16. Il-Marid joffri kollox għall-Qdusija tas-Saċerdoti

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti.

 

catholic_priest_1024x768.jpg

Il-Knisja teħtieġ is-Saċerdoti. Int teħtieġ is-Saċerdot biex iġiblek is-Sagramenti. Meta is-Saċerdot iġiblek l-Ewkaristija Mqaddsa, Ġesu’ jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu lilek. Meta toffri lilek innifsek lilu, tagħtih dak kollu li għandek.

Għax int marid tista’ tagħmel xi ħaġa li ħafna nies ma jistgħux jagħmluha. Int għandek xi ħaġa x’tagħti lil Ġesu’ li bniedem marid biss jista’ jagħti – TISTA’ TOFFRI L-MARD TIEGĦEK LILU.

Hawnhekk għandna talba għal kull jum tal-ġimgħa; talba għas-Saċerdoti u għaż-żgħażagħ li qed jistudjaw biex isiru Saċerdoti.

Kull talba hija dwar xi waħda mit-tbatijiet tiegħek. Fiha inti toffri lil Ġesu’ xi sofferenza partikulari (uġigħ, dieqa, eċċ). Toffriha għas-Saċerdoti u għall-istudenti. L-insara kollha jemmnu fil-valur u l-qawwa tat-talb. It-talb tal-morda għandu valur speċjali. Raġuni waħda hija li huwa diffiċli ħafna titlob meta tkun marid. Min mhux marid jaħseb li hija faċli ħafna li wieħed marid jitlob – għax għandu ħafna żmien, u jidher li m’għandu xejn xi jtellfu. Ħafna drabi jkollu ħafna xi jtellfu.

Dawn it-talbiet huma qosra u ħfief. Ipprova għid waħda kuljum. Jekk tagħmel hekk tkun qed tgħin lis-Saċerdoti biex ikunu saċerdoti tajbin. Tkun qed tgħin lill-istudenti biex ma jaqtgħux qalbhom. Itlob lil Ġesu’ biex “jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu.”

Tinsiex, int m’intix qiegħed titlob biss, Inti qed tagħti lil Ġesu’ xi ħaġa – qed toffri l-mard tiegħek għal din il-fehma. M’intix qed titlob xi ħaġa b’xejn. Int qed toffri ħajtek. Dan hu dak li għamel Kristu – int tkun qed tagħmel l-istess.

IL-ĦADD
L-Uġigħ Tiegħi

Għażiż Ġesu’,
Jiena naf li int kont miġugħ, fil-Passjoni tiegħek u fuq is-Salib. Inti taf x’inhu l-uġigħ. Int taf kemm jien miġugħ.
Noffrilek l-uġigħ tiegħi, Irridek tieħdu u tużah. Jien naħseb li huwa meħtieġ.
Jekk jogħġbok uża ftit minnu għas-Saċerdoti – biex tgħinhom ikunu Saċerdoti tajbin, jekk jogħġbok uża ftit minnu għal dawk li qed jistudjaw biex isiru Saċerdoti – biex tgħinhom ħa jsiru Saċerdoti tajbin.
It-tbatija u l-mewt Tiegħek kienu meħtieġa – fdew id-dinja. It-tbatija tiegħi tista’ tgħin biex tifdi d-dinja llum.
Naf li jien nista’:
“Nimla dak li jonqos fit-tbatijiet ta’ Kristu.”
L-uġigħ u t-tbatija huma tiegħi, imma nagħtihom kollha lilek – kultant inħoss li dawn biss kulma għandi x’noffri.
Għażiż Ġesu’, illum noffrilek l-uġigħ tiegħi.

IT-TNEJN
Is-Solitudni Tiegħi

Għażiż Ġesu’,
Kultant inħossni waħdi – waħdi għal kollox.
Għalkemm in-nies qalbhom tajba ħafna, u jiġu jżuruni, jiġuni ħafna mumenti meta nkun nistenna bil-ħerqa li xi ħaddieħor jitfaċċa fil-bieb.
Meta jgħiduli:
“Sejjer sa barra għal ftit biex nixtri” narahom sigħat u nħossni waħdi.
Naħseb li inti ħassejtek waħdek – meta tlaqt lil Ommok, meta tlaqt biex titlob waħdek, meta l-appostli ma setgħux jifhmuk.
Naf li nista’ naqsam is-solitudni tiegħi miegħek, u mbagħad ma nkunx iżjed waħdi, għalhekk issa noffrilek is-solitudni tiegħi.
Nitolbok li tuża din l-offerta tas-solitudni tiegħi għas-Saċerdoti meta jħossuhom waħedhom. Jekk jogħġbok żgurahom li ħafna nies jitolbu għalihom – bħalma jien qed nitlob għalihom.
Nitolbok li tfarraġ lil dawk l-istudenti għas-Saċerdozju li forsi qed iħossu l-firda tad-dar – jew iħossuhom waħedhom.
Għażiż Ġesu’ illum noffrilek is-solitudni tiegħi.

