Ħenn għalija Mulej u fejjaqni!

L-Erbgħa, 18 ta’ Settembru 2019: Riflessjoni dwar Lq 17:11-19, il-Vanġelu tat-28 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi, minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ – stedina ħajja li jagħmlilna Ġesu’ ta’ kull ġimgħa, b’mod speċjali nixtieq insellem lil dawk kollha li intom għaddejjin forsi minn xi żmien iebes fil-ħajja tagħkom. Insellem lil dawk kollha li għaddejjin minn mumenti fejn ma tafux fejn se taqbdu tagħtu raskom. Lilkom li forsi intom ‘il bogħod minn Alla, ilek ma tqerr, ilek ma titqarben, forsi żżewwiġt u ma dħaltx aktar il-Knisja, forsi l-aħħar li dħalt minħabba il-Preċett tat-tifel/ tat-tifla, forsi lanqas taf meta l-aħħar li qerrejt u l-qalb tiegħek hija vojta. Int, il-Mulej iħobbok!

Int hemm tama għalik,

  • int li forsi qed tgħaffeġ fil-ħajja tiegħek,
  • forsi riċentament inti dħalt il-ħabs,
  • forsi int għaddej minn żmien iebes,
  • għamilt reat kriminali u forsi ma tafx x’se tagħmel bil-ħajja tiegħek,
  • forsi ma nqabdtx u qed tgħix fil-biża’ li tinqabad u
  • forsi nqbadt u qed tibża’ mill-kundanna li ġejja fuqek x’se jsir minnek u l-familja tiegħek,
  • forsi int għaddejt minn sitwazzjoni li xi ħadd għamillek il-ħsara inti vittma ta’ reat u ma tafx x’se taqbad tagħmel,
  • tħoss li għandek tivvendika ruħek,
  • għandek li tpattiha,
  • forsi tixtieq taħfer imma ssibha iebsa,
  • forsi għaddej minn żmien iebes ta’ separazzjoni jew divorzju fil-ħajja tiegħek,
  • forsi għaddej minn żmien ta’ mard,
  • forsi għaddej minn żmien ta’ dubju fil-ħajja tiegħek fejn tidħol il-fidi tiegħek f’Alla,
  • forsi għaddej minn żmien tajjeb tħoss li ma jonqsok xejn u allura lanqas tħoss ‘il bżonn t’Alla fil-ħajja tiegħek xi drabi nħossu ‘l bżonn t’Alla fi żmien iebes f’ħajjitna.

Lilna lkoll f’dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ilkoll kemm aħna, aħna min aħna Ġesu’ jgħidilna: ‘Ejjew Għandi’. Ġesu’ jaf illi mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn. Il-problema li aħna din mhux dejjem nafuha, imma l-Mulej jibqa’ jiġri warajna, jibqa’ jagħmlilna stedina biex niġu għandu u nġibu lil xulxin għandu.

Il-Kelma li nixtieq naqsam magħkom illum meħuda mill-Evanġelju skont San Luqa kapitlu 17 minn vrus 11 sa 19, tirrakkonta l-fejqan ta’ għaxar persuni li kienu morda bil-lebbra. Ejjew naraw daqsxejn il-Vanġelu x’jgħidilna:

Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin.” U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. 

Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!” Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.”

Dan il-Vanġelu għeżież tiegħi huwa Vanġelu fejn insibu fejqan, fejqan ta’ grupp sħiħ ta’ nies huwa, huwa fejqan spettakolari biex ngħid hekk, huwa fejqan li jiġbdilna l-attenzjoni. Mhux fejqan ta’ persuna waħda, imma fejqan ta’ għaxar persuni għeżież tiegħi. Għaxar persuni li huma lebbrużi. Issa l-fejqan mil-lebbra kienet ħaġa ħafna serja fi żmien Ġesu’. Il-lebbra tal-Vanġelu, il-lebbra fi żmien Ġesu’ mhijiex il-lebbra biex ngħidu hekk dik li hija llum Hansen’s Disease pero’ hija diversi mard tal-ġilda li għal Lhud din kienet xi ħaġa serja mmens ee! Il-persuna lebbruża kienet persuna mkissra fuq kull livell.

