Kemm nixtieq li nemmen!

L-Erbgħa, 18 ta’ Settembru 2019: Riflessjoni dwar Lq 17: 5-10, il-Vanġelu tas-27 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi, nilqagħkom mill-qalb għal dan il-programm għal darb’oħra ‘Ejjew Għandi’ hi x’inhi ċ-ċirkustanza tal-ħajja tiegħek bħalissa. Min minna m’għandux bżonn lil Alla? Anke min jaħseb li ma għandux bżonnu ta, aħna lkoll għandna bżonn lil Ġesu’ fil-ħajja tagħna, u Ġesu’ jibqa’ jiġri warajna forsi nistgħu ngħidu anke jdejjaqna sakemm fl-aħħar il-qalb tagħna ċċedi għalih. Sakemm fl-aħħar niftħu qalbna beraħ għalih bil-Kelma li hu jagħtina u bl-esperjenzi li ngħaddu mill-ħajja tagħna.

Nixtieq insellem b’mod speċjali lil dawk kollha li jsegwuna mill-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin fl-oqsma kollha tagħha, il-Kordin, Forensic unit, iż-żgħażagħ l-Imtaħleb, is-sections tan-nisa għeżież tiegħi u d-diviżjonijiet kollha. Insellem anke lil dawk kollha li jaħdmu fil-Faċilita’, lil dawk kollha li anke huma vittma ta’ xi reat kriminali, huma vittma u għaddejjin minn żmien iebes fil-ħajja tagħhom. Insellem minn qalbi anke lil morda kollha, insellem anke lis-saċerdoti kollha reliġjużi, is-saċerdoti fid-dar tal-Kleru, iż-żgħażagħ, il-familji, u lil dawk kollha li jsegwuna anke minn barra minn Malta bil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.

Illum nixtieq naqsam magħkom Kelma meħuda mill-Evanġelju skont San Luqa kapitlu 17 vrus 5 sa 10. Isimgħu Ġesu’ x’jgħidilna:

L-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi.” Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’ minnkom.

“Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu? ‘Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’? jew, ‘Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int’? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’ ”

Hekk f’dan il-Vanġelu għeżież tiegħi għandna ftit tagħlimiet sbieħ u ħelwin għall-mixja tal-ħajja tagħna. Hekk l-ewwel ħaġa l-appostli jmorru għand Ġesu’ jgħidulu: ‘Mulej kattar fina l-fidi.’ Ċioe’ kabbarha din il-fidi fina. Ejjew naraw daqsxejn din it-talba x’jista’ jkun hemm fiha. Din it-talba kif tista’ biex ngħid hekk tkun talba anke tagħna.

L-ewwel ħaġa hi talba dwar il-fidi. Il-fidi nistgħu nifhmu biha għeżież tiegħi żewġ affarijiet: Il-fidi nistgħu nifhmu biha bħala l-kontenut ta’ dak li aħna nemmnu. Per eżempju aħna meta mmorru l-Quddies nhar ta’ Ħadd wara l-Omelija ngħidu l-Kredu li hija l-istqarrija tat-twemmin tagħna, l-istqarija tal-fidi tagħna, ċioe’ nistqarru dak li aħna nemmnu. Jiena nemmen f’Alla li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art, dak kollu li jidher u ma jidhirx. Nemmen f’Ġesu’ Kristu, fl-Ispirtu s-Santu, fil-Knisja, fil-ħajja ta’ dejjem eċċ… ċioe’

  • l-fidi bħala kontenut,
  • il-fidi bħala duttrina,
  • il-fidi bħala tagħlim,
  • il-fidi bħala oġġetti ta’ verita’ li jiena naċċettahom b’moħħi,
  • bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu,
  • bil-grazzja t’Alla

bħala verita’ li Alla wrihielna permezz tal-Kelma tiegħu u t-tagħlim tal-Knisja. Mela din hi waħda mill-aspett ta’ fidi għeżież tiegħi. Il-fidi bħala kontenut. Issa din it-talba anke f’dan id-dawl għalkemm għandha sens ieħor nistgħu wkoll nagħmluha illi jiena ngħidlu: ‘Mulej tini l-grazzja li nemmen il-verita’ li inti wrejtna.’

