Inżel minn hemm!

L-Erbgħa, 18 ta’ Settembru 2019: Riflessjoni dwar Lq 19: 1-10, il-Vanġelu tal-31 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi, minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’. ‘Ejjew għandi’ hija stedina ovjament mhux tiġu għandi Fr Hayden imma tiġu għand Ġesu’ għax hu qalilna din il-frażi meħuda mill-Evanġelju ta’ San Mattew kapitlu 11 vers 28 qalilna: ‘Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin; jiena nserraħkom.’ U darb’oħra fil-Vanġelu skont San Ġwann, Ġesu’ jgħidilna: ‘Min jiġi għandi, jien ma nkeċċihx ‘il barra.’ U allura għeżież tiegħi Ġesu’ huwa safe, jekk immorru għandu mhux ħa jagħmlilna referenza jibgħatna għand xi ħaddieħor, imma meta niġu għandu, għola minnu ma nistgħu mmorru u xi drabi aħna nieħdu dawra sħiħa f’ħajjitna sabiex naslu għand Ġesu’. Kemm tkun isbaħ li mmorru direttament għandu kull darba. Pero’ ma jimpurtax il-Mulej jinqeda b’kollox, il-Mulej b’ħafna paċenzja jistenniena, pero’ rridu niġu għandu.

Għeżież tiegħi, kieku d-dinja kellha tagħraf u d-dinja magħmulha minni u minnek ta, illi Ġesu’ huwa s-soluzzjoni vera tal-ħajja tagħna. Din mhijiex cliche ta biex ngħiduha. Dina jekk inti doqtha taf li din hija vera. Jekk għadek ma doqthiex jiena nitolbok agħti ċans mhux lil Alla ta lilek innifsek. Agħti ċans lilek innifsek li tiftaħ qalbek beraħ għal Ġesu’. Agħti ċans, ipprova, irriskja, twebbisx rasek, xi ħaġa f’qalbek forsi qed tgħidlek mur tqerr, mur tqarben, ilek ma tmur Knisja. Taqtax qalbek! Anke jekk ilek dan huwa mument ta’ grazzja għalik. U għalhekk insellem lilkom ilkoll li forsi tinsabu ‘l bogħod minn Alla, ‘il bogħod minn Ġesu’, ‘il bogħod mill-Knisja. L-unika ħaġa li naf hija li Ġesu’ mhux ‘il bogħod minnkom pero’ għeżież tiegħi u lanqas il-Knisja m’hi ‘l bogħod minnkom, għax il-Knisja hija Omm u omm qatt m’hi ‘il bogħod minn uliedha, qatt! anke jekk fiżikament xi drabi ma jarawx lil xulxin imma l-qalb tal-omm tibqa’ dejjem fejn hemm uliedha. Il-Knisja mhix xi klabb tafx jew barra jew ġewwa. Ma taqbilx mar-regoli itlaq ‘l hemm. Familja mhijiex hekk, omm mhijiex hekk. Ommok tista’ ma taqbilx magħha, tista’ ma tmurx taraha, pero’ ma tistax tħassar il-fatt li hi ommok u hi ma tistax tħassar il-fatt li inti binha. L-istess ma’ missierek hija rabta wisq profonda li tmur lil hinn milli naqblu ma naqblux, liġijiet nosservawhomx jew le.

Il-Knisja hija Omm, hija Missier, għal daqstant għeżież tiegħi hija dejjem qrib uliedha, dejjem. Fl-aspetti umani tagħna xi drabi anke fil-Knisja niżbaljaw u xi drabi niżbaljaw bil-kbir tafux! Ikun ħaqqna daqsxejn ċanfira u tbeżibiża pero’ profondament fil-Knisja sibu s-sabiħ, sibu t-tajjeb, sibu dawk li qed jirriflettu verament il-wiċċ ħelu u sabiħ ta’ Ġesu’ fil-ħajja tagħna li magħhom nistgħu niggranfaw mhux biex niggranfaw magħhom pero’ għaliex huwa il-wiċċ sabiħ ta’ Ġesu’. U għandna tant saċerdoti u reliġjużi u lajċi mpenjati għeżież tiegħi. Nies li intom tafu li tgħid: ‘Dak jurini ‘l Ġesu’ f’ħajti, dik turini ‘l Ġesu’ f’ħajti, dik il-koppja nara lil Kristu fihom.’ Dan huwa ‘il wiċċ sabiħ tal-Knisja. Dawn huma dawk li Ġesu’ permezz tagħhom jgħidilna: ‘Ejjew Għandi’ u li permezz tagħhom huwa hu li jiġi għandna saħansittra.

