X’tisbita!

L-Erbgħa, 18 ta’ Settembru 2019: Riflessjoni dwar Lq 18: 9-14, il-Vanġelu tat-30 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom! Għeżież tiegħi minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ stedina li jagħmlilna Ġesu’ ta’ kull ġimgħa. Ta’ kull ġimgħa l-Mulej ma jiddejjaqx minnek ta, anke jekk matul din il-ġimgħa għaffiġtha, anke jekk matul din il-ġimgħa ħawwadt xi waħda kbira, anke jekk matul din il-ġimgħa qabbiżtha lil xi ħadd u bgħatt lil kulħadd jixxejjer, Ġesu’ lilek ma bgħattekx tixxejjer, la qabbiżtielu, għadu hemm hekk jistenniek, jibqa’ jiġri warajk, jibqa’ jdejjqek anke jekk ma tridx taf u forsi bħalissa kumbinazzjoni qed isegwi… żgur li le! M’Alla ma jeżistux kumbinazzjonijiet. Padre Piju tal-pjagi kien jgħid ‘Con Dio non chi sono combinazioni. Ce sempre qualquo che combina le combinazioni.’ M’Alla m’hemmx kumbinazzjonijiet imma dejjem hemm xi ħadd li jikkombina l-kumbinazzjonijiet, u dan xi ħadd huwa dejjem Alla għeżież tiegħi.

Il-Mulej li b’mod misterjuż l-id moħbija tiegħu tmexxi l-istorja ta’ ħajjitna biex jiġbidna lejh, biex ikellimna, biex jurina l-qawwa tal-imħabba tiegħu, li forsi aħna niddubitaw l-imħabba t’Alla, forsi aħna nirreżistuha, forsi bħalissa dal-programm lilek qed isibek irrabjat għal Alla fil-ħajja tiegħek. Jien li nixtieq ngħidlek biss il-Mulej agħtih ċans iktar profond għaliex jiena u int ħafna drabi min aħna? Xi drabi diffiċli nifhmu l-pjan tal-Mulej fil-ħajja tagħna pero’ jrid ikollna din il-fiduċja u dan l-abbandun Fih illi bħal Missier tajjeb ma jippermetti xejn fil-ħajja tagħna li hu kontrina, imma dejjem favurina anke jekk bħalissa ma jidhrix hekk.

U għalhekk insellem bil-qalb lilkom ilkoll li tinsabu fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin kemm fil-parti ċentrali tal-Faċilita’, is-sezzjoni tan-nisa, is-sezzjoni tal-Forensika, is-sezzjoni taż-żgħażagħ fl-Imtaħleb, insellem lil kull min hu residenti u kull min jaħdem f’din il-Faċilita’ għeżież tiegħi, lill-morda, lill-anzjani. Insellem anke lil dawk li ssegwuna anke barra minn Malta, saċerdoti fid-Dar tal-Kleru, saċerdoti oħrajn, insellem ilkoll għeżież ħuti minn qalbi.

Illum nixtieq naqsam magħkom Kelma meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa kapitlu 18 minn vrus 9 sa 14. San Luqa jagħtina din il-ġrajja:

Kien xi hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal.’ Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’ Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”

F’dil-parabbola għeżież tiegħi, Ġesu’ qed jagħtina tagħlima dwar l-attitudni tagħna quddiemu, fit-talb. Ftakru t-talb huwa relazzjoni ma’ Ġesu’. It-talb huwa relazzjoni m’Alla għeżież tiegħi. Issa Ġesu’ f’din l-istorja b’tagħlima li qed jagħtina jrid jurina x’għandha tkun l-attitudni profonda tagħna quddiem Alla. X’għandha tkun l-attitudni profonda tiegħek u tiegħi, għażiż ħija u oħti quddiem il-Mulej fil-mixja tal-ħajja tagħna?