Per eżempju li nemmen f’Alla li hu Trinita’ kif turina l-Kelma t’Alla. Li nemmen li Ġesu’ hu Alla li sar bniedem, li nemminha din b’verita’. Din ma nistax nemminha biss b’moħħi din irid il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-grazzja t’Alla. Li nemmen li Ġesu’ huwa preżenti u ħaj fis-Sagramenti tal-Knisja,

  • li fil-Magħmudija jagħtini ħajja ġdida,
  • li fil-Qrar jagħtini l-maħfra tad-dnubiet,
  • li fl-Ewkaristija huwa preżenti huwa stess biex ikun l-ikel u l-qawwa tiegħi,
  • hekk li nemmen illi s-saċerdot mhux bniedem normali, huwa bniedem li jista’ jiżbalja pero’ fl-istess ħin huwa bniedem ikkonsagrat, bniedem t’Alla, bniedem li Ġesu’ mmarkah bil-qawwa tiegħu biex jista’ jaqdina fis-Sagramenti tal-Knisja.
  • Li nemmen illi s-Sagrament taż-Żwieġ mhuwiex xi private affair jiena u l-mara tiegħi, jiena u r-raġel tiegħi, imma Ġesu’ lilna mmarkana bi mħabbtu biex inkunu sinjal ta’ kif hu jħobb id-dinja fi żminijietna allura għandna missjoni u għandna grazzja partikulari.
  • Li nemmen li fil-Griżma tal-Isqof jiena nirċievi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ċioe’ huma l-veritajiet.
  • Li nemmen li l-Bibbja hija Kelma t’Alla, Kelma sspirata.
  • Li nemmen li t-tagħlim tal-Knisja huwa tajjeb.

Hekk speċi ta’ dawn il-veritajiet li aħna xi drabi nistgħu biex ngħid hekk nitħabtu magħhom.

  • Li nemmen fl-eternita’, nemmen fil-ġenna, fl-infern u l-purgatorju, fil-mewt tiegħi u fil-ġudizzju.
  • Li nemmen dawn il-veritajiet, li nemmen li kull bniedem hu maħluq fuq xbieha t’Alla.
  • Li nemmen li Ġesu’ qalilna: ‘Kull ma tagħmlu mal-oħrajn tagħmluh miegħi.’
  • Li nemmen il-Kelma ta’ Ġesu’, li nemminha.

Hekk din it-tip ta’ fidi għeżież tiegħi għandna bżonn ngħidlu: ‘Mulej tini l-grazzja li jiena nemmen il-veritajiet tiegħek.’ Għaliex mingħajr il-qawwa t’Alla ma nistgħux nemmnu l-affarijiet li jgħidilna Alla. Mingħajr il-qawwa t’Alla ma nistax nemmen l-affarjiet t’Alla. Mela aħna għandna bżonn: ‘Mulej kabbar fija din il-fidi, tini l-grazzja li nemmen.’ Ovjament din ma tiġix hekk b’mod maġiku tiġi wkoll il-Mulej jagħtini l-għajnuna tiegħu billi jien anke nifforma lili nnifsi u ninforma lili nnifsi billi jiena f’kelma waħda nitgħallem.

Dun Ġorġ Preca għeżież tiegħi dan il-qaddis tant sabiħ f’Malta propju għen lin-nies kellu missjoni biex huwa jgħallem il-poplu Malti l-fidi Nisranija, iġifieri aħna għandna bżonn anke dan it-tagħlim, għandna bżonn min jagħlimna, għandna bżonn l-umilta’ li nitgħallmu u forsi wħud minna huma msejħin anke biex il-Mulej jagħtihom din il-grazzja li jgħallmu lill-oħrajn b’modi differenti. Pero’ lkoll kemm aħna għandna bżonn nemmnu fil-fidi bħala kontenut, bħala verita’.

Pero’ l-fidi mbagħad għandha dimensjoni oħra li hija din id-dimensjoni propju li l-appostli jitolbu lil Ġesu’ għaliha. Il-fidi li m’hijiex just il-kontenut tal-verita’, il-fidi li jiena naġixxi fuq dak il-kontenut tal-verita’. Li jiena nafda l-istess verita’. Per eżempju jekk jiena nemmen li Ġesu’ hu l-Iben t’Alla, Ġesu’ s-Salvatur issa nafdah. Ngħix stil ta’ ħajja li turi dik il-fidi li allura issa l-fidi ssir fiduċja jekk nista’ ngħid hekk tajjeb?

