6. Il-Miraklu ta’ Lanciano, Italja

Verżjoni Vidjo: Il-Miraklu ta’ Lanciano, Italja

HPIM1316.JPGIL-MIRAKLU TA’ LANCIANO, ITALJA
It-8 seklu

Kien madwar is-sena 750 wara l-miġja ta’ Kristu, li f’monasteru dak inhar imsemmi għal San Lonġinu, iċ-Ċenturjun Ruman li nifed il-kustat ta’ Kristu bil-lanza, patri tal-Ordni ta’ San Bażilju kien qed jiċċelebra s-Sagrifiċċju Mqaddes tal-Quddiesa skont ir-rit Latin. Għalkemm dan il-patri ma nafux ismu, imma dokument antik jgħidilna illi “… kien għaref ħafna fix-xjenzi tad-dinja, imma njorant f’dak ta’ Alla.” Ta’ spiss kien ikollu dubji dwar it-transubstanzazzjoni (il-bidla tal-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu) u hekk kif kien għadu kemm lissen il-kliem solenni tal-Konsagrazzjoni, f’daqqa waħda l-Ostja nbidlet f’ċirku tal-laħam, u l-inbid inbidel f’demm.

Lanciano aa (1)Għall-ewwel dan il-patri nħasad b’dan il-prodiġju (miraklu) li kien qiegħed jara, imma malajr ġie f’tiegħu, u waqt li beka bil-ferħ kellem lin-nies ta’ madwaru hekk: “O xhieda fortunati li lilkom il-Qaddis Alla, biex ifixkel in-nuqqas ta’ fidi tiegħi, għoġbu jirrivela Lilu Nnifsu viżibli quddiem għajnejna! Ejjew, ħuti, stagħġbu b’Alla tagħna, li Hu hekk qrib tagħna. Hekku l-ġisem u d-demm tal-Wisq Maħbub Kristu tagħna.”

Il-kongregazzjoni ġriet lejn l-artal, imgħaġġba b’dik id-dehra, u marret tgħaddi l-aħbar lin-nies oħra fil-belt, li issa wkoll ġew il-knisja biex jaraw dan il-Miraklu Ewkaristiku.

Il-laħam baqa’ intat, imma d-demm fil-kalċi malajr inqasam f’ħames biċċiet li ma kinux indaqs u lanqas tal-istess forma. Il-patrijiet ħasbuha li jiżnu dawn il-ħames bċejjeċ. Fuq miżien li ġabu mingħand l-Arċisqof saru jafu illi biċċa waħda kienet tiżen daqs il-ħamsa flimkien, tnejn jiżnu daqs tlieta, u l-iżgħar waħda tiżen daqs l-ikbar waħda.

ad568fd6-e29f-40d7-b098-4e4c524ecc2b_7ED642C5-8824-46B2-B41E-EE87A79BF8D9Il-laħam u dawn il-ħames biċċiet demm magħquda tpoġġew f’relikwarju artistiku tal-ivorju. Mal-medda tas-snin dawn ġew f’idejn tlett ordnijiet reliġjużi differenti. Fi żmien li sar dan il-miraklu, l-knisja ta’ San Lonġinu kienet immexxiha mill-patrijiet ta’ San Bażilju, imma għat-tmiem tas-seklu tnax dawn telqu minn hemm. Il-monasteru għadda f’idejn il-Benedittini, u aktar ‘il quddiem f’idejn il-Franġiskani: u dawn tal-aħħar kellhom iwaqqgħu l-knisja l-qadima minħabba ħsarat li ġrawlha kawża tat-terremoti. Il-knisja l-ġdida li nbniet fl-istess post issemmiet għall-fundatur tal-istess patrijiet, San Franġisk t’Assisi.

L-istorja tgħidilna illi wara li din il-ġrajja ġiet iċċertifikata bħala miraklu, dokument bid-dettalji tal-miraklu ġie miktub fuq parċmina bil-Grieg u bil-Latin u kien miżmum mill-patrijiet bejn żewġ tavlozzi. Igħidulna illi fl-ewwel snin tas-seklu 16, meta l-monasteru kien f’idejn il-Franġiskani, id-dokument ġie muri lil żewġ patrijiet viżitaturi tal-Ordni ta’ San Bażilju. Dawn x’aktarx xtaqu li ma tibqax tissemma fl-istorja li wieħed patri minn sħabhom kienet naqsitu l-fidi; allura ħarbu mal-lejl u ħadu magħhom dan id-dokument; u minkejja l-investigazzjonijiet li għamlu l-Franġiskani “… qatt ma rnexxielhom isiru jafu fejn kienu marru żewġ maħrubin.”