Ġesu’ biex jgħinna nidħlu fil-fond ta’ dan, jippreżenta żewġ figuri ta’ wieħed li kien Fariżew u l-ieħor li kien Pubblikan. Il-Fariżew kien persuna biex ngħidu hekk reliġjuża ħafna, josserva r-regoli tar-reliġjon, persuna li minn barra jidher ħafna tajjeb. Il-Pubblikan kien persuna illi jaf li quddiem l-oħrajn huwa bniedem midneb, jaf li quddiem l-oħrajn huwa mhuwiex persuna bħal Fariżew li se jħarsu lejh b’mod tajjeb, imma persuna li mhuwiex benvist minħabba l-life style tiegħu. U Ġesu’ għeżież tiegħi hawn hekk qed jgħidilna l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ persuni tal-Fariżew u l-Pubblikan. Il-kontenut tat-talb tagħhom għaliex dak li wieħed jitlob jirrifletti x’hemm f’qalbu. X’inhu l-kontenut tal-Fariżew?

Il-Fariżew imur quddiem Alla u jgħidlu: ‘Jiena Mulej insum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma’ ndaħħal.’ Ċioe’ l-Fariżew huwa dak li jmur quddiem Alla u jgħid: ‘Mulej jiena tajjeb, jiena perfett, jiena nsib il-qawwa fija nnifsi biex nista’ nagħmel kollox tajjeb. Jiena m’inix bħall-bqija tal-oħrajn tan-nies illi ara x’jagħmlu, nies midinbin.’ Il-Fariżew huwa dak illi huwa konvint illi huwa t-tajjeb u l-oħrajn huma kollha ħżiena. Il-Fariżew huwa dak illi l-attitudni tiegħu quddiem Alla hi li hu m’għandux bżonn ‘l Alla għax hu kapaċi jagħmel l-affarijiet u jħossu superjuri għall-oħrajn illi dawn huma kollha nies midinbin mhumiex bħalu.

Għeżież tiegħi bil-maqlub Ġesu’ jagħtina t-talb tal-Pubblikan. Il-Pubblikan jgħidilna ma jmurx jippreżenta ruħu quddiem imma jieħu l-aħħar post, joqgħod in-naħa ta’ wara, lanqas biss kapaċi jerfa’ għajnejh lejn Alla, imma jħares ‘l isfel u t-talba tiegħu hija: ‘O Alla ħenn għalija; għax jiena midneb!’ L-attitudni tal-qalb tal-Pubblikan għeżież tiegħi hija attitudni t’umilta’ waqt li tal-Fariżew hija attitudni ta’ suppervja. Iċ-ċentru tal-ħajja tal-Pubblikan, tat-talb tiegħu huwa ‘Mulej ħenn għalija; għax jiena midneb!’ Jagħraf lilu nnifsu midneb u għax huwa midneb jagħraf ‘il bżonn t’Alla f’ħajtu. Il-Fariżew imur jiġġustifika lilu nnifsu quddiem Alla, għax jiena tajjeb, għax jiena nagħmel il-ġid, għax jiena hekk, hekk, hekk u hekk. Il-Pubblikan imur quddiem Alla biex iħalli lil Alla jiġġustifikah, iħalli lil Alla jagħmlu tajjeb. Iħoss il-bżonn t’Alla u minn hawnhekk joħroġ it-talb profond. Għeżież tiegħi, aħna nħossu ‘l bżonn t’Alla? Minn fejn joħroġ dan il-bżonn t’Alla fil-ħajja tagħna?Il-Fariżew ma jħossx il-bżonn t’Alla, imma l-Pubblikan dan il-bżonn iħossu. Minn fejn joħroġ li jiena nħoss il-bżonn t’Alla fil-ħajja tiegħi? Joħroġ għeżież tiegħi minn żewġt aspetti.