  1. Kienet persuna mkissra fuq il-livell fiżiku għaliex ma kienx hemm kura għal din il-marda. Mela inti kont persuna li ma għandekx tama.
  2. Kienet persuna mkissra fuq livell soċjali għaliex il-persuna lebbruża ma setgħetx tgħix man-nies, ma setgħetx titħallat ma’ nies, kellha tgħix ‘il barra mill-belt, kellha tilbes ħwejjeġ imqattgħin, kellha tgħatti lil ġisimha kollu sa geddumha, meta tidħol qrib in-nies b’xi mod trid tibda tgħajjat ‘Lebbruż! Lebbruż!’ Ċioe’ trid tkisser lilek innifsek b’mod soċjali trid tedifika lilek innifsek mall-marda, ħadd ma setgħa jmissek għax jekk xi ħadd imissek kien mejqus li huwa jiġi maħmuġ, imniġġes bħalek, għalhekk soċjalment għeżież tiegħi l-persuna allura kienet imkissra.
  3. Kienet imkissra anke emozzjonalment għaliex? Għax jekk int soċjalment ħadd ma seta’ jmissek, int ma kontx tħossok aċċettat, ma kontx tħossok maħbub. Mela l-persuna lebbruża kienet għeżież tiegħi mkissra fiżikament, imkissra soċjalment, imkissra emozzjonalment.
  4. Kienet anke mkissra spiritwalment. Għaliex? Għax il-persuna lebbruża kienet meqjusa f’għajnejn il-Lhud illi din hija persuna midinba. Din għandha xi dnub moħbi, xi dnub tant gravi li l-lebbra hija kastig t’Alla fuqha, ċioe’ l-lebbra kienet meqjusa purament personifikazzjoni tad-dnub.

Tant il-Lhud kienu jħarsu lejn persuna lebbruża b’mod ħażin totali, illi għalihom kien iktar faċli tqajjem persuna mill-mewt, milli tfejjaq persuna lebbruża. Ċioe’ poġġi lilek innifsek ftit fiċ-ċirkustanza ta’ dan il-lebbruż għeżież tiegħi. Ħeq dan il-lebbruż nistgħu nqabbluh illum mall-iktar ċirkustanzi li aħna qtajna qalbna minnhom, ma’ ċirkustanzi fejn nies huma mkissirn fuq livelli differenti. Dan il-lebbruż tista’ tkun int, nista’ nkun jien mhux bilfors jiena lebbruż minn barra nista’ nkun persuna li jiena mkisser minn ġewwa, imkisser mentalment, imkisser emozzjonalment, imkisser spiritwalment forsi wkoll fiżikament. Ċioe’ sitwazzjoni ta’ hopeless. Uħud minna jista’ jħossuhom hekk fejn naf jien għax it-tifel tiegħi bid-droga tkisser hu kisser il-familja, kissirna finazjarjament, ħamrilna wiċċna man-nies, ċappasna mal-Pulizija, mal-Qorti, mal-Ħabs, ċioe’ spiċċajna nħossuna totalment imkissrin u fuq kollox ma għandniex tama li dan jitbiddel l-għaliex għamel programm u falla, għaliex kien il-ħabs u reġa’ daħal, għax għalxejn tgħidlu għax jibqa’ jagħmilha. Għeżież tiegħi xi drabi għandna dawn ir-realtajiet li tħoss persuna fil-familja tiegħek hi lebbruża b’dan il-mod.

