215. Riflessjoni fuq Luqa 19: 45-48

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 19: 45-48

jesus-with-whip2

L-Evanġelju skont San Luqa 19: 45- 48

[Lq:19:45] F’dak iż-żmien, Ġesu daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi ‘l barra l-bejjiegħa

[Lq:19:46] u jgħidilhom: “Hemm miktub, Id-dar tiegħi tkun dar it-talb. Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin!”

[Lq:19:47] U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh;

[Lq:19:48] iżda ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jista’ jżommna ‘l bogħod mill-preżenza t’Alla?

Id-dixxipli raw il-mod drammatiku li bih Ġesu’ jnaddaf it-Tempju bħala sinjal profetiku tal-azzjoni t’Alla. Bit-Tempju n-nies kienet tifhem il-post fejn jgħammar Alla fost il-poplu tiegħu. Bl-istess mod kif Ġesu’ naddaf it-Tempju hekk ukoll b’mod profetiku u b’sinjal huwa jrid inaddaf lil kull wieħed u waħda minna. Huwa dejjem ifittex ħerqan li jnaddafna mid-dnub ħalli jagħmilna Tempji ħajjin tal-Ispirtu s-Santu.

U inti għandek l-għatx għal vera qdusija?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jirreferi għat-Tempju bħala d-dar ta’ Missieru li huma kienu għamluha, kif insibu fiż-żewġ Evanġelji, jew id-dar tan-negozju jew inkella d-dar tal-ħallelin. Kienet għal din ir-raġuni li hu uża forza fiżika biex qalbilhom saħansittra l-imwejjed fejn kienu qed isarfu l-flus.

Id-dixxipli ta’ Ġesu’ f’dak il-mument ftakru x’hemm miktub fil-ktieb tas-Salmi. ‘Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Din kienet mifhuma bħala profezija Messjanika. Hawnhekk id-dixxipli raw b’mod aktar ċar li bħala l-Messija kellu jkun mimli biż-żelu għad-dar t’Alla.

L-awtoritajiet Lhud imma riedu prova li Ġesu’ kellu l-awtorita’ Divina biex jaġixxi b’dan il-mod. Huma stennew sinjal mingħand Alla biex jagħtu raġun lil Ġesu’. Ġesu’ jwieġeb li s-sinjal li Alla jagħti huwa dak tal-qawmien mill-mewt. ‘Ħottu dan it-Tempju u fi tliet ijiem nerġa’ ntellgħu.’ Il-Lhud ma fehmux li t-Tempju li jsemmi Ġesu’ huwa b’referenza għall-ġisem tiegħu stess.

U inti tħeġġeġ biż-żelu għad-dar t’Alla?

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti tiftaħ beraħ il-bieb tad-dar t’Alla Missierek ħalli tistedinna biex b’kunfidenza nidħlu u naduraw bl-Ispirtu u l-verita’.

Għażiża ommi Marija, għinni nersaq qrib it-tron tal-ħniena bil-gratitudni u bil-ferħ bl-istess mod kif inti ersaqt dejjem, b’umilta’ u bi gratitudni lejn Alla. Ammen.