Is-sinjur jistgħana u l-fqir jiftaqar!

L-Erbgħa, 18 ta’ Settembru 2019: Riflessjoni dwar Lq 16: 19-31, il-Vanġelu tas-26 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’, stedina ta’ kull ġimgħa. Għandna bżonn għeżież tiegħi naraw daqsxejn ftit fejn aħna u flok inkaħħlu rasna mal-ħajt jew inkella ngħaxxqu xi waħda fil-mumenti iebsa tagħna għax ma naħsbuhiex jew għax inkunu mdejjqin u ddisprati jew ma nafux x’se nagħmlu b’ħajjitna, Ġesu’ jagħtina kelma li tista’ ttina t-tama u l-faraġ u għalhekk il-Mulej jgħidilna għeżież tiegħi ‘Ejjew għandi.’ Stedina li l-Mulej qed jagħmel lilkom li tinsabu fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, qraba tagħkom, nies li huma anke vittma ta’ xi reat kriminali għeżież tiegħi, il-morda, l-anzjani, saċerdoti fid-dar tal-Kleru, għeżież tiegħi intom żgħażagħ illi ssegwu b’mod speċjali fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u anke dawk li huma Maltin u jgħixu barra minn Malta pero’ ta’ kull ġimgħa ssegwu mill-qalb din il-Kelma, dan il-programm.

Illum nixtieq naqsam magħkom kelma meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa kapitlu 16 vrus 19 sa 31. Isimgħu l-parabbola li jagħtina Ġesu’:

“Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. 

Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu, ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’ dan in-nar.’ ‘Ibni,’ qallu Abraham, ‘ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.’ Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.’ ”

Dan il-Vanġelu għeżież tiegħi, din il-Kelma hija Kelma ħafna qawwija li jekk nidħlu fil-fond tagħha tixxukjana. Tixxukjana minħabba dawn l-elementi, dawn ir-realtajiet li se naqsam magħkom. L-ewwel ħaġa għandna din ir-realta’ ta’ raġel illi huwa sinjur li ma għandux ismu u raġel illi huwa fqir illi għandna l-isem tiegħu, li jismu Lazzru. Ir-raġel huwa għani pero’ mhux identifikat bl-ebda isem. Hawnhekk diġa’ hija ħaġa interessanti għeżież tiegħi l-fatt illi l-fqir għandna isem u s-sinjur ma għandux isem, għaliex il-Vanġelu jagħti importanza l-persuni li huma foqra, il-persuni li huma ċkejknin, il-persuni li huma forsi fis-soċjeta’ meqjusa tal-aħħar u hawnhekk il-Vanġelu jaqleb għeżież tiegħi l-mod kif aħna nirraġunaw.

Jekk fid-dinja min hu sinjur, min hu bil-flus, min għadnu l-poter dak għandu l-isem, dak għandu l-fama, dak huwa xi ħadd somebody, għandu identita’ u l-fqir, il-batut huwa biss numru, xi ħadd li lanqas biss taf ismu u ħafna drabi nillejbiljawh bil-kundizzjoni tiegħu, per eżempju marid, refuġjat, ħabsi, drogat, imma mhux bl-isem imma bl-label. Hawnhekk fil-Vanġelu propju tinqaleb. Hawnhekk il-loġika Alla jaqlibha s-Sinjur huwa llabiljat – l-għani, il-fqir huwa b’isem Lazzru. Ċertament mhux għax Alla jagħmlilna xi label, mhux għax Alla jagħmlilna b’tikketta. Il-Kelma t’Alla anzi tgħidilna li aħna lkoll kemm aħna, isimna huwa mnaqqax fuq il-pala ta’ jdejh għeżież tiegħi. Aħna lkoll kemm aħna mnaqqxin fuq il-pala t’id Alla pero’ hawnhekk għandna biex ngħidu hekk, il-Mulej qed jagħti tagħlima wkoll sempliċiment b’dan id-dettal fuq ir-realtajiet soċjali tagħna. Alla, kif talbet il-Madonna fil-Magnificat, jgħolli liċ-ċkejknin u l-għonja jibgħathom ‘il barra b’xejn.

