151. Riflessjoni fuq Mattew 23: 27-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 23: 27-32

 

Brooklyn_Museum_-_The_Pharisees_Question_Jesus_James_Tissot

L-Evanġelju skont San Mattew 23: 27-32

[Mt23:27] Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Qiskom oqbra mbajjda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta ta’ ħmieġ!

[Mt:23:28] Hekk intom; minn barra tidhru tassew ġusti quddiem il-bnedmin, waqt li minn ġewwa kollkom ipokrisija u ħażen!

[Mt:23:29] Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tibnu l-oqbra lill-profeti, iżżejjnu l-monumenti tal-ġusti,

[Mt:23:30] u tgħidu, ‘Kieku konna fi żmien missirijietna ma konniex nissieħbu magħhom u nxerrdu demm il-profeti,’

[Mt:23:31] u b’hekk weħidkom tagħtu xhieda li intom ulied il-qattiela tal-profeti!

[Mt:23:32] Mela issa komplu sa l-aħħar dak li bdew missirijietkom!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif jista’ wieħed ikejjel u jiġġudika t-tajjeb?

Il-profeta Iżaija kien ipprofetizza li l-Messija ma jiġġudikax skont ma’ jidher fl-għajnejn u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’, iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art. Din insibuha fil-ktieb t’Iżaija kapitlu 11 versi minn 3 sa 4.

Ġesu’ l-Messija li fuqu Iżaija kien ħabbar iċanfar lill-kapijiet reliġjużi ta’ żmienu talli kienu nies qarrieqa u jqarrqu bl-oħrajn l-aktar dawk innoċenti. Kienu juru wiċċ b’ieħor quddiem in-nies u kienu jagħmlu kollox għal għajn in-nies. Kienu juru għal wiċċ in-nies li kellhom qima lejn il-profeti maqtula minn min fil-passat oppona l-messaġġ tagħhom billi bnewlhom oqbra, imma fl-istess waqt huma stess kienu jopponu l-messaġġ tal-istess Iben t’Alla hekk li jagħlqu widnejhom għall-Kelma tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Huma m’aċċettawx lill-Messija għaliex qlubhom kienu iebsa u tqal biex jisimgħu l-Kelma t’Alla. Huma l-umli biss li jistgħu jirċievu l-għerf u l-għarfien t’Alla. L-Ispirtu s-Santu hu dejjem lest li jġedded l-imħuħ u l-qlub tagħna u biex jimliena bil-paċi, bil-ferħ u bit-tjubija tas-Saltna t’Alla.

Inti tgħożż il-Kelma t’Alla f’qalbek u toqgħod għalija b’biża’ qaddis u b’qima?

Itlob …

Mulej dawwal lil qalbi bil-għerf tiegħek u għallimni triqatek. Imlieni bl-Ispirtu tiegħek ħalli nħobb dak li tħobb int u nobdi Kelmtek bla riservi.

Għażiża Ommi Marija, int li lqajt bil-ferħ il-Kelma t’Alla mibgħuta lilek mill-anġlu Gabrijiel u b’hekk tnisslet fik il-Kelma inkarnata Ġesu’. Għallimni nilqa’ bl-istess mod il-Kelma t’Alla biex jien ukoll inwelled f’qalbi lil Ġesu’ biex jibqa’ miegħi dejjem. Ammen

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s