Jista’ jkollna dawn is-sitwazzjonijiet ta’ lebbrożita’, ta’ qtigħ il-qalb totali fejn naf jien fis-sitwazzjoni taż-żwieġ tagħna. Marti ma tridx taf kissritni, telqitni, ħallietni waħdi bit-tfal, iġġennet fuq wieħed illi fl-aħħar mill-aħħar lanqas biss ilha ħafna tafu u jien lili li għamilt das-sagrifiċċji kollha bħala żewġha fil-familja din qabdet u qalbithieli u issa saħansitra jekk ma tridx taf bija, imma lanqas ma trid taf b’uliedi, abbandunat lill-uliedi saħnsitra. Jew żewġi ma jridx jaf bija aktar qalibhieli fuq ix-xogħol, qalibhieli ma’ ħabiba, qalibhieli online, qalibhieli ma’ xi ħadd qabdtu jiċċettja, traskura lili, il-familja, forsi għadu jagħtina l-flus imma ma jridx jaf bina aktar. Ċert li tħossok imkissra u forsi hemm sitwazzjonijiet li jkomplu jkissruk għaliex forsi f’separazzjoni mpikkaw miegħek ir-raġel, il-mara, it-tfal gidbu fuqek jew il-mara jew ir-raġel jew ma nafx min xewwixhom kontra tiegħek, xhedu falz bil-Qorti, rebħu kawża fil-Qorti b’mod inġust, b’mod inġust u allura jiena mkisser anke soċjalment għax inħoss li min kellu jagħmel ġustizzja miegħi ma għamilhiex għax gidbu fuqi u l-Qorti emmnet lilhom jew ma kellhiex biżżejjed biex nipprova jew ma kellhiex avukat li jaqlagħni, jew ma stajx inħalas il-belli liri lil avukat biex jista’ jagħmel ix-xogħol li xtaqtu jagħmel għeżież tiegħi.

Ħbieb tiegħi, dawn huma sitwazzjonijiet li aħna wħud minna jistgħu jħossuhom anke f’ċerta tkissir fil-ħajja. Tista’ tħossok imkisser, lebbruż fuq il-post tax-xogħol illi hemm inġustizzja miegħek. Hemm inġustizzja ta’ paga, inġustizzja ta’ ħin, inġustizzja ta’ regolamenti, ta’ dixxiplina, ta’ promotions, ta’ relazzjonijiet u krepa m’hemmx x’tagħmel għandek bżonn il-finanzi biex tgħajjex il-familja, imma tħossok imkisser minn naħa l-oħra quddiem din l-inġustizzja illi hemm fil-ħajja tiegħek fuq il-post tax-xogħol.

Nistgħu nħossuna għeżież tiegħi, anke hekk imkissrin uħud minna forsi hekk dan it-tkissir totali għaliex xbajt tipprova tidħol f’relazzjoni sura ta’ nies imma

  • jużawk u jarmuk,
  • iwarrbuk,
  • jinqdew bik,
  • iridu minnek is-sess u xejn iktar.
  • Imbagħad qisek persuna mormija basta ħadu dak li riedu.

Għeżież tiegħi kemm għandna nies li jistgħu jħossuhom b’din it-tip ta’ lebbra, imwarrbin, esklużi. Ittimbrawk, għadek iġġorr il-passat tiegħek, għadek iġġorr kalunja, gidba illi għamlu fuqek u ma għandekx ‘il mod kif tiġi liberat minnha. Kemm persuni jistgħu jħossuhom hekk għeżież tiegħi. Forsi nħossuna anke lebbrużi għax dħalna, aħna stess f’ċerta vizzjijiet, f’ċerta dnub li ma nistax ninqalgħu minnu.

Forsi inti sfajt addict ormai tal-Pornografija,

  • illi kuljum trid tara,
  • kuljum trid tiżbalja,
  • kuljum trid taqlibha lil martek, lil żewġek mall-Pornografija.
  • Sirt addict għal din ir-realta’ li forsi qed tkissirlek il-ħin,
  • qed tkissirlek il-finanzi,
  • forsi bdejt mill-ftit u llum trid tara sigħat.
  • Kuljum sigħat sħaħ ma tistax tgħaddi mingħajrha.
  • Sagħtejn, tlieta u tħossok li issa int sirt maħmuġ minn ġewwa,
  • ħammiġt moħħok,
  • ħammiġt qalbek,
  • ħammiġt ir-relazzjoni tiegħek.
  • Tistħi tgħidha,
  • tibża’ tfittex l-għajnuna,
  • ma għadekx tara lil martek kif għandek taraha,
  • m’hemmx differenza bejn martek u dak li tara fil-Porns saret oġġett għall-iżvog tiegħek
  • jew żewġek bil-maqlub u taf li qed tkisser iż-żwieġ,
  • qed tkisser l-imħabba għax int trid tagħmel dak li tara,
  • int sirt lebbruż f’din l-area tas-sesswalita’ tiegħek fil-ħajja tiegħek.