F061_Panel

Fl-1713 ir-relikwarju tal-ivorju ġie mibdul ma’ dak li llum naraw fih iż-żewġ relikwi. Dan ir-relikwarju jikkonsisti f’ġilandra magħmulha minn fidda u kristall imnaqqax. Il-biċċa laħam hi miżmuma bl-istess mod ta’ kif l-Ostja tinżamm fil-ġilandra, u l-biċċiet tad-demm magħqud jinsabu f’kalċi artistiku tal-kristall, li ħafna jaħsbu li huwa l-istess kalċi li fih kienet saret il-bidla mirakuluża.

Fis-sena 1887 l-Arċisqof Petrarka ta’ Lanciano ġab mingħand il-Papa Ljun XIII indulġenza plenarja għal kull min jinvista l-Knisja tal-Miraklu matul it-tmien t’ijiem ta’ qabel il-festa li taħbat fl-aħħar Ħadd t’Ottubru.

Fi Frar tal-1574, Monsinjur Rodrigues ivverifika fil-preżenza ta’ xhieda magħrufa, illi l-piż tal-ħames biċċiet tad-demm magħqud meħuda flimkien kien iġib l-piż ta’ kull waħda minnhom miżmuma weħedha. Dan il-fatt ġie wara mfakkar fuq lapida tal-irħam li ġġib id-data 1636, u li għadha tinsab fl-istess knisja.

Saru ħafna awtentifikazzjonijiet bħal dan imsemmi hawn fuq matul is-sekli. L-aħħar verifikazzjoni saret fl-1970, u skont ix-xjenza din hi l-aktar waħda kompleta. Din saret taħt is-sorveljanza tal-Professur Dr. Odoardo Linoli li kien professur universitarju fl-anotomija, fil-patoloġija, kemistrija u studju fil-mikroskopija. Kien ukoll it-tabib prinċipali tal-isptarijiet f’Arezzo. Għenu wkoll il-Professur Dr. Ruggero Bertilli li kien il-professur prinċipali fl-anotomija umana fl-Universita’ ta’ Siena. Prof. Bertilli mhux talli qabel f’kollox mal-Prof. Linoli imma ppreżenta wkoll dokument dwar l-istudju tal-miraklu.

Miġbura fis-sagristija tal-knisja ta’ San Franġisk fit-18 ta’ Novembru 1970 kienu jinsabu l-Arċisqof ta’ Lanciano, l-Isqof ta’ Ortona, il-Provinċjal tal-Patrijiet Minuri Konventwali, il-Kanċellier tal-Arċidjoċesi, r-reverendu segretarju tal-Arċisqof u l-komunita’ kollha tal-monasteru flimkien mal-Professur Linoli.

HPIM1315.JPGKif eżeminaw l-ostensorju nnutaw illi l-lunetta li ġo fiha kien jinżamm il-laħam ma kinitx issiġillata, b’tali mod li ma’ jkunx hemm arja, u għalhekk il-partikoli tal-“ħobż bla ħmira” fiċ-ċentru tal-laħam li kienu baqgħu hemm għal ħafna snin wara li kien sar il-miraklu, issa kienu spiċċaw għal kollox. Il-laħam kellu kulur kannella safrani, irregolari u ta’ forma tonda, għoli u mkemmex fit-trufijiet imma jirqaq iktar ma jersaq lejn iċ-ċentru, sakemm jispiċċa fix-xejn lejn in-nofs fejn kien hemm parti vojta. Ittieħdet biċċa żgħira minn fejn il-laħam kien għoli biex tiġi eżaminata fil-laboratorju tal-isptar f’Arezzo.

Meta eżeminaw il-ħames bċejjeċ ta’ demm magħqud, instab illi l-prodiġju dwar l-użin tagħhom ma deherx kif kien ġie nnutat fl-1574. Kienu rregolari fil-forma tagħhom, b’tikmix irqiq, solidi, tal-istess kwalita’ u iebsa, b’kulur il-qastan safrani u jidhru qishom ġibs. Parti żgħira ġiet meħudha mill-qalba ta’ waħda minnhom biex tiġi eżaminata. Wara dan l-istudju kollu, ir-relikwi ħaduhom lura fil-knisja.

