqof ta’ Augsburg, Jospeh Stimpfla, ġie nfurmat biż-żewġ inċidenti. Huwa waqqaf kummissjoni ta’ stħarriġ nhar id-9 t’Ottubru 1970 is-saċerdot Svizzeru ġie mitlub biex jagħti d-dettalji kollha dwar iż-żewġ Mirakli. Wara studju tar-riżultati tat-testijiet xjentifiċi u wara li ġew intervistati x-xhieda, l-Mirakli ġew irreferiti għall-Kongergazzjoni Dottrinali ġewwa Ruma.

Il-poplu ta’ Stich iħossu ipprivileġġjat li żewġ Mirakli Ewkaristiċi ġraw fil-kappella umli tagħhom, u bħala riżultat saru iktar devoti u għandhom imħabba ikbar lejn l-Ewkaristija Mqaddsa.

English Version: https://prezi.com/mhtpi80z9dho/eucharistic-miracle-of-stitch-west-germany/

One can also buy this book containing this and other Eucharistic Miracle events: https://www.amazon.com/Eucharistic-Miracles-Phenomena-Lives-Saints/dp/0895553031

Nota: It-Tagħrif dwar dawn iż-Żewġ Mirakli Ewkaristiċi huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.