Nixtieq insellem allura anke lilkom ilkoll li tiltaqgħu ma’ dawn il-persuni fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, fid-djar tal-anzjani, id-dar tal-Kleru s-saċerdoti sħabna, fil-morda, iż-żgħażagħ li ssegwu, intom li ssegwu bil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali kemm Malta kif ukoll barra minn Malta, intom dejjem milqugħin u dejjem ħossu li l-Mulej qrib tagħkom.

Illum hekk biex naraw hekk il-Mulej kemm hu qrib tagħna. Naraw dan Ġesu’ xi jrid jgħidilna. Se naqraw l-istorja ta’ wieħed raġel li forsi smajtu bih jismu Żakkew. Isimgħu l-ġrajja tiegħu meħuda minn San Luqa Kapitlu 19 vers 1 għeżież tiegħi sa 10. Il-Vanġelu jgħidilna hekk:

Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.” 

Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd, irroddlu għal erba’ darbiet iżjed.” Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”

Hawnhekk għandna din il-ġrajja għeżież tiegħi hekk ta’ dan ir-raġel illi għandna ismu saħansitra Żakkew iġifieri xi ħadd li anke l-Komunita’ Nisranija li għaliha ġie miktub dal-Vanġelu kienet tafu b’ismu. Mhux dejjem insibu l-ismjiet ta’ personaġġi, imma meta nsibu ismijiet ta’ personaġġi jiġifieri jagħtuna ċirkustanza ħafna reali u konkreta. Naraw kemm hija vera din il-ġrajja, din l-istorja saħansittra l-persuna nafu x’jisimha.

X’inhija l-ġrajja ta’ Żakkew?

Żakkew kien persuna illi kien jaf illi fil-qalb tiegħu qed ifittex lil xi ħadd. Kien jaf li qalbu hija vojta, kien jaf li qed ifittex xi ħaġa. Dan kien wieħed mill-Kapijiet tal-pubblikani. Il-pubblikani jekk segwejtu l-programm tal-ġimgħa l-oħra għedtilkom li kienu persuni illi Ġesu’ jagħtina din il-parabbola, illi jafu li huma midinbin pero’ jippreżenta Ġesu’ li huwa midneb illi jista’ jsib lil Alla u hawnhekk għandna każ konkrett ta’ pubblikan issa. Minn parabbola Ġesu’ jgħaddi għal każ reali li din se narawha sseħħ. Din issa l-ġrajja mhix se sseħħ fit-talb fit-Tempju li dan il-pubblikan qed ifittex lil Alla, imma ħa sseħħ fit-triq għax aħna lil Alla mhux bilfors insibuh fit-Tempju għeżież tiegħi. Hemm hekk ħa nsibuh żgur fil-Quddies u fl-Ewakristija, fit-talb tal-Komunita’, pero’ żgur iridu nsibuh ukoll fit-triq. Dan il-pubblikan issa mhux il-pubblikan tal-parabbola li jsib lil Ġesu’ meta qed jitlob fit-Tempju, imma issa lil Ġesu’ se jsibu fit-triq.

Dan minn xiex tibda l-istorja?