Ħalli biex nifthemu nagħtikom eżempju. Inti tista’ temmen f’tabib x’tifhem biha? Tifhem biha żgur li qed tgħid nemmen f’dak it-tabib iġifieri nemmen li dak it-tabib studja, gradwa, għadda, kapaċi, kapaċi! Dak it-tabib jaf il-verita’ dwar il-mard, dwar il-mediċina, dwar kif jaħdem il-ġisem. Għandu knowledge dak it-tabib. Pero’ dak it-tabib jekk jiena nemmen li għandu dan knowledge kollu, issa dik il-fidi trid isir fiduċja fih, irid nafdah billi mmur bil-mard tiegħi għandu u nafdah illi jikkurani. Noqgħod fuq li jgħidli, inserraħ rasi bih iġifieri li tgħid ‘kemm hu bravu!’ Mhuwiex biżżejjed, li tgħid dak it-tabib kemm hu bravu imma mbagħad ma tafdax lilek, il-mard tiegħek f’idejh, lil uliedek morda f’idejh, lil martek, lil żewġek morda f’idejh. X’jiswa li tgħid: Kemm hu bravu mbagħad qatt ma tafdah? Qatt ma tmur għandu għall-kura ee? U l-istess ħaġa ara l-fidi bħala kemm hu bravu u l-fidi li nafdah li issa jista’ jfejjaqni dan it-tabib.

L-istess m’Alla jiena nista’ nemmen ngħid kemm hi brava l-Kelma t’Alla, kemm taf xi tgħid il-Kelma t’Alla, Ġesu’ kemm jaf xi jgħid kemm jgħid verita’. Pero’ issa mhux biss li nemmen li huwa vera dak li jgħid, issa rrid nafdah, irid immur għandu għall-kura, irid immur għandu biex jagħtini l-ħajja. Mhux biss ngħid nistqarr Ġesu’ r-Redentur, Ġesu’ s-Salvatur, issa rrid nafdah għeżież tiegħi u hija din it-tip ta’ fidi li l-appostli qed jgħidu ‘Mulej kabbar fina dil-fidi.’  Għaliex li inti tafda mhix faċli, li inti tafda persuni mhux faċli u li tafda lil Alla xi drabi waqt li għandna mitt elf raġun biex nafdawh aktar lill-Mulej xi drabi nafdawh inqas.

Xi drabi aħna ħa nerġa’ nieħu l-eżempju tas-saħħa. Int jista’ jkollok fiduċja għamja f’min joperak per eżempju għax għandu fama tajba u l-operazzjonijiet jirnexxu u jalla jkollna hekk u verament ikun hekk imma dan huwa bniedem jista’ jiżbalja fl-operazzjoni tiegħek. Rarament isir xi żball mhux apposta, involontarju. Għaliex? Għax il-bniedem mhuwiex perfett għeżież tiegħi. U jekk aħna lesti li nafdaw illum anke tagħmel operazzjoni ċertu operazzjoni trid tiffirma per eżempju li għandek 5% riskju li tmut waqt l-operazzjoni jew 5% riskju li l-operazzjoni ma tirnexxix u tiffirma għaliha bit-tama li dak ma jiġrix.

Dan qed ngħidilkom biex nurikom kemm aħna nirriskjaw anke fuq livell uman, nirriskjaw fuq livell uman. Aħna nafdaw b’riskju fuq livell uman imbagħad lil Alla xi drabi ma nafdawhx, meta Alla huwa perfett, meta Alla jħobbna. Ġesu’ lilna jħobbna b’mod perfett u jiġri x’jiġri f’ħajjitna mhux niddubitaw lil Ġesu’ rridu, imma nibqa’ ngħid: ‘Alla huwa tajjeb minkejja dak li qed jiġrili.’ Għeżież tiegħi din hija l-verita’ għalhekk l-appostli jgħidulu kabbar fina din il-fidi Mulej, tina l-grazzja li nafdawk, nintelqu f’idejk, li aħna nkunu ħaġa waħda marbutin miegħek, noqgħodu fuq li tgħidilna int. Mulej jien irrid nafdak minix se niddubitak. Għeżież tiegħi, aħna biex nafdaw lil Alla m’hemmx għalfejn nifhmu kollox ta. Xi drabi ndumu wisq nanalizzaw qabel ma nafdaw.

