Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 16: 12-15
L-Evanġelju skont San Ġwann 16: 12-15
[Ġw:16:12] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom.
[Ġw:16:13] Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.
[Ġw:16:14] Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.
[Ġw:16:15] Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’lest li jagħti l-bniedem biex jikseb u jkun jaf il-verita’ kollha?
Il-verita’ min naħa l-oħra mhix xi ħaġa li noħolquha aħna u lanqas fil-kontroll tagħna biex niskopruha, hija rigal t’Alla. L-istess verita’ hi f’idejh hu jagħtiha lil min irid.
Kif jista’ jkun dan?
Ix-xettiċi tal-verita’ ma jridux jemmnu f’verita’ assoluta. Uħud jibżgħu mill-verita’ għaliex jaħsbu li din tista’ tieħu post il-liberta’ tagħhom. Ġesu’ jgħid lilna d-dixxipli tiegħu li l-Verita’ teħlisna. Din insibuha fl-Evanġelju ta’ San Ġwann kapitlu 8 vers 32.
Il-Verita’ teħlisna mid-dubji, mill-illużjonijiet u mill-biżgħat.
Ħsieb għal Qalbek …
Ladarba Alla hu l-għajn ta’ kull Verita’ allura, aktar ma nersqu lejh u nisimgħu l-Kelma tiegħu aktar nikbru fl-għarfien tiegħu u fl-imħabba kbira u l-għerf tiegħu għalina. Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu li hu kien se jibgħatilhom l-Ispirtu tal-Verita’ li kien se jħabbar dak li se jseħħ. Permezz tal-Ispirtu mogħti lill-Knisja, aħna nxandru l-fidi tagħna tal-imgħoddi fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu sa ma’ jerġa’ jiġi. Il-Mulej jagħtina l-Ispirtu s-Santu bħala l-Għalliem u dak li jgħenna ħalli aħna nikbru fl-għarfien u l-għerf t’Alla.
U inti tfittex il-għerf li ġej minn fuq u toqgħod bi mħabba u sottomissjoni għall-Kelma tiegħu kif imfissra minn Ommna l-Knisja?
Turi qima lejn it-Trinita’ Qaddisa u titlobha tgħinek fil-ħajja tiegħek biex int bħal ma’ hi f’unjoni tkun int ukoll f’unjoni magħha u mal-oħrajn?
Itlob …
Mulej Ġesu’, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u ggwidani fit-triq tal-Verita’ tiegħek.
Ommna Marija, Tron tal-għerf u Omm tal-parir it-tajjeb, eħlisni milli naqa’ fl-iżball u t-triqat il-ħżiena u wassalni lejn l-għarfien t’Ibnek u r-rieda tiegħu f’ħajti. Agħmel li xejn f’ħajti ma jkun ‘il barra mis-sovrenita’ tiegħu, agħmel ukoll li b’ħajti b’dak kollu li naħseb, ngħid u nagħmel nagħti glorja lis-Santissma Trinita’ bħal ma’ għamilt inti. Ammen.