Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 14: 23-29
L-Evanġelju skont San Ġwann 14: 23-29
[Ġw:14:23] F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
[Ġw:14:24] Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.
[Ġw:14:25] “Għedtilkom dan meta għadni magħkom.
[Ġw:14:26] Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.
[Ġw:14:27] Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.
[Ġw:14:28] Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.
[Ġw:14:29] U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’jagħmilna tassew umani u fl-istess waqt nixbhu lil Alla?
Ċertament l-imħabba. Hija l-imħabba li tgħaqqadna f’rabta fraterna mal-oħrajn. Sa mill-bidu tal-ħolqien Alla qal: ‘Mhux sew li l-bniedem jibqa’ waħdu.’ Dan insibuh f’Ġenesi kapitlu 2 vers 18. Aħna ġejna maħluqa fl-imħabba u għall-imħabba biex inkunu komunita’ ta’ persuni li jinħabbu l-istess bħal mal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma maqgħuda fl-imħabba. Ġesu’ jgħid lid-dixxipli tiegħu dwar l-għaqda inseparabbli t’imħabba bejnu u bejn il-Missier u dwar l-imħabba tagħhom lejn l-umanita’. F’Ġesu’ naraw il-milja tal-imħabba t’Alla u kif din l-istess imħabba hi diretta lejna biex tgħanina bil-ġid tagħha.
Ġesu’ jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu biex jimxu fit-triq tal-imħabba permezz tal-ubbidjenza għar-rieda tal-Missier. L-imħabba vera hi aktar minn sempliċi sentiment jew intenzjoni tajba. Dawn għandhom mnejn ma jkunux mezzi biex wieħed jagħti l-vera prova t’imħabbtu lejn Alla u lejn l-oħrajn. Imħabba vera lejn Alla hi espressa fl-ubbidjenza u l-ubbidjenza hija espressa fl-imħabba. Ġesu’ wiegħed li jagħti lid-dixxipli tiegħu l-aqwa fost id-doni l-Ispirtu s-Santu bħala l-Kunsillier u l-ajjutant tagħhom.
Ħsieb għal Qalbek …
Kif jgħinna l-Ispirtu s-Santu?
‘Kunsillier’ hi terminu legali għal wieħed li jiddefendi lil xi ħadd kontra avversita’ u jiggwida lil dik il-persuna waqt it-tiġrib. L-Ispirtu s-Santu hu l-Avukat u l-għajnuna tagħna li jġibilna s-sigurta’ waqt l-isfidi u l-avversitajiet li għandna naffaċċjaw f’din il-ħajja. L-Ispirtu s-Santu huwa wkoll dak li jagħtina l-ħajja, il-ħajja t’Alla u dak li jiggwidana fit-triq tal-verita’. Qatt ma nistgħu nieqfu nitgħallmu għaliex l-Ispirtu jiggwidana aktar u aktar lejn l-għerf tal-imħabba t’Alla u tal-verita’. Ġesu’ wiegħed ukoll lil min jimxi warajh, id-don tal-paċi. Il-paċi hi aktar minn nuqqas ta’ konflitt u nkwiet. Il-paċi tinkludi kulma jagħmel l-għola ġid tagħna.
Ġesu’ joffrilna l-paċi li tirbaħ fuq il-biżgħat u l-anzjetajiet tagħna. Xejn ma jista’ jifridna mill-paċi u l-ferħ ta’ Ġesu’ Kristu. L-ebda niket jew dwejjaq, l-ebda periklu, l-ebda sofferenza ma jistgħu naqsuhielna. Il-fiduċja f’Alla, il-fidi fil-wegħdiet tiegħu u l-ubbidjenza għall-Kelma tiegħu jwassluna lejn il-paċi u s-sigurta’ fil-preżenza t’Alla. Għalhekk in-Nisrani m’għandux għalfejn jibża’ jew jitfixkel b’xi ħaġa.
X’jista’ jifridna mill-imħabba t’Alla għalina fi Kristu Ġesu’?
U inti tgħix fl-Imħabba ta’ Kristu?
Itlob …
Mulej, agħmel li jiena ngħix dejjem fil-paċi tiegħek. Agħmel li l-ebda ċirkustanza, inkwiet jew biżgħat ma jfixkluni milli ngħix il-milja tal-paċi li ġejt iġġibilna u li hi aktar milli nistgħu nifhmu.
Għażiża Marija, Omm u Sultana tal-paċi, urieni li Alla biss hu l-paċi tiegħi u xejn aktar ma jista’ jimlili qalbi u jissodisfani ħlief din il-paċi. Għallimni ngħammar f’din il-paċi billi nemmen fil-Kelma t’Alla u nwettaq ir-rieda tiegħu kif inti b’umilta’ u bi mħabba u b’qalb miftuħa, lqajt, għożżejt il-Kelma t’Alla u bnejt ħajtek fuqha. Ammen.