Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 37-41
L-Evanġelju skont San Luqa 11: 37-41
[Lq:11:37] F’dak iż-żmien, Ġesu huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda.
[Lq:11:38] Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skond ir-riti ta’ qabel l-ikel.
[Lq:11:39] U l-Mulej qallu: “U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen.
[Lq:11:40] Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta’ barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta’ ġewwa?
[Lq:11:41] Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Għaliex Ġesu’ wasal biex għajjar lill-Fariżej ipokriti u wiċċ b’ieħor?
Il-kelma ipokrita tfisser attur. Xi ħadd li jagħmel ‘show’ bih innifsu biex jiġbed l-attenzjoni fuqu. Dawn il-Fariżej minħabba l-istil ta’ ħajja li kienu jgħixu kienu jaħsbu li huma l-aqwa u l-aħjar u l-aktar nies tajba u li jixraqilhom il-qima. Kienu nies mill-aktar suppervi u jaraw lil kulħadd madwarhom bħala inferjuri għalihom. Ġesu’ uriehom li f’dak li kienu jagħmlu kienu qed jinsew dak li hu l-essenzjal bħal ġustizzja u l-imħabba t’Alla. Kienu wkoll tilfu l-viżjoni tagħhom dwar Alla u dwar l-iskop tal-liġi.
Ħsieb għal Qalbek …
Dawn il-Fariżej kienu jpoġġu fuq l-oħrajn toqol żejjed u ordnijiet imma jonqsu milli juruhom il-karita’ b’mod speċjali ma’ dawk li kienu dgħajfa u fqar. L-essenza tal-Kmandamenti t’Alla hi l-imħabba. L-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. Alla huwa mħabba u dak kollu li jagħmel joħroġ minn din l-istess imħabba li għandu għalina. L-imħabba titlob sagrifiċċju. Hi mħabba li tgħannaq u terfa’ t-toqol tal-oħrajn.
Inti tħalli din l-imħabba t’Alla titrasforma lil moħħok u lil qalbek?
Itlob …
Mulej, imlieni bi mħabbtek u bil-ħeġġa għas-Saltna tiegħek. Agħmel li jien naġixxi bi ħniena, b’ġentilezza u b’ġustizzja fir-relazzjonijiet tiegħi mall-oħrajn u f’dak kollu li jiena nagħmel.
Marija Ommi, int li int ix-xempju tal-umilta’. Għallimni nilqa’ t-twissijiet t’Ibnek u nasal nindem mis-suppervja tiegħi u nistqarr li neħtieġ lil Alla biex jaħfirli u jurini kif għandi nikber fil-qdusija li hu jrid jara fija. Ammen.