Dan kellu f’qalbu illi jixtieq jara lil Ġesu’ għaliex? Għax dan li minkejja li kien pubblikan anzi kien il-Kap tal-pubblikani. Issa dan x’kien jagħmel? Dan kien jiġbor it-taxxa tan-nies. Issa tridu tqisu li l-Lhud dawn il-pubblikani ma kienux jarawhom tajjeb għaliex? Għaliex inti l-Lhud kellhom problema li jħallsu t-taxxa lil Ċesari għax Ċesari f’dak iż-żmien fl-Imperu Ruman kien jippretendi li hu Alla. Li hu Alla, Alla u l-Mulej Deus et Dominus għeżież tiegħi, Alla u l-Mulej. Titlu li l-ewwel Insara nfatti jagħtuh lil Kristu u mhux l-imperatur. Kristu huwa Alla u Kristu hu l-Mulej. Għalhekk l-Imperu Ruman l-Insara ma kienx jarahom tajjeb pero’, anke l-Lhud għeżież tiegħi ma kienux iqisu li l-Imperatur li hu Alla u allura l-pubblikani li kienu Lhud illi jiġbru t-taxxa għall-Imperu Ruman il-Lhud ma kienux jarawhom tajjeb għax kienu jarawhom kważi kważi tradituri għeżież tiegħi. Barra minn hekk li mbagħad din it-taxxa mhux kollha kienu jżommuha u jagħtuha lill-Imperu, imma kienu jżommuha anke fil-but, allura l-pubblikani ma kienux jarawhom b’mod tajjeb bl-ebda mod.

Mela Żakkew huwa xi ħadd għeżież tiegħi, illi spiritwalment mhux f’postu u anke soċjalment mhuwiex f’postu għeżież tiegħi. Għaliex spiritwalment dana qiegħed jisraq u soċjalment dana qiegħed jilgħabha bejn il-Lhud u bejn l-Imperu Ruman. Pero’ Żakkew kien jaf li f’qalbu hemm xi ħaġa vojta, hemm xi ħaġa nieqsa. Żakkew nistgħu nkunu aħna għeżież tiegħi. Nista’ nkun jiena illi fejn naf jien, jiena flus mhux problema Sta bene, ix-xogħol tiegħi jirrendi, forsi anke nieħu flus b’mod ħażin, b’mod ileċtu, b’mod ta’ serq, b’mod ta’ korrot, b’mod illi mhux suppost nagħmel. Kif kien jagħmel dal-pubblikan, dan Żakkew flus għandi know, forsi għandi status, għandi xogħol tajjeb, forsi għandi fama, forsi jien persuna popolari, forsi jiena persuna illi soċjalment jiena stabbli, pero’ f’qalbek hemm xi ħaġa li hija vojta? Issa kun onest, toqgħodx tilgħabha. Mhux qed ngħidlek ċempel x’imkien u ammettieha, ikteb u ppubblikaha, agħmel Facebook post fuq li m’intix kuntent minkejja li għandek kollox. Imma kun onest miegħek innifsek:

  • inti tħoss li hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajtek?
  • Inti tħoss li għandek kollox u ma għandek xejn?
  • Inti tħoss illi minkejja li forsi għandek iż-żwieġ, għandek il-familja u sejrin tajjeb imma f’qiegħ ta’ qalbek hemm xi ħaġa li hija vojta?
  • Inti tħoss li minkejja li inti stabbli fix-xogħol tiegħek imma xorta m’intix kuntent?
  • Inti tħoss illi minkejja li tieħu d-droga, minkejja li tara l-pronografija, minkejja li tieħu l-alkoħol, minkejja li tilgħab il-flus biex dan jagħmlek kuntent, tħoss li f’qalbek inti xorta m’intix kuntent?

Għax ħafna drabi nħossu l-vojt fil-ħajja tagħna għeżież tiegħi, imma nibqgħu mwaħħlin mal-vojt ta’ ħajjitna. U propju Żakkew kien dan il-gutz li kellu. Hawn hekk Żakkew narawh illi kellu l-kapaċita’ li ma jkunx bħall-oħrajn. Waqt li l-oħrajn setgħu jiġġudikawh li ma kienx raġel sewwa pero’ ġie mument fil-ħajja tiegħu qal: ‘Jien ma nistax nibqa’ hekk. Hemm xi ħaġa fija li jien ma nistax nibqa’ nħalliha vojta.’ U din il-ħaġa li kellu f’qalbu l-kurżita’ kien jaf li kienet li jixtieq jara min hu Ġesu’ u jaf li Ġesu’ kien għaddej mit-triq, pero’ jaf li kellu problema li kien qasir u l-folla ma kinitx se tħallih jara lil dan Ġesu’, allura Żakkew jitla’ fuq s-siġra biex jara lil Ġesu’.

