133. Riflessjoni fuq Mark 9: 1-9

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 9: 1-9

The-Transfiguration-by-Carl-Bloch-Danish-painter-1834-1890-cropped.

L-Evanġelju skont San Mark 9:1-9

[Mk:9:1] Qalilhom ukoll: “Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa.”

[Mk:9:2] Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.

[Mk:9:3] Lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija ta’ l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.

[Mk:9:4] U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

[Mk:9:5] Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”

[Mk:9:6] Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

[Mk:9:7] Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.”

[Mk:9:8] Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

[Mk:9:9] Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti ppreparat biex tara l-glorja t’Alla?

Alla ħerqan biex jaqsam il-glorja tiegħu miegħek. Nilmħu mill-bogħod din il-glorja meta d-dixxipli raw lil Ġesu’ ttrasfigurat fuq it-Tabor.

Ir-rakkont li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb. Fil-ktieb tal-Eżodu kapitlu 34 vers 29 insibu li meta Mosè ltaqa’ m’Alla fuq il-muntanja tas-Sinaj il-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejn Alla. U f’San Pawl fit-tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 7 jgħidilna li l-Iżraelin ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mosè minħabba fid-dija ta’ wiċċu.

Fir-rakkont tallum Ġesu’ jidher fil-glorja mall-kbir mexxej Mosè dak li permezz tiegħu ngħatat il-liġi u m’Elija l-aqwa fost il-profeti li ħabbar ħafna dwar il-miġja tal-Messija fil-preżenza ta’ tlieta mill-appostli għeżież tiegħu.

X’inhu s-sinifikat ta’ din id-dehra misterjuża?

Ġesu’ mar fuq il-muntanja bl-għarfien minn qabel ta’ dak li kellu jgħaddi minnu f’Ġerusalemm. Iċ-ċaħda li kellu jsofri, il-mod kif kien se jiġi mwarrab u l-mewta tas-salib. Probabbilment li Ġesu’ tkellem dwar id-deċiżjoni tiegħu li jmur għall-mewt tas-salib ma’ Mosè u Elija. Alla l-Missier ukoll tkellem ma’ Ġesu’ u ta l-approvazzjoni tiegħu: ‘Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.’

Is-sħaba li mliet il-post ta’ din id-dehra ta’ Ġesu’ wettqet il-ħolma tal-Lhud li meta l-Messija jiġi s-sħaba tal-preżenza t’Alla kienet se terġa’ timla’ t-Tempju li jissemma’ fit-testment il-qadim.

Ħsieb għal Qalbek …

Pietru, Ġakbu u Ġwanni kienu xhieda privileġġati tal-glorja ta’ Kristu. Aħna wkoll bħala dixxipli ta’ Kristu msejħa biex inkunu xhieda tal-glorja tiegħu kif insibu fit- tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 18. Il-Mulej jrid jirrivela l-glorja tiegħu għalina, id-dixxipli għeżież tiegħu.

Inti tfittex il-preżenza tiegħu fik, fl-oħrajn, madwarek u b’mod speċjali fl-Ewkaristija b’dik il-fidi, ir-rispett u l-qima li jixtieq jara fina l-Mulej?

Itlob …

Mulej ressaqni lejk u ħallini nara u nesperjenza l-glorja tiegħek. Agħmel li qatt ma niddubita l-imħabba u l-għajnuna tiegħek li jsalvawni. Ammen.