Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 1: 19-28
L-Evanġelju skont San Ġwann 1, 19-28
[Ġw:1:19] Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh,”Int min int?”,
[Ġw:1:20] hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.”
[Ġw:1:21] Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?””M’iniex?” qalilhom.”Int il-Profeta?””Le!” weġibhom.
[Ġw:1:22] Mbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?”
[Ġw:1:23] U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jien l-leħen ta wieħed jgħajjat fid-deżert. Wittu t-triq tal-Mulej.”
[Ġw:1:24] Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej.
[Ġw:1:25] Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”
[Ġw:1:26] “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni,” imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx,
[Ġw:1:27] u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.”
[Ġw:1:28] Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Min int? Staqsew lil Ġwanni.
Ġwanni l-Battista ma kellu l-ebda diffikulta’ biex iwieġeb din il-mistoqsija lill-awtoritajiet li ġew biex jinvestigawh. Li kieku xi ħadd kellu jisfida l-identita’ tiegħek kemm dik naturali kif ukoll spiritwali, int kif kont twieġeb? Illum il-ġurnata hemm gwerra t’identita’ u ħafna huma fi kriżi jew inkella konfużi. Il-għajn vera tal-identita’ tagħna hu l-ħallieq tagħha, huwa Alla li għamilna fuq l-istess immaġni u xbieha tiegħu.
Għaliex il-mexxejja Lhud riedu jkunu jafu dwar l-identita’ ta’ Ġwanni l-Battista?
Huma kienu ħerqana biex isiru jafu jekk il-Messija kienx ġie tassew. Riedu jkunu jafu jekk Ġwanni kienx tassew il-Messija hu jew xi profeta kbir li huma kienu qegħdin jistennew fil-miġja tal-Messija, kif jgħidulna xi kotba tal-Antik Testment bħal Dewterenomju Kap 18 vers 15. Ġwanni ma kellu l-ebda problema u ma kienx ħa żball meta stqarr l-identita’ tiegħu.
Fl-umanita’ kollha u s-sinċerita’ tiegħu hu stqarr li hu kien biss il-vuċi li biha jipprepara t-triq għall-miġja tar-Re. Ġwanni l-Battista jgħaqqad flimkien il-Qadim u l-Ġdid Testment. Hu kien l-aħħar fost il-profeti tal-Antik Testment li jipponta t-triq tal-Messija.
Hu kien l-ewwel fit-Testment il-Ġdid li ta xhieda u li saħansitra miet martri għall-Messija. Hu kien bħall-ambaxxatur li jipprepara t-triq għal Ġesu’ u li jxandar il-missjoni tiegħu lin-nies. ‘Araw il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.’ Ġwanni ra mill-bogħod dak li l-Messija kellu jwettaq. Is-salvazzjoni tagħna mill-iskjavitu’ tad-dnub u l-adozzjoni tagħna bħala wlied t’Alla l-Missier tagħna tas-sema.
U inti tagħraf l-identita’ tiegħek bħala bint jew iben t’Alla u li inti ċittadin tas-sema?
Ħsieb għal Qalbek …
Ġwanni kien l-akbar fost il-profeti. Minkejja dan, hu għex ħajja umli u kien qaddej fidil t’Alla. Bil-ħajja kollha tiegħu hu mexxa lil kulħadd lejn Ġesu’ l-Messija u s-Salvatur tad-dinja. Il-Knisja Kattolika sa mill-ewwel żminijiet tagħha tatna lil Ġwanni taħt ħafna titli li kollha jfissru l-missjoni tiegħu: Xhud tal-Mulej, Trumbetta tas-sema, Ambaxxatur ta’ Kristu, Vuċi tal-Kelma, Prekursur tal-Verita’, Ħabib tal-Għarus, Kuruna tal-Profeti, Preparatur għas-Salvazzjoni, Dawl għall-Martri u Qaddej tal-Kelma.
U inti bil-mod kif titkellem, bil-mod kif tgħix, turi lil Kristu lil ħaddieħor ħalli int ukoll tkun xhud u eżempju tajjeb għall-istess Messija s-Salvatur tagħna?
Itlob …
Mulej Ġesu’, agħmilni messaġġier tal-Kelma tal-verita’ u tal-grazzja tiegħek. Għinni ħalli jien inkun xhud fidil tal-ferħ tal-Evanġelju.
Għażiża Marija, inti li dejjem ippuntajt lejn Kristu u tibqa’ tgħidilna: ‘Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu,’ agħmel li jien ukoll nixhed għalih b’dak kollu li nagħmel f’ħajti bħalma inti, Ġwanni u l-qaddisin kollha għamlu f’ħajjithom. Ammen.