Joħroġ mill-fatt li jiena jekk naċċetta jien persuna maħluqa. Jiena m’iniex l-Ħallieq. Jiena ma ħlaqtx lili nnifsi. Jien maħluq u bħala persuna maħluqa, kreatura jiena niddependi minn Kreatur. Tant hu hekk għeżież tiegħi li l-bniedem fil-qiegħ ta’ qalbu matul is-sekli kollha tal-istorja jħoss -il bżonn t’element li hu spiritwali, element li hu reliġjuż, element li huwa sopra-naturali, element li huwa ħafna akbar minnu. Tant hu hekk li naraw li fl-istorja taż-żminijiet kollha, ibda mill-qedem u hawn Malta għandna t-Tempji għeżież tiegħi tal-qedem li huma xhieda ta’ dawn. Il-bniedem dejjem kellu dan is-sens t’Alla anke jekk mhux dejjem għaraf min hu. Għeżież tiegħi, mela aħna l-fatt li jien persuna maħluqa, issa l-Kelma t’Alla turina u l-Katekiżmu tal-Knisja għandu vers ħafna sabiħ jgħidilna illi Alla ħalaq il-bniedem għalih. Aħna maħluqa minn Alla u aħna maħluqa għal Alla. Maħluqin minn Alla u maħluqin għal Alla. Għeżież tiegħi hawnhekk joħroġ it-talb vera. Meta jien immur quddiem Alla bħala persuna li jien niddependi minnu.

Ħbieb tiegħi aħna ħafna drabi daħlet ħafna suppervja fil-ħajja tagħna. Fil-ħajja tagħna ħafna drabi hemm ħafna suppervja f’ħajjitna.

  • Aħna naħsbu li aħna sirna allat,
  • aħna naħsbu li aħna niddeċiedu x’inhu t-tajjeb u l-ħażin,
  • aħna rridu noħolqu l-bniedem,
  • aħna rridu noħolqu s-soċjeta’,
  • aħna rridu noħolqu l-liġijiet kif jidhrilna aħna,
  • aħna rridu noħolqu l-mentalita’,
  • aħna għamilna lilna nufsna alla
  • u dan huwa dnub tas-soċjeta’ tagħna.

Dan huwa dnub ta’ kull bniedem, id-dnub ta’ kull soċjeta’ f’kull żmien għeżież tiegħi, meta aħna nagħmlu lilna nfusna alla. Meta aħna ma naċċettawx ir-realta’ t’Alla u nagħmlu lilna nfusna allat. Dan huwa dnub li l-bniedem irid jikkonverti u jindem minnu. U jien nixtieq nagħmel appell f’isem il-Mulej Ġesu’ għeżież tiegħi

  • jekk int taħseb li int alla,
  • jekk inti ġġib ruħek t’alla,
  • jekk int il-kriterju ta’ kollox,
  • jekk kollox kif taħseb int,
  • jekk kollox idur miegħek,

illum il-Mulej qed isejjaħlek li tikkonverti. Li tikkonverti jiġifieri li inti ċċedi għall-imħabba t’Alla. Tikkonverti tfisser

  • li inti tirrealizza li int m’intix kollox,
  • li mhux kollox idur miegħek,
  • li mhux kollox kif trid int,
  • li mhux kollox kif tiddeċiedi int

imma Dak li ħalqek u li jħobbok iċċedi għall-imħabba tiegħu fil-ħajja tiegħek.

Aħna għandna bżonn il-Mulej għeżież tiegħi, jekk ħajjitna, jekk aħna se nibqgħu nibnu

  • żwieġ mingħajr Ġesu’,
  • familja mingħajr Ġesu’,
  • xogħol mingħajr Ġesu’,
  • karriera mingħajr Ġesu’,
  • karita’ mingħajr Ġesu’,
  • soċjeta’ mingħajr Ġesu’,
  • xi kultant anke affarijiet mill-Knisja mingħajr Ġesu’.

Dak li aħna ma nibnux fuq Ġesu’ fuq xiex qegħdin nibnuh? Qegħdin nibnu fuq ir-ramel li kollox se jispiċċa, kollox se jitkisser, kollox se jiġi fix-xejn għeżież tiegħi, għandna bżonn bħal dal-Pubblikan inħossu il-bżonn t’Alla. Dan il-bżonn joħroġ mill-fatt li aħna maħluqin dipendenti minn Alla.