Il-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Professur Linoli ġew ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 1971. Kienu ġew miktuba fid-dettal f’terminoloġija medika u xjentifika. Kienu preżenti jisimgħu assemblea prestiġjuża flimkien ma’ uffiċċjali ekklesjastiċi, provinċjali u superjuri tal-Patrijiet Minuri Konventwali, rappreżentanti ta’ ordnijiet reliġjużi kif ukoll ċivili, imħallfin, politikanti, awtoritajiet militari, rappreżentanti mediċi kif ukoll numru kbir ta’ residenti tal-istess belt.

Il-konklużjonijiet tal-Professur ġew wara diskussi mir-Rev. Dun Bruno Luciani u l-Professur Urbano li kien l-analista prinċipali fl-isptar ta’ Lanciano u Professur fl-Univerista’ ta’ Firenze. Kopja ta’ dan ir-rapport dettaljat, il-minuti tal-laqgħa u d-diskussjonijiet huma miżmuma fl-arkivji tal-monasteru. Kopji awtentiċi ġew mibgħuta lil diversi uffiċċjali tal-Knisja Kattolika u lis-Superjuri tal-Ordni, waqt li kopja waslet għand il-Qdusija Tiegħu, il-Papa San Pawlu VI waqt udjenza privata.

3_miracoloBħala riżultat tal-istudji li saru dawn il-fatti ġew żgurati u dokumentati. Il-laħam ġie identifikat bħala parti muskulari tal-qalb ta’ bniedem, bla ebda traċċa ta’ xi materjal li jintuża biex jiġi ppreservat il-laħam. Sew il-laħam kemm ukoll id-demm huma ta’ bniedem, u jeskludu kull possibilita’ li jistgħu jkunu ta’ xi annimal. Id-demm u l-laħam huma tal-istess tip, AB. Id-demm ta’ dan il-miraklu Ewkaristiku kien instab li fih dawn il-minerali: kloru, fosfru, manisju, potassa, ftit sodjum u ħafna kalċju. Il-proteini f’dan id-demm magħqud kienu normali ta’ kif issibhom f’demm frisk normali.

Il-Professur Linoli kompla jinnota illi kieku dan id-demm kien meħud minn xi kadavru, kieku kien ikun mibdul ħafna u anke mħassar. Is-sejbiet tiegħu jeskludu kull possibilita’ ta’ xi frodi li setgħet saret sekli ilu. Infatti, kompla jgħid illi riedet tkun biss id ta’ esperjenza kbira biex tkun kapaċi taqta’ minn organu bħal ma hi l-qalb parti hekk tanġentinali, jiġifieri qatgħa ta’ forma tonda ħoxna fuq in-naħa ta’ barra u tirqaq hekk li tispiċċa fix-xejn meta tasal għan-nofs. It-tabib kompla jgħid illi għalkemm il-laħam u d-demm huma ppreservati ġo reċipjenti li huma ssiġġillati imma xorta tgħaddi l-arja, ir-relikwi ma ġratilhom l-ebda ħsara avolja esponuti għall-influwenza tal-aġenti fiżiċi, atmosferiċi u bijoloġiċi.

37f3d6333c0ec39c3a113a3da0b5f8f1L-ostensorju li fih jinżammu r-relikwi kien qabel poġġut fil-ġenb tal-artal tal-knisja ta’ San Franġisk, imma llum jinsab f’tabernaklu ‘l fuq mit-tabernaklu prinċipali tal-artal maġġur. Taraġ in-naħa ta’ wara tal-artal igħin lill-viżitatur biex jersaq qrib ħafna ta’ dan it-tabernaklu, li hu miftuħ min-naħa ta’ wara, biex hekk jippermetti li jidher sewwa r-relikwarju bil-laħam u d-demm mirakulużi.

Il-viżitatur jinnota illi l-Ostja tidher roża meta jkollha d-dawl minn warajha. Waqt li jkun iħares bla dubju jirrifletti fuq dak in-numru bla għadd ta’ nies li ġew jammiraw dan il-miraklu tal-għaġeb matul it-12-il mitt sena li ilu jeżisti.

English Version: https://thecatholictravelguide.com/destinations/italy/lanciano-italy-eucharistic-miracle-lanciano/

Alternative Reading: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/lanciano.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Miracle_of_Lanciano

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.