Jien għeżież tiegħi dan Żakkew u din is-siġra li jitla’ fuqha ħafna drabi din is-siġra jiena fiż-żminijiet tallum inħobb inqabbilha mal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Mal-Internet, mal-Facebook, ma’ Twitter, mal-programmi tat-TV għeżież tiegħi, mal-Youtube. Għaliex? Għax jiena niltaqa’ ma’diversi nies li Knisja ma jiġux pero’ mbagħad dawn il-programmi jfittxuhom. Ifittxu dan il-vojt li għandhom f’qalbhom iridu jimlewh b’Alla pero’

  • forsi jiddejjqu jmorru l-Knisja, qatgħu,
  • jistħu,
  • forsi huma mweġġgħin mill-Knisja,
  • forsi għandhom ribelljoni lejn il-Knisja,
  • forsi ma jaqblux mal-Knisja fuq xi ħaġa,

imma xorta hemm il-vojt fil-qalb tagħhom u jibqgħu jfittxu allura tarahom jidħlulek fuq programm, ma jmorrux il-Knisja pero’ mbagħad safe distance, know? Is-siġra hija safe distance sakemm nista’ nara pero’ m’inix committed fil-folla, barra minnha imma dak li l-folla qed tgawdi l-persuna ta’ Ġesu’ rridu xorta u Ġesu’ lil Żakkew jilħqu b’dal-mod.

Dal-programm jista’ jkun is-siġra ta’ Żakkew, int tista’ tkun Żakkew. Dal-programm bih Ġesu’ jista’ lilek ikun qed jgħidlek, qed jinduna bik, inti forsi moħbi għax jiena minn hawn ma nistax narak imma int qed tara, dil-Kelma qed tolqtok, il-Mulej qed imissek, Alla qed ikellmek issa f’dal-mument xi ħaġa qed tiġri fil-qalb tiegħek. Qed tgħid dan li ma nafx x’inhu dal-Fr għandu raġun f’li qed jgħid, dil-Kelma għalija qed jgħidha u vera għalik qed ngħidha. Il-Mulej qed jinqeda, issa biex lilek ikellmek.

Ifraħ kif għamel Żakkew illi Alla ma baqax għaddej induna bik. Il-Mulej induna bik, forsi jien Hayden ma ndunajtx bik imma Ġesu’ nduna bik, jaf l-istorja tiegħek.

  • Jien minn hawn wiċċek m’inix narah,
  • qalbek m’inix naraha,
  • l-emozzjonijiet tiegħek m’inix inħosshom,
  • it-tbatija tiegħek m’inix konxju tagħha,
  • imma Ġesu’ qed jara qalbek,
  • jagħraf il-ħsibijiet tiegħek,
  • jaf x’qed tħoss,
  • jaf x’hemm fik,
  • qed imissek issa f’dan il-mument.

Inti tlajt fuq din is-siġra għażilt li Knisja ma tmurx imma ssegwi l-programm u Ġesu’ issa qed jgħidlek: ‘Inżel minn hemm, ejja. Irrid niġi għandek.’ Ċioe’ meta jniżżlu x’jagħmel? Idaħħlu fil-folla pero’ mill-folla jmur id-dar, ċioe’ l-Knisja l-folla ssir dan il-passaġġ biex Ġesu’ jista’ jiltaqa’ ma’ Żakkew u mbagħad jiltaqa’ miegħu b’mod intimu u jistiednu ġewwa għall-ikel għeżież tiegħi u Ġesu’ jaċċetta li jmur jiekol għand Żakkew u n-nies igorru għaliex Ġesu’ jmur jiekol għand Żakkew għeżież tiegħi għax dak hu wieħed mill-pubblikani u Ġesu’ jitħallat miegħu.

