Għaliex aħna bħala nsara m’għandiex niċċelebraw il-Halloween?

30

STQARRIJA TAL-KUMMISSJONI DJOĊESANA OKKULT U SATANIŻMU DWAR IL-FESTA TAL-HALLOWEEN

🌻 Il-Halloween huwa festa pagana ċċentrata fuq ir-rebħa tal-mewt fuq il-ħajja, dlam fuq id-dawl.

🌻 Din il-festa hija okkażżjoni għal dawk li jipprattikaw l-okkult, maġija, spiritiżmu jew sataniżmu biex jagħmlu ir-riti tagħhom. Peress li din hija l-festa tal-mewt, ħafna jippruvaw jikkomunikaw mal-mejtin permezz tal-ispiritiżmu tant li din il-festa ġiet magħżula bħala l-ewwel festa fis-sena tal-maġija.

🌻 Il-Kristjani ma jistgħux jissieħbu f’attivitajiet ta’ okkult u riti oħra. Ara Ktieb tad-Dewteronomju Kapitlu 18.

🌻 Dawk li jipprattikaw l-okkult jgħallmu li f’dak il-lejl, spirti w iħirsa, joħorġu mill-oqbra u jmorru fid-djar ta’ nieshom. In-nies, għaliex jibżgħu li jidhrulhom xi erwieħ, jilbsu ta’ skeletri, sħaħar u erwieħ biex ibeżżgħuhom ħalli ma jiġux iżuruhom. Iħallu wkoll xi ikel fuq l-għatba tal-bibien tagħhom biex l-erwieħ ma jisħtuhomx. Din hi r-raġuni vera għaliex it-tfal jiġu mlibbsa l-kostumi.

🌻 Id-drawwa li jonqxu wiċċ fil-qargħa ħamra hija wkoll mod kif ‘igerrxu’ l-erwieħ li jkunu se jżuruhom.

🌻 Mhix ħaġa stramba li filwaqt li l-Ewropa qed tipprova tneħħi kull tifsira reliġjuża mill-Milied (winterfest) u mill-Għid (Spring break), imma xorta qed tippromwovi ċ-ċelebrazzjoni tal-Halloween meta din għandha għeruq okkulti u pagani?

  • Onesimo Herrera Flores jgħid li: ‘min jiċċelebra l-Halloween ikun qisu qed jistieden lix-xitan fid-dar u fil-ħajja tiegħu’.
  • Anton Szander La Vey, fil-bibbja satanika pagna 96, jgħid li ‘flimkien mal-birthday, ghandu jigi ċċelebrat il-Halloween’.

🌻 Ejjew aħna bħala nsara ma nħallux min jisraqilna l-ferħ li l-Mulej ipoġġi f’qalbna meta niftakru f’dawk li ‘tqabdu t-taqbida t-tajba, temmew il-ġirja u ħarsu l-fidi’ u issa kisbu l-kuruna li l-Mulej ħejja għalihom. Nilqgħu l-istedina li jagħmlilna San Ġakbu fl-ittra tiegħu (4:7-8):

‘Mela oqogħdu għar-rieda t’Alla. Ieqfu lix-xitan u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn il-Mulej u hu jersaq lejkom. Midimbin naddfu jdejkom; nies ta’ moħħ imħawwad, saffu qlubkom”.