Qabel ma mmur fuq Alla ħa nerġa’ nsemmi realtajiet umani. Inti meta tieħu l-mediċina tipprova tifhem eżattament

  • l-ingredjenti tal-mediċina x’inhuma,
  • il-mediċina fejn inħadmet,
  • min ħadimha f’liema fabbrika nħadmet,
  • in-nies min huma,
  • x’inhuma l-kwalifiki tagħhom,
  • jekk humiex nies li tista’ toqgħod fuqhom.
  • Imbagħad trid tkun taf ukoll il-mediċina kif taħdem eżattament mal-ġisem.

Inti trid tkun taf dan kollu qabel ma tieħu mediċina? Jew għax isserraħ moħħok bit-tabib tieħu dak li jagħtik? Forsi tagħmel daqsxejn ftit find out fuqha, imma trid tkun taf id-dettalji kollha saħansitra r-raġel, il-mara, il-ġuvni, ix-xebba li ħadmuha fi xħin, kienux f’sensihom, x’kienu qed jagħmlu, il-prodott kif għamluh? Xi ħadd minna jagħmel hekk għeżież tiegħi? At most niċċekjaw ftit dwar dil-mediċina pero’ ma noqgħodux nidħlu fuq min ħadimha. Toqgħod fuq li jgħidulek, toqgħod fuq l-ispiżjar, toqgħod fuq it-tabib. U xi drabi jista’ jkollna xi żball u nafdaw għeżież tiegħi. Dan biex nurikom kemm nafdaw b’mod għami aħna.

L-istess meta inti tmur tixtri karozza per eżempju. Inti ovvjament tiċċekja l-karozza tara l-fama, tara d-ditta, tiċċekja pero’ ma toqgħodx tgħid

  • isma’ min ħadimha dak il-ħin?
  • Fejn kien?
  • Kien fis-sakra?
  • Kien fuq id-droga?
  • Kien jaf x’qed jagħmel?

Inti tieħu l-pakkett u tafda l-istituzzjoni, tafda l-fabbrika, tafda r-realta’. Għeżież tiegħi jekk aħna nafdaw sitwazzjonijiet daqshekk imperfetti u li jistgħu jiddiżappuntawna, għaliex m’għandiex nafdaw lil Alla? Għaliex m’għandiex nafdaw lil Ġesu’ li nafu li huwa perfett u li qatt m’huwa se jiddiżappuntana? Għandna bżonn din it-tip ta’ fidi għeżież tiegħi li quddiem iċ-ċirkustanzi iebsa, quddiem din is-siġra tat-tut li aħna jista’ jkollna issues, problemi, sitwazzjonijiet, jiena nafda l-Mulej li hu jaf x’qed jagħmel, nafda lill-Mulej li qed jippermetti l-ġrajjiet tal-ħajja tiegħi li jdawwarhom kollha għall-ikbar glorja tiegħu u għall-ġid tiegħi.

Imbagħad hemm aspett ieħor tal-fidi għeżież tiegħi li meta qed ngħidulu: ‘Kabbar fina l-fidi’ li jidħol iktar fil-qalba. Hawnhekk Ġesu’ qed jgħidilna: ‘Isma’ jekk intom temmnu fija, jiena nagħtikom awtorita’ fuq iċ-ċirkustanzi tal-ħajja tagħkom. Jiena ntikom awtorita’ fuq realtajiet tal-ħajja.’ Ġesu’ xi drabi naraw li illi fuq il-mard u fuq ix-xjaten lill-appostli u d-dixxipli tiegħu jagħtihom qawwa u setgħa, qawwa u awtorita’. Il-Fidi li għandha din iċ-ċerta awtorita’ għeżież tiegħi li xi drabi aħna forsi narawha ma nafx kif stramba. Li Alla jagħti din l-awtorita’ lill-bniedem u rridu nitgħallmu nużawha tajjeb din l-awtorita’, fidi li hija awtorevoli. Per eżempju Alla ta l-awtorita’ lill-bniedem fuq il-ħolqien. Hu att ta’ fidi li aħna rridu nħadmuh b’mod tajjeb.