Ġesu’ lilek qed jgħidlek: ‘isma’, ieqaf tkun ‘il bogħod minni. Issa li qed immissek, issa li qed nimlielek il-vojt ta’ qalbek ejja, agħmel dan il-pass, inżel minn hemm hekk. Għal ftit mumenti, ejja parti mill-folla.’ Jien għalhekk nistidienkom mill-programm tiġu għal-laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’. Minn ‘Ejjew Għandi’ fuq t-TV għal ‘Ejjew Għandi’ fil-Knisja għax ħafna drabi ‘Ejjew Għandi’ fuq t-TV huwa din is-siġra ta’ Żakkew li Ġesu’ jrid iniżżilna minnha u jeħodna fil-folla issa. Irid iniżżlu hemm biex imur id-dar biex isir intimu miegħu one to one. Ġesu’ għeżież tiegħi qed jgħidlek: ‘Ejja, inżel, tibqax ‘il bogħod minni. Ejja għamel esperjenza tiegħi. Ħallini nidħol fil-qalb tiegħek.’ Kif irid jidħol f’qalbek? Bil-maħfra, bil-Qrar, bl-Ewkaristija, bit-Tqarbin, bil-Quddiesa, tibqax ‘il bogħod issa. Issa li qalbek qed tintmiss tiddejjaqx tagħmel il-pass li jmiss, ejja l-laqgħa ta’ talb li jmiss, fittex saċerdot ta’ fiduċja tiegħek, mur l-ewwel Quddies l-ewwel ċans li għandek, tibqax ‘il bogħod. Għaliex ħa tibqa’ tħalli lil qalbek vojta meta Dak li jrid jimlihielek issa qed jistiednek hu? ‘Inżel minn hemm għax illum jien irid niġi għandek.’

Ġesu’ jistieden ruħu b’idejh hu għand Żakkew. Għaliex? Għax l-imħabba t’Alla lejna huwa hu li jagħmel l-ewwel pass. M’huwiex aħna li nagħmlu l-ewwel pass huwa hu li jagħmel l-ewwel pass fil-ħajja tagħna. Imma kemm ħa ndumu nwebbsu rasna? Kemm ħa ddum tgħid: Iva, irid immur, irid inqerr, irid nitqarben, irid immur il-Quddies, irid nibda nitlob, u minn ġimgħa għall-oħra ma tagħmel xejn? Issa hu il-mument illum Ġesu’ qed jgħidlek, illum forsi llum stess, issa kif tieqaf minn dal-programm, tgħid jien ħa nċempel fr, jien ħa mmur inqerr, jien ħa mmur nitqarben, jien se niftaħ qalbi għal Alla. Issa stess tista’ tinżel għarkupptejk u tgħidlu ‘Mulej aħfirli. Mulej idħol mill-ġdid fil-ħajja tiegħi. Din is-sekonda tista’ tgħidlu Mulej salvani issa għax jien għandi bżonnok.’

Żakkew meta jilqa’ lil Ġesu’ għandu fl-aħħar x’jagħmel? Żakkew jikkonverti. Jagħti ġidu, iqassam dak li seraq u jrodd lura dak li seraq għeżież tiegħi. Imma Ġesu’ qatt qallu biex jagħmel dan? Djalogu x’għadda bejniethom ma nafux, pero’ żgur li fil-Vanġelu qatt ma qallu. Ġesu’ ħalla lil Żakkew jiltaqa’ miegħu. Ġesu’ ltaqa’ ma’ Żakkew l-ewwel imbagħad Żakkew seta’ jibdel il-lifestyle tad-dnub li kien qed jgħix fih. Aħna nistgħu nibdlu ħajjitna, ħajjitna tista’ tidbidel jekk aħna niltqagħu ma’ Ġesu’. Ħafna drabi din hija l-akbar problema li għandna fil-Knisja għeżież tiegħi. Nies li ma ltaqgħux ma’ Kristu. Naf li tidher stramba pero’ l-konverżjoni vera nkejluha daqs kemm iltqajna ma’ Ġesu’ u nkunu nafu kemm iltqajna ma’ Ġesu’ daqs kemm qed nikkonvertu, daqs kemm qegħdin ninbidlu. Il-laqgħa ma’ Ġesu’ tibdlek. Issa mbagħad nagħmlu mistoqsijiet profondi.