Kemm hemm ċirkustanzi maħbubin tiegħi li aħna nistgħu qed inġorru din il-lebbra moħbija u tafu li qed ngħidilkom huwa verita’, pero’ forsi tibża’ tamettiha, forsi tistħi tammettiha u hawnhekk għeżież tiegħi dawn l-għaxar lebbrużi jibdew jagħtuna l-ewwel tagħlima. Dawn l-għaxar lebbrużi x’għamlu għeżież tiegħi?

Kien kif daħal jgħidilna fir-raħal iltaqgħu miegħu għaxar t’irġiel morda bil-lebbra, waqfu ‘l bogħod minnu u għollew leħinhom. L-ewwel ħaġa li għamlu iltaqgħu ma’ Ġesu’. Iltaqgħu b’distanza miegħu għaliex? Għax il-lebbruż ma setgħax jersaq qrib in-nies, ma setgħax imiss persuna oħra, ħadd ieħor ma jistax imissu u forsi inti tħossok daqshekk lebbruż li tixtieq tiltaqa’ ma’ Ġesu’, tixtieq tfittex l-għajnuna pero’ mill-bogħod.

  • Tistħi tfittex l-għajnuna,
  • tistħi tistqarr id-dnub tiegħek,
  • tistħi tgħid din hija l-miżerja tal-familja tiegħi għax minn barra aħna nidhru familja tajba ta.
  • Aħna minn barra nidhru familja tajbin flimkien imma
  • ejja għix magħna,
  • ejja oqgħod magħna,
  • ejja kulu u orqod magħna minn filgħodu sa filgħaxija,
  • ejja isma’ l-ġlied,
  • ejja isma’ d-dagħa,
  • ejja ara l-odju li hemm bejnietna,
  • imbagħad minn barra bil-ġlekk u bl-ingravata,
  • għaddejjin ix-xogħol kollox tajjeb,
  • nippużaw għar-ritratti fuq il-Facebook u għat-tiġijiet immorru flimkien,
  • barra qaddisin u ġewwa xjaten, ejja magħna…
  • nistħi ngħid li jien għandi dil-problema,
  • jien ħa mmur ngħid li jafuni li jiena raġel sewwa?
  • Jiena ħa mmur ngħid li għandi addiction għall-pornografija?
  • Jien li jien familja tajba ħa mmur ngħid li ibni jieħu d-droga?
  • Jien li jien familja sewwa ħa mmur ngħid li ibni l-ħabs? Jien? Nistħi!

Allura xi drabi x’nagħmlu? Noqgħodu ‘l bogħod kif għamlu dawn, iridu l-fejqan, iridu lil Ġesu’, iridu l-għajnuna imma fl-istess ħin b’distanza.

Pero’ Ġesu’ għandu ħabta għeżież tiegħi li jxommhom lil dawn in-nies. Id-distanzi Ġesu’ ma jibżax minnhom. Tiftakru raġel ieħor li ħa distanza minn Ġesu’? Kien jismu Żakkew, kien qasir tela’ fuq siġra biex ikun qrib u ‘l bogħod minn Ġesu’ fl-istess ħin. Ġesu’ jgħidlu: ‘Ejja ‘l hawn; inżel. Dik id-distanza li qed toħloq jien nibbriġja, inżel ejja għandi, irid niġi għandek id-dar jiena.’

Ġesu’ għeżież tiegħi m’għandniex għalfejn nistħu minnu, mhux se jitqażżiżna, mhux se jwarrabna. Ejjew nersqu qrib tiegħu.

Imbagħad x’għamlu dawn? Għollew leħinhom, għajtu. Ċioe’ dik l-għajta li hemm mhux għax Ġesu’ ma jismax, mhux għax Ġesu’ trux, mhux għax Ġesu’ ma jafx ‘il bżonn tagħhom, imma ħarġu l-għajta, il-karba li hemm f’qalbhom fl-aħħar ħarġuha u ħarġuha ma’ min jista’ jgħinnhom. Kemm għandna bżonn fil-ħajja noħorġu l-karba li hemm f’qalbna?

