Mirakli Ewkaristiċi

Għal-lista tal-Mirakli Ewkaristiċi mur fl-aħħar ta’ dan l-artiklu…

INTRODUZZJONI

Verżjoni Vidjo: Introduzzjoni għall-‘Mirakli Ewkaristiċi’

L-Ikbar teżor fil-Knisja Kattolika hu, bla dubju ta’ xejn, l-Ewkaristija Qaddisa fejn Ġesu’ Kristu jumilja ruħu u jassumi d-dehra tal-ħobż. Sew jekk insibuh f’kappella sempliċi jew f’bażilka grandjuża, l-Ewkaristija hija l-prova ta’ kemm il-Mulej tagħna tas-Sema ma jridx li jkun mifrud minn uliedu.

Uliedu, min-naħa l-oħra, mhux dejjem apprezzaw din il-preżenza, u b’dispjaċir wieħed ngħid illi ħafna jabbużaw jirċevuh indenjament, oħrajn jiddubitaw il-Preżenza Rejali ta’ Alla fl-Ostja Mqaddsa, jew iħarsu lejn is-Sagrament b’indifferenza. Għal raġunijiet bħal dawn is-Salvatur Divin jippermetti Mirakli Ewkaristiċi biex jagħti prova tal-preżenza tiegħu f’dan is-Sagrament.

Mirakli Ewkaristiċi bħal dawn, fejn l-ispeċi għadhom ippreservati jew il-fatt huwa dokument tajjeb, żgur li jkabbru l-apprezzamenti tagħna lejn dan is-Sagrament tal-Imħabba.

Nittama illi l-qarrej, wara li jirrifletti fuq dak li jkun qara hawn, iħoss fih qima iktar profonda lejn l-Ewkaristija u jpatti mill-aħjar li jista’ għall-abbużi lejn din il-Preżenza Divina li ġiet mogħtija lilna minn Mulej u Salvatur li qatt ma ried li jkun mifrud minna.

eucharist-real-presence

Tajjeb li dan il-materjal u ieħor li ser issibu f’dan is-sit jiġi milqugħ tajjeb mis-Saċerdoti, mill-Għaqdiet Reliġjużi, mill-membri tal-Moviment Ekkleżjali, mill-membri tal-Fergħa Ewkaristika u minn dawk li għandhom għal qalbhom l-Adorazzjoni Ewkaristika ta’ kull nhar ta’ Ħamis u dik tal-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar.

Dan it-tagħrif għandu jseddaqkom fil-fidi tagħkom fl-Ewkaristija biex timmeditaw fil-fond dawn il-Mirakli Ewkaristiċi li l-Mulej għoġbu jippermetti, u biex tissaħħu fil-fidi fil-preżenza reali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija. U għal dawk li huma bierda jew indifferenti jew ma jemmnux, meta jaraw l-eżempji tajba tagħna lejn Ġesu’ Ewkaristija, jistgħu jkunu għalihom xhieda għall-konverżjoni.

Nittama li dan is-sit isir strument f’idejn is-Saċerdoti. L-Ewkaristija sseddaqkom fis-saċerdozju ministerjali tagħkom u turikom il-valur għat-tqaddis tad-dinja kif jgħallimna d-digriet Praesbyterorum Ordinis.

San Ġorġ Preca kien jistħajjel lil Kristu jgħid “Ir-ruħ li tħobbni li għandha l-għatx tiegħi, tiġi tfittixni fis-Sagrament tal-artal fejn hija, b’fidi u ħajja, toqgħod mistrieħa bħal ħabib maġenb il-ħabib tal-qalb u tinfetaħ miegħu b’atti ta’ mħabba u ta’ ringrazzjament.”

