Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 46-50
L-Evanġelju skont San Luqa 9:46-50
[Lq:9:46] F’dak iż-żmien, qamet kwistjoni bejn id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom.
[Lq:9:47] Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu,
[Lq:9:48] u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.”
[Lq:9:49] Qabeż Ġwanni u qallu: “Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh, għax hu m’huwiex wieħed minn tagħna.”
[Lq:9:50] Imma Ġesù qallu: “La żżommuhx, għax min m’huwiex kontra tagħkom, huwa magħkom.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Sorpriż lid-dixxipli ta’ Ġesu’ kienu qed jiddiskutu fuq min hu l-akbar fosthom?
U aħna mhux hekk nagħmlu wkoll?
Il-kilba għall-glorja u l-kobor donnhom għandhom l-għeruq fina. Ġesu’ jagħmel ġest drammatiku billi jpoġġi tfajjel ċkejken qribu biex juri lid-dixxipli min tassew hu kbir fis-Saltna tas-smewwiet. X’jista’ jgħallimna dan it-tfajjel ċkejken fuq il-kobor?
It-tfal fl-imgħoddi ma kellhomx drittijiet, pożizzjoni jew privilleġġi tagħhom. Kienu soċjalment fil-pożizzjoni tal-aħħar u fis-servizz tal-ġenituri tagħhom bl-istess mod kif kienu l-qaddejja fid-djar.
Ħsieb għal Qalbek…
X’inhu s-sinifikat tal-ġest li għamel Ġesu’?
Ġesu’ jgħolli tfajjel ċkejken fil-preżenza tad-dixxipli tiegħu billi jpoġġieh f’pożizzjoni privilleġġjata t’unur fuq il-lemin tiegħu. Hija użanza anki llum li tpoġġi lill-mistieden speċjali tiegħek fuq in-naħa tal-lemin tal-persuna importanti. Min hu l-akbar fis-Saltna t’Alla? Dawk li huma umli u ta’ qalb ħelwa li minflok jesiġu b’konvinzzjoni d-drittijiet tagħhom, bil-liberta’ jiżvujtaw lilhom infushom mis-suppervja u mill-glorja li jfittxu għalihom infushom billi jieħdu l-aħħar post dak ta’ qaddej jew dak tat-tfal.
Xi jfisser għalik li jkollok stima lejn it-tfal?
Inti tagħti eżempju tajjeb lit-tfal?
Jistgħu jżommu lilek bħala mudell fil-ħajja tagħhom?
Itlob…
Mulej, għallimni t-triq tal-umilta’ u tas-sempliċita’ tal-qalb ħalli jiena nsib il-ferħ veru fik. Agħmel li d-dawl tiegħek jiddi permezz tiegħi ħalli l-oħrajn jaraw il-verita’ u l-imħabba tiegħek u jsibu t-tama u l-paċi fik biss. Ammen.