Per eżempju lilna s-saċerdoti tana l-awtorita’, is-setgħa li naħfru d-dnubiet, din hija verita’. Ġesu’ lill-appostli tahom l-awtorita’ fuq ix-xjaten. Il-Knisja ta l-awtorita’ fuq ix-xitan, din hi verita’ rridu nħadmuha għeżież tiegħi. Darba minnhom meta l-appostli pruvaw ikeċċu xitan ma rrnexxilhomx lil Ġesu’ qalulu, għaliex? Qalilhom ħabba n-nuqqas ta’ fidi u darb’oħra qalilhom tridu titolbu u ssumu, għax it-talb u s-sawm ikabbru l-fidi għeżież tiegħi fil-ħajja tagħna.

Aħna għandna din l-awtorita’ li Ġesu’ tana li rridu nitgħallmu kif neżerċitawha b’mod speċjali quddiem ir-realta’ tax-xitan, quddiem ir-realta’ tad-dnub, quddiem ir-realta’ tal-ħażen li jiena minix vittma ta’ dan kollu għeżież tiegħi u ma noqgħodux nibżgħu mix-xitan u mill-ħażen. Ġesu’ lilna tana l-qawwa u s-setgħa fuq dan kollu. Il-problema li aħna forsi lanqas nafu min aħna. Aħna lanqas nafu l-Ispirtu s-Santu x’qawwa tana. Aħna ma nafux il-Mulej x’investa fina għeżież tiegħi. Ġesu’ qalilna: ‘Tlibsu bil-qawwa tal-Ispirtu,’ li ġie jagħtina din l-awtorita’ tal-fidi. Ejjew nitgħallmu anke nħadmuha għeżież tiegħi din l-awtorita’ jiġifieri ngħixu biċ-ċertezza, meta nitolbu ngħixu b’ċerta konvinzjoni, ngħixu b’ċerta tama għeżież tiegħi. Ngħixu fil-qawwa li l-fidi lilna tagħtina.

Jiena nixtieq inħeġġiġikom ilkoll sabiex aħna lkoll kemm aħna din it-talba ta’ Ġesu’ nagħmluha: ‘Kattar fina l-fidi,’ pero’ Ġesu’ x’jgħidilhom? Meta jgħidulu kattar fina l-fidi, Ġesu’ ma jkattrilhomx il-fidi. Ġesu’ jgħidilhom ħaddmu l-fidi li għandkom. Jekk għandkom fidi żgħira daqs żerriegħa tal-mustarda tgħidu lil din is-siġra tat-tut tiċċaqlaq. Ċioe’ ħaddem il-fidi li għandek. Toqgħodx tistenna li jkollok xi esperjenza ġdida t’Alla, toqgħodx tistenna li jkollok xi ħass ġdid, toqgħodx tistenna li jiġri xi ħaġa. Ħaddem il-fidi li għandek u dik tikber. Għax il-fidi hija bħal muscle.

Min imur il-G.Y.M il-muscles kif ikabbarhom? Ma jkabbarhomx billi joqgħod jgħid kemm nixtieq li l-muscle jikber. Kemm nixtieq li six pack jikber tagħmel hekk? Le! Il-muscles tiegħek u s-six pack tiegħek jekk inti toqgħod tħares lejn xi figure ta’ xi ħadd hekk fuq l-internet u tgħid kemm nixtieq inkun bħal dan… B’daqshekk inti ssir bħalu? L-istess ħaġa l-fidi. Il-fidi ma tikbirx għax ngħid kemm nixtieq li nemmen aktar. Il-fidi lanqas tikber għax tgħid, inħares lejn xi qaddis li kellu ħafna fidi u ngħid kemm nixtieq inkun bħal dan, le! Is-six pack u l-muscle jiġri meta int tagħmel l-exercise. Il-fidi tikber meta inti tagħmel l-exercise, meta l-fidi int tħaddimha, meta l-fidi int teżerċita għeżież tiegħi. U kif neżerċitawha dil-fidi? L-istess kif nagħmlu fil-G.Y.M. Inti l-G.Y.M. x’tagħmel? Il-G.Y.M. inti jkollok instructor, xi ħadd li jgħallmek number 1. Tkun prużuntuż taqbad tagħmilha waħdek. Issa jkunx instructor illi persuna, instructor b’xi mobajl application, xi application dwar l-exercise, xi ħadd li jsegwik b’mod online virtwali, imma b’xi mod ma tagħmilhiex waħdek għandek bżonn instructor biex inti tħaddem u teżerċizza lilek innifsek.