Forsi int tħossok imċaħħad mill-imħabba ta’ żewġek jew ta’ martek u trid tgħid lil xi ħadd: ‘Ħobbni!’ pero’ xi drabi tgħid ħobbni tgħidha lil persuna żbaljata u tispiċċa f’adulterju. Trid toħroġ il-karba kif tista’ tgħix fgat fil-ħajja tiegħek? Kif tista’ tibqa’ ġġorr din it-tbatija f’ħajtek u ma titkellem ma’ ħadd? Pero’ meta titkellem ma’ persuna żbaljata, anke jekk ma jkollokx intenzjonijiet ħżiena xi drabi ħa tgħaffiġha, ħa tispiċċa f’inkwiet iktar. Din l-għajta ejjew noħorġuha wħud minna din l-għajta joħorġuha f’postijiet żbaljati għedtilkom.

Tfittex l-imħabba f’post żbaljat uħud minna joħorġu l-għajta f’post żbaljat per eżempju billi tmur taqra x-xorti. Għandek dal-problemi kollha u tmur għand is-saħħar/is-saħħara, il-Fortune teller, tħallas il-belli liri, tiftaħ bieb għax-xitan.. Għeżież tiegħi tkunux ingannati mis-sħaħar, mill-qari tax-xorti anke jekk jgħidulek u inti tgħid imma dina vera, din qatgħatha, din ma setgħex taf bilfors hemm xi ħaġa ta’ barra minn hawn biex kienet taf, dik il-verita’ tgħid. Mhux kull verita’ tiġi minn Alla anke x-xitan jista’ jgħid il-verita’ għeżież tiegħi. Il-Qari tax-xorti, Ġesu’, il-Kelma t’Alla qed jgħidilna hu projbit mhux minn Alla hu minn spirtu ħażin, apparti l-ħsara psikoloġika u l-elementi psikoloġiċi li hemm. Temmnux is-sħaħar li jgħidulkom li għandhom don minn Alla. Temmnux is-sħaħar li jurukom il-kurċifiss, Padre Piju, santi ta’ qaddisin, li jgħidlek jiena mmur il-Knisja u jibgħatek għand xi eżorċista u forsi tiġi miegħek jew jiġi miegħek għand l-eżorċista jew għand xi qassis ieħor, jibgħatek għand xi ħadd. Huma kollha qerq u inganni biex inti tibla’, biex int temmen li jgħidulek għeżież tiegħi. Huma qerq ix-xitan jidher anġlu tad-dawl, iftħu għajnejkom.

Il-karba tiegħek turhijiex, tiftaħhiex ma min ħa jingannak, titfaħhiex ma’ nies żbaljati. Il-kara tiegħek titfaħhiex ma’ min hu fl-istess problema tiegħek u flok jgħinnek jgħaffġek. Jekk jien għandi problema tad-drogi u mmur nitkellem ma’ min hu drug addict jekkdak ma jridx jgħin lilu nnifsu ħa jagħtini d-droga hu, flok wieħed inkunu tnejn.

Għeżież tiegħi jekk niftħu qalbna ma’ min għaddej mill-istess problemi u mhux ifittex għajnuna nispiċċaw bħalu. Kemm trid toqgħod attent li dil-karba, tgħolli leħnek ma’ min tgħolli leħnek, ma’ min se tiftaħ qalbek. Xi drabi naf nies illi ġew f’inkwiet għax fetħu qalbhom mal-ħbieb. Min qallek li l-ħbieb jagħtuk l-aħjar parir fil-ħajja? Min qalilek din li l-ħbieb jagħtuk l-aħjar parir? Kun għaqli parir ħudu ma’ min għandek tieħdu, l-għajnuna fittixha ma’ min jista’ jtihielek fil-verita’. Xi drabi hemm moħħ ir-riħ għeżież tiegħi. Xi drabi għax ma nafux x’se nagħmlu bl-uġigħ li hemm f’qalbna, niftħu qalbna ma kulħadd u nispiċċaw aktar imkissrin. Ġesu’ – dawn marru għandu! Hu biss seta’ jagħtihom dan il-fejqan vera.

