152. Riflessjoni fuq Mattew 24: 42-51

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 24: 42-51

Wave-of-Light-e1474572872922

L-Evanġelju skont San Mattew 24: 42-51

[Mt:24:42] Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom.

[Mt:24:43] Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru.

[Mt:24:44] Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

[Mt:24:45] “Intom min tgħidu li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin?

[Mt:24:46] Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru.

[Mt:24:47] Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

[Mt:24:48] Iżda jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’

[Mt:24:49] u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi,

[Mt:24:50] sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda,

[Mt:24:51] u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih li ħaqqhom in-nies ta’ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ jqabbel lilu nnifsu ma’ ħalliel li jiġi bil-lejl?

L-istorja li jirrakkuntalna Ġesu’ fil-Vanġelu tal-lum turina l-bżonn li nkunu dejjem ipreparati biex malli jiġi Hu, il-Mulej, f’ħin bla waqt u jsibna għallarieda, ma nistħux minnu minħabba dak li jsibna mheddijin bih. Għalhekk minn naħa tagħna jeħtieġ li aħna nkunu għassa ma’ ruħna biex kull waqt inżommuha mbegħda mill-perikli u mid-dlam tad-dnub li jwassalha għad-distruzzjoni.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jtemm it-tgħallim tiegħu dwar kemm wieħed għandu jagħmel sahra fuq ruħu b’parabbola oħra dwar il-ġudizzju li titratta Sid u l-qaddej tiegħu. Din hi simili għall-istorja ta’ qabilha. Hemm ukoll l-element ta’ sorpriża. Is-Sid jirritorna f’daqqa waħda d-dar f’ħin bla waqt. Huwa jippremja lill-qaddej minnhom għall-fedelta’ tiegħu għax sab li kien jaqdih u jwettaq kull ma’ hu kien imqabbad.

Is-Sid jikkastiga lill-qaddej l-ieħor li ġab ruħu ħażin. Dan il-qaddej ma kienx biss irresponsabbli, imma kien ta’ spiss jiskarta x-xogħol u jberbaq flus Sidu fix-xalar mall-ħbieb. Dan tal-aħħar abbuża wkoll minn sħabu l-ħaddiema fiżikament u bi vjolenza probabbilment biex iġgħalhom jagħmlu x-xogħol li kien imqabbad jagħmel hu. Is-Sid mhux biss jitfgħu ‘l barra fl-agħar post possibli fil-ħabs ta’ bla tmiem fejn hemm biss turmenti u miżerja jiġifieri fl-infern, imma wkoll itellfu l-post tiegħu tax-xogħol.

L-istess Alla li hu ġust jippremja bi privileġġi, bi promozzjonijiet u unuri kbar lil dawk li jaqduh b’fedelta’ u jikkastiga lil dawk infidili lejh minħabba l-għażż u l-abbużi tagħhom billi jtellifhom posthom b’diżunuri u b’ħabs etern.

Li kieku f’dan il-jum kellu jiġi l-Mulej bħal ħalliel għandek biex jitolbok kont ta’ kif qed taqdih b’ħajtek, isibek ipreparat?

Itlob …

Mulej, int sraqtli qalbi għalik. Agħmilha qawwija u soda fil-fidi u t-tama u ġeneruża fl-imħabba ħalli f’kull waqt ta’ ħajti f’din l-art inkun nogħġbok.

Marija, Omm għażiża, għinni nishar fit-talb flimkien miegħek bħalma għent lill-ewwel dixxipli t’Ibnek jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Għallimni biex bħalek nogħġob lil Alla f’kull ħin u f’kull waqt, b’kull ma’ naħseb, b’kull ma’ ngħid u b’kull ma’ nwettaq f’ħajti. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s