  • Għaliex jiena nqerr u ma nitbiddilx?
  • Għaliex jien nitqarben u ma nitbiddilx?
  • Għax naqra l-Kelma t’Alla u ma nitbiddilx?
  • Għax qed neħodha vizzju?
  • Qed neħodha rutina?
  • Għax qalbi twebbset?
  • Għax mhux inħalli l-Mulej verament jiltaqa’ miegħi bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu?

Jekk aħna nħallu lil Ġesu’ jiltaqa’ magħna b’dan il-mod, aħna nitbiddlu, aħna nitbiddlu. Nibdew nagħmlu s-sewwa, nirranġaw l-iżbalji li għamilna sa fejn nistgħu għeżież tiegħi. Imma kemm hi sabiħa hu? Żakkew issa huwa persuna mibdula għax iltaqa’ ma’ Ġesu’. Jiena naħseb lil Żakkew diversi ppruvaw jibdluh imma ħadd ma rrnexxielu. Żakkew issa jduq l-imħabba t’Alla, il-ħniena t’Alla. Żakkew jista’ jgħid: ‘Jien ma jistħoqqlix Mulej li tiġi għandi.’ Kif jiena ngħid u intom tgħidu miegħi fil-Quddiesa. ‘Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; iżda għidt biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.’ Qabel ma nitqarbnu. Jekk aħna nħossu fina li

  • jien ma jistħoqqlix imma l-Mulej tefa’ għajnejh fuqi,
  • jien ma jistħoqqlix imma Alla jħobbni xorta,
  • jien ma jistħoqqlix imma Alla mhux iwarrabni.

Din hija t-tama li għandna biex nistgħu nibnu ħajjitna mill-ġdid. Int li int maħkum bid-droga ħalli lil Ġesu’ jħares lejk u qalbek tinbena mill-ġdid. Int li xbajt tidgħi ħalli lil Ġesu’ jħares lejk isimgħu jgħidlek irrid niġi għandek, ħallih idewweb ir-rabja tiegħek bl-imħabba tiegħu. Int li qed tgħix f’adulterju, int li nqtajt mill-Knisja, int li tidgħi, int li teħodha kontra l-qassisin, int ħalli lil Ġesu’ jdewweb lil qalb tiegħek u jgħidlek: ‘Illum jien irid niġi għandek.’ Int lilek Alla issa qed jippreferik. Kun il-preferut t’Alla u dduq it-tjubija ta’ Ġesu’ li ttik tama ġdida ħija u oħti li tibda ħajtek mill-ġdid mal-Mulej.

Jiena nixtieq ngħinnkom tagħmlu dan billi nistiednkom għal-laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’ li jmiss. Idħlu fil-Facebook page tiegħi Fr Hayden isibu l-laqgħat u l-avviżi ‘Ejjew Għandi’. Ejjew ġibu lil ħaddieħor magħkom. Jekk qatt ma ġejtu tibżgħux tiġu l-ewwel darba. Dejjem huwa mument li aħna nistgħu nibdew mill-ġdid, hu mument li aħna nagħmlu din l-esperjenza. B’mod speċjali nistieden lill-morda kollha sabiex tiġu u tagħmlu esperjenza anke ta’ Kristu li jfejjaq, Kristu li jeħles, Kristu li jfarraġ il-ħajja tagħna. Hija opprtunita’ tad-deheb li ngħidilkom titlfuhiex. Ejjew intom ġibu lil ħaddieħor magħkom. Organizzaw trasport ħalli b’hekk ħafna oħrajn jistgħu jgawdu minn din l-esperjenza ħajja ta’ Ġesu’ f’nofsna. Kuraġġ! maħbubin tiegħi,

  • int min int,
  • għamilt x’għamilt,
  • kont x’kont,
  • kien x’kien il-passat tiegħek,

ma’ Ġesu’ llum tista’ tibda mill-ġdid. Sa ma’ narakom insellmilkom u nitlob għalikom minn qalbi nitlobkom biex titolbu ħafna għalija. Il-Paċi magħkom u kunu mberkin. 

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s