6c264aff5b357daf0028098cb9c8c398

It-Tagħlim tal-Knisja dwar l-Ewkaristija

Il-Knisja Kattolika tgħallem illi fil-mument tal-Konsagrazzjoni tal-Quddiesa, il-ħobż u l-inbid fuq l-artal jinbidlu verament fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’ Kristu. Issa taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid hemm Ġesu’ Kristu sħiħ jiġifieri l-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’. Kull min jirċievi l-Ostja jkun qiegħed jirċievi ‘l Ġesu’ sħiħ għax Hu jinsab sħiħ f’kull speċi. Kristu ma jinqasamx, imma jibqa’ dejjem sħiħ.

Ġesu’ jibqa’ preżenti sakemm jibqgħu integri l-ħobż u l-inbid. Meta l-Ostja Kkonsagrata tiġi maħduma mill-istonku jew tiġi maħlula fl-ilma u hekk ma għadx hemm dehra tal-ħobż, allura issa ma għadx hemm Ġesu’. Hekk naraw illi Ġesu’ jdum preżenti f’min jirċevih għal madwar 15-il minuta, sa ma jiġi totalment ikkunsmat.

Alla bħala Ħallieq jinsab kullimkien, u jinsab ukoll permezz tal-grazzja sinifikanti fl-erwieħ li huma fil-grazzja tiegħu. Iżda dawn huma żewġ preżenzi spiritwali biss. Il-preżenza rejali ta’ Ġesu’ Ewkaristija jiġifieri bil-Ġisem, bid-Demm, bir-Ruħ u bid-Divinita’ hija kompletament unika.

Biex nistgħu nirċievu denjament l-Ewkaristija rridu nkunu fl-istat tal-grazzja. Min jirċievi l-Ewkaristija bi dnub mejjet ikun qiegħed jagħmel sagrileġġ. Irridu wkoll nosservaw is-sawma ta’ mhux inqas minn siegħa qabel ma wieħed jitqarben. Il-Kattoliku serju jipprova jitnaddaf ukoll mid-dnub venjal. L-aħjar bi preparazzjoni għat-Tqarbin hi li tieħu sehem bid-devozzjoni fil-Quddiesa.

L-effetti tal-Ewkaristija, meta nirċevuha denjament, huma:

  • għaqda sħiħa ma’ Ġesu’,
  • ikel spiritwali għal ruħna, u
  • garanzija ta’ salvazzjoni eterna.

Meta jirċievi l-Ewkaristija n-nisrani jkun jobdi l-kmand ta’ Ġesu’: biex nieklu Ġismu u nixorbu Demmu. Dan hu l-att l-aktar mogħġub quddiem Alla li jixtieq joqgħod magħna. Iktar ma nkunu midħla ta’ Ġesu’ iktar nixtiequ li nkomplu nirċevuh. Mid-dispożizzjonijiet tan-nisrani permezz tal-preparazzjoni jiddependi t-tkattir tal-grazzja f’min jirċievi l-Ewkaristija.

Il-grazzja sinifikanti hija l-ħajja ta’ Kristu fir-ruħ. Din tagħmel ir-ruħ qaddisa u mogħġuba quddiem Alla. Kull darba li jiġi fina Ġesu’ permezz tal-Ewkaristija tissaħħaħ il-wegħda tal-ħajja eterna.

Permezz tat-Tqarbin, Ġesu’ jagħtina l-qawwa biex noservaw il-kmandamenti. It-Tqarbin ta’ spiss igħinna nikkumbattu d-dnub u nrażżnu l-ġibdiet ħżiena tagħna fina, u fuq kollox, napprezzaw dak kollu li hu ta’ Alla.

Sa mill-ibgħad żminijiet il-Knisja ivvenerat il-“ħobż u l-inbid” ta’ waqt il-konsagrazzjoni bħala l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Kristu kien jaf x’fidi soda jrid ikollu n-nisrani biex jaċċetta dan il-misteru. Hu pprepara lil dawk li kienu miexja warajH permezz tal-miraklu tal-multiplikazzjoni tal-ħobż u l-ħut. Wara ħabbrilhom li ser jagħtina Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb.

U hawn naraw ħafna segwaċi li telquH, u dan għax ma ridux jaċċettaw dan it-tagħlim.

