239. Riflessjoni fuq Luqa 1: 5-25

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 5-25

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 5-25

[Lq:1:5] Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron.

[Lq:1:6] It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skond il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej.

[Lq:1:7] Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.

[Lq:1:8] Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu,

[Lq:1:9] u, skond id-drawwa tal-liturġija, ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.

[Lq:1:10] Waqt ir-rit ta’ l-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.

[Lq:1:11] U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin ta’ l-artal ta’ l-inċens.

[Lq:1:12] Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ biża’ fuqu.

[Lq:1:13] Imma l-anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.

[Lq:1:14] Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel.

[Lq:1:15] Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.

[Lq:1:16] Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom,

[Lq:1:17] u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.”

[Lq:1:18] Imma Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien?”

[Lq:1:19] Wieġeb l-anġlu u qallu: “Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba.

[Lq:1:20] U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dak in-nhar li jiġri kull ma ħabbartlek.”

[Lq:1:21] Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju.

[Lq:1:22] Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa’ mbikkem.

[Lq:1:23] Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa’ lura lejn id-dar.

[Lq:1:24] Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid:

[Lq:1:25] “Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int toqgħod attent għall-vuċi t’Alla f’qalbek?

Ġesu’ qal: ‘In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni u jien nagħrafhom u huma jimxu warajja.’ Din insibuha fi Ġwanni 10 vers 27. Żakkarija kien bniedem ġust u dejjem lest biex jisma’ l-Kelma t’Alla. San Luqa jirrakkonta li n-nies bdew jitħassbu minħabba d-dewmien tiegħu ta’ Żakkarija fit-Tempju u stagħġbu meta rawh li ma setgħax jitkellem hekk kif kien għadu kemm ħareġ mill-kamra l-qaddisa tas-Santwarju. Huma ntebħu kif fil-fatt hekk kien li kellu xi kuntatt speċjali m’Alla.

Il-messaġġier t’Alla sellem lil Żakkarija b’barka li kienet iżjed milli qatt seta’ jistenna qallu: ‘It-talba tiegħek instemgħet, se jkollok Iben u l-missjoni tiegħu se tkun kbira f’Iżrael.’ Issa dan kollu deher wisq għal Żakkarija biex iniżlu kollu f’daqqa.

Seta’ Alla jagħmel miraklu għal martu li ma setgħax ikollha tfal?

L-anġlu b’għaqal poġġa lil Żakkarija f’postu quddiem l-azzjoni qawwija t’Alla. Hu mmuta sa dak il-jum li fih it-tifel kien iddedikat lil Alla u ngħata l-isem ta’ Ġwanni. Meta Alla jdaħħalna fil-preżenza tiegħu hu jridna fil-kwiet quddiemu biex inkunu nistgħu noqgħodu attenti biex nisimgħu l-vuċi tiegħu filwaqt li hu jkellem lil qalbna u jirrevelana l-pjanijiet tiegħu għalina.

Inti tisma’ b’attenzjoni lill-Mulej u toqgħod taħseb dwar Kelmtu f’qalbek b’fiduċja u b’kunfidenza?

Ħsieb għal Qalbek …

Fit-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista l-anġlu spjega lil Żakkarija rwol li Ibnu kellu jwettaq billi jipprepara għall-miġja tal-Messija. Ġwanni se jkun kbir f’għajnejn il-Mulej u se jgħix bħala nażri. Kif insibu fil-ktieb tan-Numri kapitlu 6 jfisser persuna ddedikata għal Alla. Kien se jkun mimli bl-Ispirtu s-Santu anke sa minn ġuf ommu u kien se jintbagħat għand il-poplu t’Alla bl-Ispirtu u l-qawwa t’Elija biex idawwar l-qlub tal-missirijiet u l-ulied lejn Alla u lejn xulxin billi jdawwal lil dawk li ma jobdux għall-għerf tal-ġusti. L-isem ta’ ‘Ġwanni’ jfisser ‘Alla għani fil-grazzja’. Meta Alla jaħdem biex isalvana Hu jimlina b’mod abbundanti bl-Ispirtu qaddis tiegħu u jagħmel il-fidi tagħna ħajja u attiva għall-wegħdiet tiegħu.

Inti titlob biex il-qlub tal-ġenituri u l-ulied idur lejn Alla u lejn xulxin?

Itlob …

Mulej Ġesu’, int iġġib it-tama u l-ħajja ġdida fil-poplu tiegħek. Ġedded u saħħaħ il-familja Nisranija fi żminijietna.

Għażiża Marija, Sultana tal-paċi u tal-familja, għinni nħobb u nservi fil-familja tiegħi. Għinni nħalli l-imħabba t’Ibnek issaltan fir-relazzjonijiet kollha tiegħi u b’talbek nitolbok tkisser kulma jfixkel il-paċi, l-armonija u l-għaqda ta’ bejnietna. Ammen.