Nisrani kif għandu jieħu sehem fil-Quddiesa u għaliex il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba?

70

🌻 In-nisrani:

  • Għandu jmur il-Quddiesa għax jixtieq jobdi u jħobb lil Ġesu’ u lill-Knisja tiegħu.
  • Għandu jindem minn dnubietu biex jagħmel tqarbina tajba.
  • Għandu jagħmel ħiltu biex jixrob il-Kelma.
  • Għandu tassew jitlob bil-qalb fil-waqtiet li jsir dan.
  • Għandu jitqarben bl-akbar fidi, tama u mħabba li hemm fih.
  • Għandu jrodd ħajr lil Alla.

🌻 Il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba għaliex fi Ġwanni 4, insibu li Ġesu qal li l-Missier Alla jfittex lil dawk li jadurawh fl-Ispirtu u l-Verita’. Din hi l-adorazzjoni unika li jrid u jistenna l-Missier. Ġesu’ qalilna li hu din il-Verita u Hu biss jista’ jagħtina l-Ispirtu. Dan iseħħ bil-mod l-aktar qawwi fil-Quddiesa u bit-Tqarbin. Mela t-talba li l-aktar togħġob lil Alla l-Missier hi l-offerta ta’ Ġesu’ ssagrifikat għalina u mogħti lil Missier. Aħna nidħlu bis-sħiħ f’din l-offerta tal-Iben lill-Missier bit-talb u t-tqarbin u mbagħad billi ngħixu din l-offerta tul ħajjitna.

X’mhix il-kuxjenza u allura x’nikkonkludu minn dan?

66

🌻 Il-kuxjenza mhix:

  • x’inħoss u naħseb jien,
  • lanqas fuq hiex taqbel il-maġġoranza jew dak li hu popolari,
  • lanqas x’nemmnu li jaqbel għalija jew għall-ħbieb tagħna.

🌻 Kulħadd għandu kuxjenza għax kulħadd b’mod jew ieħor jagħraf x’qed jagħmel tajjeb jew ħażin.

🌻 Kull bniedem hu wkoll obbligat jifforma l-kuxjenza tiegħu u jibbaża l-azzjonijiet tiegħu fuq il-Kelma t’Alla (il-Bibbja) u t-tagħlim tal-Knisja mwaqfa minnu.

🌻 Għalhekk, naslu għall-konkluzzjoni li l-ebda nisrani ma jista’ jfisser l-Iskrittura lil hinn jew il-barra mill-Knisja meta kienet il-Knisja stess li urietna.

🌻 Aħna wkoll, b’mod personali ma nistgħux inħallu barra t-tagħlim ta’ Kristu u l-mod kif dan it-tagħlim jiġi mfisser lilna mill-Knisja.

X’għandu jagħmel kull nisrani u l-Knisja kif tidħol fir-rigward tal-kuxjenza?

65

🌻 Min hu nisrani ma jistax jgħid ili qed jibni l-kuxjenza tiegħu u fl-istess waqt iwarrab dak li qal u għallem Ġesu’.

🌻 Il-bniedem jista’ jagħti ‘opinjoni’ imma, l-kuxjenza mhix opinjoni ta’ individwu/i!

🌻 La l-kuxjenza hi t-tweġiba tagħna għal dak li qalilna Alla permezz ta’ Ġesu’, għandha tkun ibbażata biss fuq l-istess tagħlim ta’ Ġesu’.

🌻 Fir-rigward tal-kuxjenza, il-Knisja tidħol għaliex kienet hi li fil-bidu qaltilna li l-Kelma t’Alla hi dik li hi.

🌻 Kienet il-Knisja (jiġifieri l-komunita’ nisranija), li wara proċess twil, li għandu kriterji fissi, waslet biex b’dixxerniment u bl-għajnuna t’Alla tagħżel liema huma l-kotba ispirati u l-kotba li m’humiex fil-Bibbja.

🌻 Il-proċess biex għarfet li għandha żżomm is-72 Ktieb tal-Bibbja li nafu bihom illum, ħa ħafna żmien.

🌻 Għalhekk, ma nistgħux nifhmu l-Iskrittura b’mod ieħor ħlief bil-mod kif tgħallimna dwarha l-Knisja għax kienet l-istess Knisja li għarfet dak li hu ġej minn Alla u dak li mhux ġej minn Alla.

Għaliex ‘il-kuxjenza’ hija tema importanti għalina l-insara? Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, għaliex dejjem tkellimna fuqu?

64

🌻 La aħna l-insara nemmnu fl-eżistenza t’Alla u li Hu ħalaq lilna l-bnedmin, il-bniedem ma jgħix ħajtu maqtugħ mir-relazzjoni tiegħu m’Alla.

🌻 Alla ma ħalaqx id-dinja u umbagħad telaqha!

🌻 Alla nnifsu kkomunika mal-bniedem, b’mod speċjali permezz ta’ Ibnu Ġesu’.

🌻 Alla uriena x’inhi r-Rieda tiegħu għall-bniedem, li Hu għandu pjan għall-istess bniedem u l-ambjent li fih jgħix.

🌻 Alla għabba lill-bniedem bir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb ta’ dak li fdalu bil-mod kif urieh Hu, permezz ta’ Kristu.

🌻 Il-kuxjenza hi r-risposta tal-bniedem lejn Alla, wara li ingħata t-taghlim li kellu bżonn mingħand Kristu u mingħand il-Knisja li waqqaf Kristu.

X’nifhmu bil-kelma ‘kuxjenza’ u x’tgħallem il-Knisja dwarha?

