Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 6: 17-29
L-Evanġelju skont San Mark 6: 17-29
[Mk:6:17] Kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu.
[Mk:6:18] Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk.”
[Mk:6:19] Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’,
[Mk:6:20] għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża’ minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu.
[Mk:6:21] Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija.
[Mk:6:22] Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kull ma trid, u jien nagħtik kull ma titlobni.”
[Mk:6:23] U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni kollox nagħtik, mqar nofs is-saltna tiegħi.”
[Mk:6:24] Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid x’nitolbu?””Ras Ġwanni l-Battista,” weġbitha dik.
[Mk:6:25] Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt.”
[Mk:6:26] Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa’ lura mill-kelma li taha.
[Mk:6:27] Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs;
[Mk:6:28] mbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha.
[Mk:6:29] Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’ħeġġeġ il-kuraġġ u ż-żelu tal-martri?
Huma ħabbew lil Alla u l-verita’ tiegħu aktar minn ħajjithom stess. Biex wieħed jagħti xhieda għall-verita’, b’mod speċjali dik tal-Vanġelu, ħafna drabi jrid iħallas prezz għoli. Ejja nieħdu l-profeti, kollha sofrew abbużi u ħafna minnhom ġew maqtula.
Erodi minkejja li donnu ma kienx ċert għandux joqtol lil Ġwanni jew le, kien bniedem li kellu l-kuxjenza tniggżu. Meta sema’ bil-fama ta’ Ġesu’ hu ssapona li Ġwanni l-Battista li hu kien qatgħalu rasu kien reġa’ qam mill-imwiet.
Ħsieb għal Qalbek …
Sfortunatament għal Erodi ma rrnexxielux jeħles mid-dnub billi ħeles mir-raġel li kien jakkużah bl-istess dnub. Erodi kien raġel dgħajjef. Hu kien jieħu deċiżżjonijiet qawwija fuq affarijiet ħżiena meta fl-istess waqt kien jaf x’inhu t-tajjeb. Din it-tip t’attitudni kienet turi dgħjufija u kemm kien beżżiegħ.
Inti lest li tixhed għal Ġesu’ u għall-verita’ u s-sewwa tiegħu, minkejja li dan ifisser jew oppożizzjoni minn dawk ta’ madwarek jew li jkollok tħalli xi dnub għażiż għalik u titgħallem tgħix mingħajru?
Kemm-il darba l-Mulej ġibidlek l-attenzjoni fuq id-dnub tiegħek permezz tal-profeti li hemm fostok illum, u inti forsi ħassejt il-kuxjenza tniggżek imma ma għamilt xejn dwarha?
Għasfur marbut b’ħabel jew b’ħajta xorta waħda mhux ħieles biex ittir. Bl-istess mod jekk wieħed jibqa’ jgħix fid-dnub bla ma jfittex li jinħall minnu dan id-dnub kbir jew żgħir se jibqa’ jżommu lsir.
Itlob …
Mulej, agħtini kuxjenza sensittiva u qawwija ħalli nkun nista’ nagħraf il-ħażen għal dak li hu u nindem mill-mod kif offendejtek. Għinni nagħżel dak li hu tajjeb u nwarrab il-ħażin li hu kuntrarju għar-rieda mqaddsa tiegħek u għinni naħdem għall-qdusija tiegħi u tal-oħrajn ħalli nkun nogħġbok f’kollox. Ammen.