Xi drabi aħna anki mmorru għand kulħadd anki għand għajnuna professjonali li tajjeb li mmorru għaliha, pero’ għeżież tiegħi ejjew ma nwarrbux lil Alla. Ġesu’, Hu it-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja. Hu jista’ jagħtik il-faraġ u l-fejqan li għandek bżonn f’qalbek, moħħok, ruħek, f’ġismek. Dur lejh.

X’qalulu? ‘Ikollok ħniena minna!’ Din hija t-talba li aħna rridu nagħmlu quddiem Ġesu’: ‘Mulej, ħenn għalina! Ħenn għalina Mulej!’ Cioe naf li ma jistħoqqlix. Forsi naf li t-tort tiegħi. ‘Ħniena nitolbok!’ U meta aħna nitolbu lill-Mulej ħniena, ma jistax ma jħennx għalina. Alla jitqanqal b’kompassjoni għalina. Ġesu’ jitqanqal b’kompassjoni meta jiena ngħidlu: ‘Mulej ħenn għalija! Ħenn għal marti, għal żewġi, għal uliedi, għal ibni, għal binti, għal sħabi, għal familti, għall-Knisja, ħenn!’ Din it-talba l-Mulej dejjem jismagħha. Alla ma jafx ma jurix ħniena għax Alla hu Ħniena. Tista’ tgħid lill-ilma ‘xarrabni’? Tista’ tgħidielu l-ilma xarrabni? Ma tistax. Tista’ tgħidielu imma hija ovvja, l-ilma jekk ħa jmissek, ħa jxarbek, ħa jxarbek! Tista’ inti tkun water proof imma dik minn naħa tiegħek, imma l-ilma jxarrab. In-nar tista’ tgħidlu ‘aħraqni’? In-nar se jaħraq kif tmiss miegħu. Alla tista’ tgħidlu ‘ħenn għalija’? Alla kif tgħidielu jħenn għalik għax Alla hu Ħniena. Qed tgħidlu ‘kun dak li Int miegħi. Int ħanin, ma tistax tkun mod ieħor.’

U l-Mulej x’jgħidilhom lil dawn? Morru uru ruħkom lill-qassis, għaliex? Hija mod kif qed jgħidilhom ‘qed infejjaqkom’ għaliex il-persuna lebbruża jekk tfieq kellha tiġi ddikjarata mis-saċerdot li hija mfejqa u dik id-dikjarazzjoni tas-saċerdot, terġa’ ddaħalha lura fil-komunita’. Mela Ġesu’ hawnhekk se jfejjaqhom fuq kull livell. Se jfejjaqhom fiżikament, se jfejjaqhom soċjalment (għax kif il-qassis jiddikjarhom li huma mfejqa, jerġgħu jidħlu fil-komunita’) u se jfiequ spiritwalment għeżież tiegħi. Dil-kundanna li huma nies midinba jekk huma lebbrużi se titlaq minn fuqhom.

Ġesu’ se jkellimna. Se jgħidilna nagħmlu xi ħaġa pero’, se jgħidilna ‘mur lura fi ħdan il-Knisja’. Hemmhekk ħa tiġi ddikrarat, se tirċievi l-fejqan tiegħek. X’jiġri? Li fit-triq dawn ifiequ. Għax jobdu lil Ġesu’, ifiequ. Ma jfiqux b’xi abra katabra imma għax jobdu lil Ġesu’. Il-fejqan li għandna bżonn f’ħajjitna tant drabi hu jekk aħna nobdu lill-Mulej f’ħajjitna. Jekk nobdu l-Kelma t’Alla, jekk nagħmlu dak li Alla jrid minna, aħna nfiequ. Imma jekk nibqgħu inwebbsu rasna għeżież tiegħi, aħna nibqgħu fl-iżbalji tagħna, nibqgħu fil-problemi, fil-mard u fl-uġigħ tagħna, fl-affarijiet kollha li jkissru l-ħajja tagħna, b’mod speċjali affarijiet soċjali, affarijiet umani, affarijiet ta’ relazzjoni, affarijiet ta’ dnub fil-ħajja tagħna. Dawn ifiequ għax jobdu. Ifiequ fil-proċess, fit-triq. Ma jfiequx dak il-ħin quddiem Ġesu’, fil-proċess, fit-triq, fil-mixja. Fil-mixja tagħna wara Ġesu’ bil-mod il-mod nirċievu l-fejqan.