61

🌻 Kull bniedem jagħraf li hemm liġi ġewwa fih.

🌻 Din tagħmlu konxju li hemm it-tajjeb u l-ħażin.

🌻 Il-kuxjenza tigbed lill-bniedem biex jagħmel it-tajjeb u tippremjah meta jagħmlu.

🌻 Minn naħa l-oħra, din l-istess kuxjenza tagħtih ir-rimors meta jagħżel il-ħażin.

🌻 Din il-ligi tissejjah ‘kuxjenza’.

🌻 Il-Knisja tgħallem li l-kuxjenza hi propju attività ta’ Alla fil-qalb ta’ kull bniedem.

🌻 B’dan il-mod, Alla jikkmanda lil kull bniedem.

🌻 Il-bniedem, bil-libertà tiegħu, jagħżel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin.

Hemm min jgħid: “Kristu, iva! Knisja, le!”. Xi ngħidu dwar dan?

11

🌻 Hemm min jaħseb biex jitlaq mill-Knisja, iżda jkun jrid jibqa’ jemmen fi Kristu. Dan ma jagħmilx sens għax kif tista’ trid lil Kristu u ma tridx dak li jgħid Hu?

🌻 Mela mhux vera tridu, għax kieku vera tridu trid dak li jrid Hu, u Ġesu jrid il-Knisja għax waqqafha Hu stess. Mela min jitlaq il-Knisja u jipprova jżomm lil Kristu, ikun qed jemmen f’xi Kristu kif jimmaġinah u jivvintah hu, u mhux il-vera Kristu.

Xi tfisser l-espressjoni li hemm fil-Missierna: “Tiġi Saltnatek”?

10

🌻 Is-Saltna t’Alla hija Ġesu’ nnifsu. Hekk kif Alla kien ħeles lil-Lhud minn taħt il-Fagħrun u għamilhom saltna għaliH, issa jeħles lill-bndemin kollha mid-dnub u jdaħħalhom fis-Saltna li ma tispiċċa qatt: Ġesu’ Kristu Sidna.

🌻 Meta nitolbu “Tiġi Saltnatek” qed nesprimu xewqa li Kristu jkun is-Sultan tagħna, li l-bndemin kollha jitwaħħdu fi Kristu u li Kristu jwassal din is-Saltna għall-milja tagħha fl-aħħar taż-żminijiet meta għad joffriha lesta lil Alla l-Missier.

🌻 It-Tmiem li timmira lejh il-Knisja huwa propju l-miġja ta’ din is-Saltna tal-Aħħar meta Kristu jagħlaq l-istorja u jerbaħ fuqha u jibda l-ħolqien il-ġdid.

Ġesu’ lil min ta s-setgħa tat-tagħlim?

59

🌻 Lil Pietru u lill-Appostli tahom is-setgħa li jgħallmu f’ismU. Qabel ma tela’ s-sema, bagħthom jgħallmu ma’ kullimkien.

🌻 Mela t-tagħlim tal-Bibbja jinsab f’idejn l-awtorita’ tal-Knisja biex tgħid x’inhu u biex ixxerdu ma’ kullimkien.

🌻 Aħna għandna nobdu lil Ġesu’ u nisimgħu mill-Knisja fuq is-sens ta’ dak kollu li hemm fil-Bibbja.

🌻 Għandna noqogħdu ħafna attenti minn dawk li jfissru l-Bibbja bla ma għandhom l-awtoritazzjoni tal-Knisja.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq is-Suwiċidju?

57

🌻 Fl-imgħoddi peress li ma kienx hemm ħafna tagħrif ta’ psikoloġija u kif jaħdem il-moħħ, kienu jikkunsidraw li persuna suwiċida probabilment mietet iddisprata – dnub gravissmu.

🌻 Illum, il-Knisja tippresumi li l-persuna suwiċida kellha moħħha fi stat alterat f’dak il-ħin. Jekk il-persuna fil-fatt kellha moħħha fi stat alterat, il-gravità tkun inqas. Iżda dan jiġġudikah Alla. Il-Knisja tħares b’kumpassjoni lejn dawn il-bnedmin u titlob għalihom.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-ħarsien tas-Saħħa tal-bniedem?

56

🌻 L-individwu għandu responsabiltà lejn saħħtu u saħħet l-oħrajn. Għalhekk:

  • għandu jirrikreja ruħu b’mod xieraq (per eżempju sport),
  • m’għandux isuq b’mod ta’ periklu għalih innifsu jew l-oħrajn,
  • m’għandux ipejjep jew jisker jew juża drogi,
  • għandu jieħu ħsieb tas-saħħa bl-għażla għaqlija tal-ikel li jiekol
  • u bla ma jiffissa għandu jara li dak kollu li jagħmel u jikkawża fl-ambjenti fejn ikun għandu jġib ‘l quddiem il-ħajja u s-saħħa tiegħu u tal-oħrajn u jevita l-mard, il-ħmieġ, il-kruha, il-vandaliżmu, l-istorbju, il-ħela.

🌻 Huwa nuqqas u dnub meta ma nagħmlux dmirijietna. Huwa dmir tagħna li nieħdu ħsieb ta’ ġisimna u ta’ saħħet ħaddieħor. Għalhekk huwa ħażin li nużaw ġisimna biex nieħdu sensazzjonijiet bħal f’ċerti passatempi perikolużi jew bix-xorb jew sustanzi oħra. Il-ġisem mhux hemm għall-frugħa iżda biex bih inqimu ‘l Alla.