Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 28: 16-20
L-Evanġelju skont San Mattew 28: 16-20
[Mt:28:16] Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.
[Mt:28:17] Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw.
[Mt:28:18] Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.
[Mt:28:19] Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu,
[Mt:28:20] u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
L-Ewwel li ra lil Ġesu’ mqajjem mill-mewt ma kienx Pietru jew wieħed mill-Appostli, imma Marija ta’ Magdala u n-nisa li kienu baqgħu ma’ Ġesu’ sa ħdejn is-Salib u li marru ħdejn il-qabar kmieni l-Ħadd, biex jaqdu l-aħħar doveri tagħhom lejn il-ġisem mejjet.
Sfortunatament għad-dixxipli m’emmnux dak li rrakkuntawlhom in-nisa dwar il-qawmien mill-mewt tal-Imgħallem. Ġesu’ kellu jċanfar lill-Appostli minħabba n-nuqqas ta’ twemmin tagħhom u l-qalb li kienet iebsa biex taċċetta l-qawmien.
Inti bħall-Appostli jew bħal Marija Madalena u n-nisa l-oħra?
Iebes biex temmen jew tiġri ħafif lejn Ġesu’?
Int tiddubita għaliex ma tarax?
Il-Mulej jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu jagħtina d-don tal-Fidi biex aħna nagħarfuh personalment u biex nifhmu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu.
Inti temmen f’Kelmtu u tfittex li tisimgħu jkellmek? Temmen fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija? Temmen li Hu jkun jistenniek fit-Tabernakli sieket?
It-tluq u l-axxenzjoni ta’ Ġesu’ lejn is-Sema kienet kemm tmiem, kif ukoll il-bidu għad-dixxipli tiegħu. Filwaqt li kienet tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Ġesu’ mal-għeżież dixxipli tiegħu mmarkat il-bidu tal-preżenza ta’ Ġesu’ magħhom b’mod ġdid. Ġesu’ wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom dejjem sal-aħħar taż-żmien. Issa bħala l-Mulej u s-Salvatur imqajjem mill-mewt u gglorifikat tela’ u qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-Sema, Ġesu’ wiegħed li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu li kien se jikkonsagrahom bil-qawwa tiegħu fil-festa ta’ Pentekoste. L-istess bħalma Ġesu’ kien ikkonsagrat għall-ministeru tiegħu fix-xmara Ġordan.
Meta l-Mulej Ġesu’ telaq b’mod fiżiku minn mall-Appostli ma ħallihomx imnikktin jew iddisprati, anzi huma kienu mimlija bil-ferħ u b’antiċipazzjoni kbira għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.
Ħsieb għal Qalbek …
L-aħħar kliem ta’ Ġesu’ lill-Appostli jipponta lejn il-missjoni tas-Salvazzjoni tiegħu u lejn il-missjoni tagħhom li jkunu xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu li bihom salvana u jxandru l-Aħbar it-Tajba ta’ Salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-ħidma tagħhom hi li jxandru l-Aħbar it-Tajba tas-Salvazzjoni mhux biss lill-poplu t’Iżrael imma lin-nazzjonijiet kollha. L-imħabba t’Alla u d-don tas-Salvazzjoni mhux biss għal ftit minn nies jew għal nazzjon wieħed biss imma hi għan-nies tad-dinja kollha u ta’ kull żmien. Hi għal dawk kollha li jaċċettawha. L-Evanġelju hu l-Qawwa t’Alla. Il-qawwa li taħfer id-dnubiet, li tfejjaq, li teħles mill-ħażen u l-oppressjoni u li ġġedded il-ħajja.
Inti temmen fil-qawwa tal-Evanġelju?
Ġesu’ ma fdax ix-Xandir tal-Evanġelju u s-Sagramenti għall-fejqan u l-liberazzjoni f’idejn il-Knisja permezz tas-Saċerdoti biss imma fdah ukoll lil kull min kien se jemmen. Ġesu’ mqajjem mill-mewt jagħti din il-kariga kbira lil kull membru fil-Knisja. Kull min jemmen għandu sehem minn din il-ħidma glorjuża li jkun messaġġier tal-Bxara t-Tajba u ambaxxatur għal Kristu l-uniku Salvatur tad-dinja.
Aħna ma tħallejnix waħedna f’din il-biċċa xogħol għax il-Mulej innifsu jaħdem fina u permezz tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Illum, aħna nesperjenzaw Pentekoste ġdid filwaqt li l-Mulej iferra’ l-Ispirtu fuq il-poplu tiegħu l-Knisja biex iġġeddidha, issaħħaħha bħala l-Ġisem tiegħu u biex jibniha ħalli taqdi ministeru effettiv u missjoni madwar id-dinja kollha.
U inti tagħti xhieda quddiem l-oħrajn tal-ferħ tal-Evanġelju u tat-tama tal-qawmien għall-ħajja?
Itlob …
Mulej Ġesu’, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, Int timliena bi Spirtu ta’ tifħir u ta’ ferħ li ebda prova ta’ din id-dinja ma jeħdulu postu, imliena bil-ferħ tal-qawmien u għenna ngħixu ħajja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lejk u għall-glorja tiegħek.
Għażiża Marija, Omm il-Knisja, itlob magħna għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu li ġġedded il-Knisja, tfejjaqha, issaħħaħha, u tibqa’ tibgħatha biex kull wieħed u waħda minna nkunu tassew xhieda quddiem kulħadd bla distinzzjoni tal-Evanġelju, afdat lilna minn Ġesu’ Ibnek. Ammen.