L-Ewkaristija Mqaddsa ġiet mwaqqfa wara l-Aħħar Ċena. Insibu r-rakkont f’San Mattew 26:26-28, f’San Mark 14:22-24, f’San Luqa 22:17-20 u fl-ittra ta’ San Pawl lin-nies ta’ Korintu 1 Kor. 11: 23-26.

dsc02115

Sant’Antnin ta’ Padova (1195-1231) jikteb hekk:

“Aħna żguri u hekk nistqarru fil-beraħ illi dak hu l-istess ġisem li twieled mill-Verġni Marija, sallbuh ma’ salib, poġġewh ġo qabar, u fit-tielet jum qam mill-imwiet u tela’ fuq il-lemin tal-Missier. Dan ġie mogħti bħala ikel lill-Appostli, u issa l-Knisja tikkonsagra u tqassmu lill-fidili.”

Dan is-Sagrament kbir ġie mogħti lill-bnedmin mill-ħanin Alla biex ikun dejjem preżenti fost uliedu. Għalkemm sa mill-bidu kien adorat mill-membri fidili tal-Knisja, iżda ħafna oħrajn ma emmnux dan il-misteru u ttraskurawh u warrbuh jew irċevewh indenjament. Għalhekk minħabba f’raġunijiet bħal dawn Alla ppermetta li jsiru mirakli biex juri l-preżenza Tiegħu f’dan is-Sagrament. Dawn il-mirakli jibqgħu xhieda ta’ dan il-misteru kbir fir-Reliġjon Kattolika: “L-Iben t’Alla sar bniedem u għammar fostna” u dan mhux biss f’Betlem iżda f’kull tabernaklu fi Knisja Kattolika u f’kull qalb kattolika u sinċiera.

14361218_602346943285565_7818321297466686086_o

Information about Eucharistic Miracles in English: 

Mirakli Ewkaristiċi

1. Il-Miraklu ta’ Blanot, Franza
2. Il-Miraklu ta’ Bolsena – Orvieto, Italja
3. Il-Miraklu ta’ Braine, Franza
4. Il-Miraklu ta’ Daroca, Spanja
5. Il-Miraklu ta’ Ferrara, Italja
6. Il-Miraklu ta’ Lanciano, Italja
7. Il-Miraklu ta’ Macerata, Italja
8. Il-Miraklu ta’ Middleburg – Louvain, Belġju
9. Il-Miraklu ta’ Olmutz, Ċekoslovakja
10. Il-Miraklu ta’ Sjena, Italja
11. Iż-Żewġ Mirakli ta’ Firenze, Italja
12. Il-Miraklu ta’ Dubna, Polonja (illum Dubna hi fir-Russja)
13. Il-Miraklu ta’ Seefled, Awstrija
14. Il-Miraklu ta’ Avignon, Franza
15. Il-Miraklu ta’ Bordeaux, Franza
16. Il-Miraklu ta’ Faverney, Franza
17. Iż-Żewġ Mirakli ta’ Stich, Ġermanja tal-Punent
18. Il-Miraklu ta’ Morrovalle, Italija
19. Aktar Mirakli Ewkaristiċi
20. Devozzjoni Ewkaristika tal-Qaddisin
21. Mirakli Ewkaristiċi u l-Qaddisin
22. Sawm Ewkaristiku
23. Estasi
24. Tqarbin Mirakuluż
25. Vuċijiet u Viżjonijiet
26. Dmugħ, Nar u Dawl
27. Levitazzjonijiet
28. L-Istorja tad-Devozzjoni Ewkaristika
29. L-Ewkaristija Mqaddsa u aħna
30. Tqarbina Spiritwali

Nota: Dan it-Tagħrif huwa ġabra ta’ Dun Ġorġ Mercieca.

Aktar dwar Mirakli Ewkaristiċi minn Manwel Cutajar.

Informazzjoni dwar Kappelli tal-Adorazzjoni