Pero’, joħroġ ukoll mill-fatt li aħna midinbin, li jiena midneb. Jien midneb bħalkom, intom midinbin bħali. Jien u int aħna żewġ midinbin għeżież tiegħi. Aħna għandna bżonn il-Mulej għax aħna ngħaxxquha, aħna għandna bżonn il-maħfra tiegħu, għandna bżonn il-ħniena tiegħu, għandna bżonn l-għajnuna tiegħu. Dan il-Pubblikan: ‘Ħenn għalija; għax jiena midneb!’ Aċċetta d-dnub tiegħu, għaraf id-dnub tiegħu. L-attitudni tagħna quddiem Alla trid tkun t’umilta’ li nagħraf li jiena midneb, li nagħraf li jien xejn, li nagħraf li jien għaxxaqtha fil-ħajja tiegħi u għandi bżonn l-imħabba, il-maħfra u l-ħniena t’Alla.

Twebbisx rasek fid-dnub tiegħek. Dan il-Pubblikan jiftaħ qalbu għall-ħniena t’Alla. L-agħar ħaġa mhux li nidinbu tafux! X’nippretendu minna? Min jippretendi li ma jiżbaljax huwa l-ikbar supperv għeżież tiegħi, aħna niżbaljaw. Il-Bibbja tgħid il-bniedem ġust saħansittra jiżbalja seba’ darbiet kuljum. Aħna dgħajfin xi drabi anke aħna quddiem id-dnub qisek qed tagħmel id-dieta. Dik ma rridx niekolha, ma rridx niekolha, ma rridx niekolha, ma rridx niekolha, tiġi għas-Si u n-No u x’tagħmel? Tiekolha. Ħeq ma rridx nidneb, ma rridx nidneb, ma rridx nidneb, niġi għas-Si u n-No x’nagħmel? Nidneb, ngħaxxaqha dak il-ħin stess. Aħna ngħaffġuha. Nipprova ngħid irrid nikkontrolla lsieni, nikkontrolla tiġi sekonda tidgħi, tiżbalja. Mhuwiex li tiżbalja dnub l-agħar ħaġa, l-agħar ħaġa, l-agħar dnub hu li int twebbes qalbek, ma tiftaħx qalbek għall-ħniena t’Alla. Iftaħ qalbek għall-ħniena ta’ Ġesu’. L-attitudni tagħna quddiem Alla trid tkun li ‘aħna għandna bżonnok Mulej. Jien m’iniex tajjeb u perfett għandi bżonnok kontinwament.’

Din hija l-attitudni ġusta, dan hu l-ispirtu tat-talb vera. Il-bniedem li jħoss il-bżonn t’Alla, l-bniedem li huwa umli. Għeżież tiegħi,

  • is-suppervja qiegħda tkisser iż-żwieġ,
  • is-suppervja qiegħda tkisser il-familji,
  • is-suppervja qed tikisser is-soċjeta’,
  • is-suppervja qed tkisser ir-relazzjonijiet tagħna, inkluż ir-relazzjoni m’Alla.
  • L-umilta’ se tibni mill-ġdid relazzjoni tagħna m’Alla
  • u relazzjoni tagħna ma’ xulxin.

Ejjew illum ilkoll kemm aħna nagħmlu pass ‘il quddiem u nitolbu lill-Mulej il-grazzja li niċċeknu. Il-Vanġelu hekk jagħlaq ‘Min jitkabbar jiċċekken imma min jiċċekken jitkabbar.’ Min se joqgħod jitkabbar quddiem Alla u jaħseb li huwa ma nafx xiex, u min se joqgħod jitkabbar u jippretendieha fis-soċjeta’ tagħna se jiġi żmien li se tieħu tisbita kbira! U min jitkabbar it-tisbita ma jarahiex ġejja.

  • Min ixxammar imnieħru,
  • min is-suppervja tgħammieh,
  • min is-suċċess jgħammieh ma jarax it-tisbita ġejja.
  • L-umli jżomm saqajh mal-art,
  • jirrikkonoxxi li qiegħed fejn qiegħed mhux bil-qawwa tiegħu, imma bil-grazzja t’Alla.

Pero’ għeżież tiegħi l-umli huwa dak li mbagħad jagħraf li ‘Mulej jekk ma żżommx idejk fuqi int jien se niżbalja.’ Dawn huma dawk li l-Mulej jgħolli u jerfa’. Ġesu’ jgħidilna: ‘Min jiċċekken jitkabbar; min jitkabbar jiċċekken.’