IT-TLIETA
In-Nuqqas ta’ Ħila Tiegħi

Għażiż Ġesu’,
Il-marda tiegħi ma tħallini nagħmel xejn – ma nistax nagħmel il-ħwejjeġ li s-soltu kont nagħmel. Inħossni niddependi għal kollox fuq ħaddieħor, u din hija diffiċli li tissapportiha.
Jien żgur li inti tifhem x’irrid ngħid għax naħseb li int ħassejt hekk ukoll, allavolja int l-Iben t’Alla. L-Iben t’Alla ma jista’ jagħmel xejn! Għaliex għandi ngerger, jien?
Noffrilek dan in-nuqqas ta’ ħila tiegħi, il-bnedmin kollha jħossuhom bla ħila bħali, iżda jien privileġġjat li n-nuqqas ta’ ħila tiegħi jidher tant ċar.
Jekk jogħġbok uża dan in-nuqqas ta’ ħila tiegħi biex ix-xogħol tas-Saċerdoti jkollu suċċess, biex tfarraġ is-Saċerdoti meta jfallu fix-xogħol tagħhom, biex tagħmel qalb lill-istudenti li kultant iħossuhom ma jistgħu jagħmlu xejn. L-għelieqi qed ibajdu, lesti għall-ħsad, waqt li huma jridu jistennew sakemm isiru Saċerdoti.
Int ukoll kont bla ħila fuq is-Salib, (Għalkemm kont tal-akbar għajnuna għalina!) imma n-nuqqas ta’ ħila Tiegħek fdiet id-dinja. Jekk jogħġbok, uża n-nuqqas ta’ ħila tiegħi – biex ngħin lil min hu bla ħila.
Għażiż Ġesu’, illum noffrilek in-nuqqas ta’ ħila tiegħi.

L-ERBGĦA
L-Ubbidjenza Tiegħi

Għażiż Ġesu’,
Int kont ubbidjenti – “Ubbidjenti sal-mewt”.
L-ubbidjenza Tiegħek lejn il-Missier kienet waħda mill-akbar lezzjonijiet li għallimtni.
Jiġu mumenti meta nsibha diffiċli li nobdi – lit-tabib, lill-familja tiegħi, lil dawk li jieħdu ħsiebi. Naħseb li nkun qed ngħinhom meta nagħmel xi ħwejjeġ żgħar waħdi, anke meta jkunu qaluli biex ma nagħmilhomx.
Inwiegħed li nipprova nkun ubbidjenti għall-aħħar dan se jkun diffiċli – għalhekk se noffrihielek issa – għas-Saċerdoti u l-istudenti għas-Saċerdozju li kultant żgur iħossuha diffiċli li jobdu.
Nitlob li huma jagħmlu dejjem dak li Int għamilt lill-Missier: “Jien nagħmel dejjem dak li jogħġob lilu.”
Għażiż Ġesu’, illum noffrilek l-ubbidjenza tiegħi.

IL-ĦAMIS
Id-Dieqa Tiegħi

Għażiż Ġesu’,
Ħafna drabi nkun imdejjaq; inħossni żejjed – filwaqt li nixtieq inkun utli m’hemm xejn x’nagħmel, ħlief noqgħod bilqiegħda hawn, nimtedd. Nixba. Qatt xejn ġdid, dejjem l-istess ġurnata wara l-oħra.
Għażiż Ġesu’, Int għext ħajja bieżla – qatt ma kellek did-dieqa.
Għalhekk noffrilek id-dieqa tiegħi “biex nimla” – biex nagħmel tajjeb għad-dieqa li Inti ma kellekx.
Noffrihielek għas-Saċerdoti għinhom biex ikunu Saċerdoti tajbin. Noffrihielek għall-istudenti li qed iħejju ruħhom għas-Saċerdozju għinhom isiru Saċerdoti tajbin.
Għażiż Ġesu’, illum noffrilek id-dieqa tiegħi.

IL-ĠIMGĦA
Il-Biża’ Tiegħi

Għażiż Ġesu’,
Kultant inħossni nibża’ – minħabba f’ħajti l-imgħoddija setgħet kienet aħjar – u issa għaddiet.
Naf li Int tara wkoll it-tajjeb, għinni biex niftakar iż-żminijiet meta kont tajjeb u nħobb lilek u lill-ħbieb Tiegħek.
Kultant iħossni nibża’ – nibża’ minn xhiex għad irid ngħaddi; noffrilek il-biża’ tiegħi.
Għażiż Ġesu’ Jiena nafda fik – Nittama fik – Nemmen fik – Inħobbok.
Niftakar li Int għidt lill-Missier tiegħek:
“Alla tiegħi, għaliex ħallejtni waħdi?”
Kultant inħossni rrid ngħid hekk jien ukoll – Inħossni minsi – anke mill-Missier Tiegħek – minn Missierna.
Fakkarni fil-faraġ li tagħtini; l-aktar fis-Sagramenti li jġibuli s-Saċerdoti Tiegħek.
Grazzi tal-għajnuna Tiegħek, li jġibuhieli s-Saċerdoti Tiegħek.
Għinhom biex ikunu nies bla biża’ fid-dinja tal-biża’.
Għażiż Ġesu’, illum noffrilek il-biża’ tiegħi.

IS-SIBT
L-Imħabba Tiegħi

Għażiż Ġesu’,
Allavolja ninsab marid nista’ nħobb – irrid inħobb. Ħadd – xejn – ma jista’ jżommni milli nħobb.
Li nħobb huwa li nagħti lili nnifsi lil oħrajn il-kliem, it-tbissim, id-daħk tiegħi, l-interess tiegħi, il-ħsieb u l-kura tiegħi. Nipprova li nħobb mill-aħjar li nista’.
Int kont l-iktar wieħed fid-dinja li ħabbejt; għinni nħobb ħafna.
Flimkien, għalhekk, ngħinu lis-Saċerdoti u lill-istudenti biex iħobbu l-bnedmin – iħobbu l-bnedmin li jgħixu magħhom, iħobbu l-bnedmin li jaħdmu magħhom.
Dan huwa dak li jfisser is-Saċerdozju tagħhom, għinhom biex iħobbu, għinhom iħobbu permezz tal-ħajja tagħhom, għinhom iħobbu permezz tax-xogħol tagħhom.
Jien nirringrazzjahom tal-imħabba li jagħtuni, nirringrazzjak tagħhom.
Għażiż Ġesu’, illum noffrilek l-imħabba tiegħi.