Pero’ minn dawn l-għaxra wieħed biss imur lura jirringrazzja lil Ġesu’ u ma kienx Lhudi, kien Sammaritan. Is-Sammaritani ma kienux jitħaltu mal-Lhud u Ġesu’ kien Lhudi. U Ġesu’ jissorprendi ruħu. Wieħed biss ġie jirringrazzja. Wieħed biss ġie jgħidli grazzi. Kemm għandna bżonn ank’aħna għeżież tiegħi mhux biss nitolbu l-grazzji mingħand Alla imma ngħidu grazzi lil Alla. U din hija l-Ewkaristija, din hija l-Quddies, din hija r-Radd il-Ħajr, din hija l-Quddies tal-Ħadd fejn aħna nroddu ħajr lil Alla, ngħidulu ‘grazzi’ permezz ta’ Ġesu’ Kristu għal dak kollu li għamel magħna. Għax xi drabi l-Mulej biex ngħidulu tini tini ninqalgħu pero’ biex nirringrazzjawh ninsewha. U Ġesu’ qallu: ‘Fejnhom l-oħrajn?’ Ried lil dawk id-disgħa l-oħra pero’ biex nagħlaq, x’jiġri? Dak biss li mar jirringrazzja lil Alla qallu: ‘Il-fidi tiegħek salvatek’ – ‘Mur, il-fidi tiegħek salvatek’. Mhux li tfieq hu importanti. Jekk intix ħa ssalva importanti. L-għaxra fiequ pero’ ‘l wieħed Ġesu’ qallu li huwa salv. Aħna fuq din l-art nistgħu nirċievu ħafna grazzji, pero’ jekk ma nibqgħux f’din il-komunjoni ma’ Alla, fl-għaqda miegħu, mhiex garanzija li se nsalvaw ruħna, tafux? Mhux il-mirakli li l-Mulej jagħmel magħna ħa jsalvawna imma din l-għaqda, din l-umilta’, din id-dipendenza fuqu li toħroġ fil-gratitudni, nibqgħu ggranfati ma’ Ġesu’ – dak li sejjer isalvana fil-ħajja tagħna.

Ejjew għeżież tiegħi, inħallu dan l-Evanġelu, din il-Kelma tal-lum, ilkoll kemm aħna tkun ta’ tama, tkun ta’ kuraġġ għalina, tgħinna nduru lejn il-Mulej bis-serjeta’, niftħu qalbna beraħ għall-qawwa t’Alla f’ħajjitna. Jien nixtieq ngħinkom tagħmlu dan billi ngħidilkom ‘Ejjew il-laqgħat ‘Ejjew Għandi’, organizzaw transport, ġibu lil ħaddieħor magħkom, idħlu fil-facebook page tiegħi ‘Fr Hayden’ u ssibu l-avviżi tal-laqgħat kollha li aħna jkollna pero’ agħmlu ħilitkom li tiġu. Issegwux biss dan il-programm, ejjew għall-laqgħat ħa tiltaqgħu verament ma’ Ġesu’ u tagħmlu esperjenza tal-qawwa, l-imħabba u l-ħniena tiegħu. Il-morda kollha li tiġu, aħna nitolbu magħkom waqt il-laqgħa u fl-aħħar tal-laqgħa. J’Alla lkoll kemm aħna nagħmlu esperjenza ta’ dan Ġesu’ ħaj li jrid ifejjaqna, li jrid ifarraġna fil-ħajja tagħna. Jien nitlob għalikom. Intom itolbu għalija. Il-Paċi magħkom. Kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s