Forsi l-mudell ta’ dawn iċ-ċkejknin li Alla jgħollihom hija Ommna Marija, Omm Alla, t-Teotokos, Omm Ġesu’ għeżież tiegħi. Hija stess tgħidilna fit-talba tagħha ‘Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.’ Aħna ngħidulha l-Magnificat. Meta Marija tmur iżżur lil Eliżabbetta propju hemm hekk hija tgħid: ‘Hu ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Huwa għolla liċ-ċkejknin u l-għonja bgħatthom ‘il barra b’xejn.’

Xi drabi għeżież tiegħi, Ġesu’ lilna jissorprendina għaliex jagħżel liċ-ċkejknin u jgħollihom f’din id-dinja, jgħollihom fis-Saltna tiegħu, jgħollihom fil-Knisja. Xi drabi kemm naraw illi l-Mulej jinqeda b’nies illi m’humiex ta’ skola pero’ jħossu il-bżonn tiegħu. Xi drabi nies sempliċi jgħidulek kelma u tgħid għandhom raġun, dawn għandhom l-għerf t’Alla, dawn għandhom l-ispirtu tal-Mulej u int li forsi taħseb għax int qassis, għax int patri, għax int soru, għax int katekista, għax int leader f’xi komunita’ u tellgħetlek għal rasek m’int xejn ħlief suppervja mixja. Imbagħad il-Mulej juża persuna umli fil-komunita’, fil-Knisja u jgħolli għeżież tiegħi lilu nnifsu u lil dik il-persuna fl-għerf tiegħu. Tant drabi naraw il-Mulej jinqeda anke bit-tfal għeżież tiegħi, tfal ċkejkna. Fil-Vanġelu darba tifel ċkejken ta lil Ġesu’ ħames ħobżiet u żewġ ħutiet u jibqa’ jissemma għal dejjem għal dak li huwa għamel.

Ħbieb tiegħi,

  • ma nibżgħux inkunu ċkejknin,
  • ma nibżgħux inkunu umli,
  • ma nibżgħux nagħrfu il-bżonn t’Alla,
  • ma nibżgħux induru lejn il-ħniena t’Alla,
  • ma nibżgħux nammettu li aħna midinbin,
  • nammettu li aħna ċkejknin, dgħajfa u fraġli,

għax il-Mulej irid jerfgħana, irid jgħollina, jerfgħana lejn qalbu mill-ħama tal-art li nkunu qegħdin fiha.

Jien nixtieq ngħinnkom sabiex nagħmlu dan il-proċess li nħossu il-bżonn t’Alla, inħallu lill-Mulej juri ħniena magħna, jerfgħana fil-laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’ li jmiss. Idħlu fil-Facebook page tiegħi Fr Hayden u hemm hekk issibu għeżież tiegħi l-avviżi kollha li għandkom bżonn għal dawn il-laqgħat. Ejjew intom, ġibu lil ħaddieħor magħkom ħalluhom ikunu esperjenza, qawwa u ħajja ta’ dak li Ġesu’ kapaċi, jrid u jista’ jagħmel magħna llum. Ejjew intom ġibu lil ħaddieħor magħkom b’mod speċjali nistieden lill-morda kollha sabiex tiġu ħalli nitolbu magħkom għax jiena nemmen f’Ġesu’ li għadu jfejjaq, li għadu jfarraġ fil-ħajja tagħna. Taqtgħu qalbkom qatt minn din l-imħabba u l-ħniena t’Alla anke jekk intom imdejqin, anke jekk għandkom vizzju t’alkoħol, droga, pornografija, anke jekk qed tgħixu f’sitwazzjoni irregolari barra miż-żwieġ tagħkom, il-bieb tal-Knisja huwa miftuħ għal kulħadd għax kulħadd għandu bżonn din it-touch tal-Mulej, li tħalli l-Mulej imissek biex ifejqek u juri ħniena miegħek. Jalla tiġu u jalla din tkun esperjenza tagħkom, jalla ġġibu lill-oħrajn ħalli jagħmlu din l-esperjenza flimkien magħkom. Jiena sa ma narakom nitlob għalikom, nitlobkom mill-qalb sabiex iżommuni fit-talb tagħkom, itolbu għalija. Il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s