119. Riflessjoni fuq Mattew 13: 24-43

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 24-43

3218436093_2e2ae11b4a_b

L-Evanġelju skont San Mattew 13: 24-43

[Mt:13:24] Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu.

[Mt:13:25] Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq.

[Mt:13:26] Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana.

[Mt:13:27] Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?’

[Mt:13:28] Iżda hu qalilhom, ‘Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.’ ‘Tridx immorru niġbruha?’ qalulu l-qaddejja.

[Mt:13:29] ‘Le,’ qalilhom, ‘għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll.

[Mt:13:30] Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, mbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’ “

[Mt:13:31] Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu.

[Mt:13:32] Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta’ l-ajru jiġu jbejjtu fil-friegħi tagħha.”

[Mt:13:33] Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha.”

[Mt:13:34] Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom,

[Mt:13:35] biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

‘Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ
moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja.’

[Mt:13:36] Mbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa.”

[Mt:13:37] U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem.

[Mt:13:38] L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-ħażin,

[Mt:13:39] u l-għadu li żeragħha huwa x-xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli.

[Mt:13:40] Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja.

[Mt:13:41] Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen,

[Mt:13:42] u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

[Mt:13:43] Mbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma’! ”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-eżempju taż-żerriegħa tal-mustarda u tal-ħmira fid-dqiq jgħallmuna ħafna dwar s-Saltna t’Alla. Iż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda tassew tikber f’siġra u tatratta ħafna għasafar li jiġu jnaqqru ż-żerriegħa sewda u ċkejkna li tipproduċi. Is-Saltna t’Alla taħdem bl-istess mod. Tibda b’bidu umli u żgħir fil-qlub tal-bnedmin li huma lesti jilqgħu l-Kelma t’Alla u mbagħad taħdem b’mod li ma jidhirx u titrasformak minn ġewwa.

L-eżempju tal-ħmira hu eżempju qawwi ieħor ta’ din l-istess bidla. Meta l-ħmira tiġi miżjuda mall-għaġna tal-ħobż iseħħ trasformazzjoni u r-riżultat ta’ meta jinħema jidher ċar mill-ħobż tajjeb u bnin li l-bniedem tant jeħtieġ. Is-Saltna t’Alla tipproduċi wkoll it-trasformazzjoni f’dawk li jirċievu l-Ħajja ġdida li joffrilna Ġesu’. Meta aħna nagħtu ħajjitna lil Ġesu’ l-ħajja tagħna tiġi mibdula bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina għax irċevejnieh fil-Magħmudija.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti temmen fit-trasformazzjoni li l-Ispirtu s-Santu jwettaq fik kull darba li int tagħmel ħiltek biex tgħix skont it-tgħallim ta’ Kristu u tal-Knisja?

X’qed tagħmel biex tesperjenza din il-bidla fik u tħeġġeġ lill-oħrajn ħalli wkoll huma jinbidlu f’dak li jrid minna l-Ispirtu s-Santu?

Temmen tassew li hu jrid minnek il-qdusija tiegħek?

Itlob …

Mulej imlieni bl-Ispirtu s-Santu u għamilni aktar nixbah lill-Imgħallem tiegħi Sidi Ġesu’ permezz ta’ dik il-qdusija li trid tara fija. Żid il-ħeġġa tiegħi għas-Saltna tiegħek u nissel fija xewqa qaddisa li jiena ngħix biex nogħġbok u nagħtik glorja. Ammen.