L-istess aħna biex neżerċizzaw il-fidi għandna bżonn instructor tagħna li hu Ġesu’, li hu s-saċerdot, li hu xi gwida spiritwali, xi leader spiritwali awtentiku fil-ħajja tagħna. Mela għandek bżonn min jiggwidak, għandna bżonn min jagħtina d-dawl.

It-tieni għandek bżonn min jiggwidak jgħidlek x’tagħmel mhux biss għandek persuna. Persuna li ttik direzzjoni, mhux persuna biex toqgħod titkellem u tiddiskuti magħha u dak li tgħidlek trid tagħmlu jekk int trid tagħmel l-exercise. L-istess il-Kelma t’Alla hija din il-gwida li tgħidilna rridu nagħmluh. Il-fidi kif tħaddimha? Billi tobdi dak illi l-Kelma t’Alla tgħidlek. Inti l-exercise x’tagħmel? Tagħmel dak li jgħidlek u b’hekk il-ġisem tiegħek ikabbar il-muskoli. Il-fidi tagħna tikber meta aħna nibdew dak li qal Ġesu’ nagħmlu. Jekk toqgħod tiddibatti u tiddiskuti mal-instructor tiegħek mhux ħa jikbru l-muskoli, is-six pack mhux ġej. Imma jekk inti tagħmel li jgħidlek se jiġi. Inti ma tobdix l-instructor għax diġa’ rajt ir-riżultat. Tobdi l-instructor għaliex taf li jekk tobdih ir-riżultat se jiġi. L-Ewwel hemm l-ubbidjenza mbagħad hemm ir-riżultat. L-ewwel l-ubbidjenza li tagħmel il-G.Y.M. imbagħad jiġi s-six pack, l-istess il-fidi tiegħek. L-ewwel tobdi dak li l-Mulej jgħidilna mbagħad il-fidi tiegħek tikber għeżież tiegħi. Tikber dejjem aktar. Aħna għandna bżonn għeżież tiegħi hekk nagħti dawn l-eżempji sempliċi għax żgur li kulħadd jifhimni bihom b’mod speċjali fid-dinja tal-lum. Il-fidi nkabbruha jekk aħna neżerċitawha.

Neżerċitawha fl-affarijiet li qalilna Ġesu’. Jekk Ġesu’ qalilna: ‘Dan hu Ġismi, dan hu Demmi’ f’dik l-Ostja kkonsagrata. Ġesu’ hekk qal, hekk hu. Ġesu’ qalilna: ‘Id-dnubiet li intom taħfru jkunu maħfura’, mela jiena mmur għand is-saċerdot għall-maħfra tad-dnubiet għax Ġesu’ hekk qal, Ġesu’ hekk hu. Ġesu’ qalilna: ‘Itolbu’ mela nitlob, Ġesu’ qalilna, ‘Agħmlu karita’’ mela nagħmel karita’, Ġesu’ qalilna biex insumu mela nsum, Ġesu’ qalilna: ‘tinkwetawx’ mela ma ninkwetax, Ġesu’ qalilna: ‘Afdaw lili’ mela nafdaw lilu, Ġesu’ qalilna: ‘Erfgħu s-salib’ mela nerfgħu s-salib. Din hija l-fidi għeżież tiegħi, fil-ħajja ta’ kuljum ngħix dak li l-Mulej qalli u iktar ma ngħixha l-fidi tiegħi iktar tikber.

Jiena nixtieq inħeġġiġkom tiġu għall-laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’ li hu mument għeżież tiegħi biex ngħinnkom tikbru lkoll fil-fidi u anke intom tgħinu lili għax din hija l-mixja tagħna flimkien bħala Knisja. Idħlu fil-Facebook Page tiegħi Fr Hayden u hemmhekk isibu għeżież tiegħi dak kollu li għandkom bżonn, l-avviżi kollha tal-laqgħat. Ejjew intom ġibu lil ħaddieħor magħkom, ġibu l-morda magħkom ħa nkunu nistgħu nitolbu fuqkom għall-bżonnijiet kollha għax Ġesu’ huwa ħaj, nemmnu fih li jagħtina l-faraġ, jagħtina l-fejqan fit-tbatija tagħna, jagħtina l-qawwa tal-Ispirtu biex il-ħajja tagħna tibqa’ għaddejja.

Il-Paċi magħkom kunu mberkin, itolbu għalija jiena nitlob għalikom sa ma’ nerġa’ narakom.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s