Dis-sitwazzjoni ta’ Lazzru u l-għani x’kienet? Lazzru kien bniedem fqir l-għani kien bniedem sinjur. Wieħed gawda f’ħajtu l-ieħor bata fil-ħajja tiegħu pero’ t-tnejn li huma mietu. It-tnejn li huma ġiet il-mewt fuqhom. Sew l-għana, sew il-faqar m’humiex l-aħħar kelma tal-ħajja tagħna għeżież tiegħi. Aħna l-aħħar kelma ta’ ħajjitna dak li l-parabbola Ġesu’ qed jgħidilna m’hijiex x’jiġri fuq din l-art, il-mewt se tiġi fuq kulħadd. X’se jiġri fl-eternita’, issa jistgħu jagħmlulek momument sabiħ meta tmut u jistgħu ma jagħmlulek xejn, jistgħu jidfnuk f’qabar lussuż u jidfnuk f’ħaġa komuni, jistgħu jagħmlulek tebut tal-lussu u jagħmlulek chipbord biex jidfnuk, għeżież tiegħi xejn ma jiswa minn dawn l-affarijiet. Il-mewt tiġi fuq kulħadd mietu l-ikbar qaddisin u mietu l-ikbar midinbin, mietu l-iktar nies popolari u magħrufa u l-iktar nies li ħadd ma jafhom, mietu l-ikbar nies ta’ suċċess u l-ikbar nies li jħossu li għamlu falliment għeżież tiegħi, mietu l-ferħana u mietu l-imdejqa – kulħadd. L-aħħar kelma pero’ m’hijiex x’jiġri fuq din l-art, l-aħħar kelma hija l-eternita’ għeżież tiegħi fil-ħajja tagħna li forsi aħna din ir-realta’ aljenati minnha. Forsi aħna kkamajna ma’ x’jiġrili fuq din l-art donnu din hi l-aħħar kelma.

Għeżież tiegħi jien nixtieq niftħilkom għajnejkom mill-qalb u jiena magħkom, ejjew ma nkunux mqarrqin u ngannati fil-ħajja tagħna. Int per eżempju taħseb li

  • int qed tagħmel l-inġustizzji fuq din l-art,
  • int qed tagħmel l-inġustizzji fis-soċjeta’,
  • l-inġustizzji fil-familja,
  • l-inġustizzja fil-Knisja.

Taħseb int li ħa tibqa’ għaddej scott free hekk għeżież tiegħi? Forsi għaliex ixaħħam, forsi għaliex taf in-nies, forsi għaliex taf minn fejn għandek tgħaddi fuq din l-art taħrabha? Pero’ taħsibx li dik hija l-aħħar kelma fil-ħajja tiegħek, taħsibx illi kollox se jgħaddi, se jiġi mument fejn se jkollok taffronta l-verita’ u għeżież tiegħi l-verita’ aħjar naffrontawha issa fuq din l-art milli naffrontawha fl-eternita’, għax fuq din l-art għandna ċ-ċans kollu illi fil-ħniena t’Alla aħna nitbiddlu u nikkonvertu, pero’ wara l-mewt tagħna għeżież tiegħi hemm hekk iridu niltaqgħu mal-verita’ u dik il-verita’ għalina ssir ġustizzja. Jekk il-verita’ kif inhi quddiem Alla fuq din l-art isir ħniena, imma l-verita’ kif inhi quddiem Alla fl-eternita’ ssir ġustizzja, maħbubin tiegħi. Ejjew ma naħsbux li jekk qegħdin inħawwdu se nibqgħu nħawwdu u dejjem se ngħadduha b’mod liberi. Min naħa l-oħra ejjew ma naħsbux li jekk qegħdin inbatu din it-tbatija hija għal dejjem għeżież tiegħi. Iridu naffrontaw il-ħajja kif inhi, iridu naffrontaw il-fatti, r-realta’ għeżież tiegħi. Dik li hi soffrenza hi soffrenza. Xi drabi tħossok li qatt m’hu se toħroġ minnha u forsi tiddispra u forsi tiddejjaq ma tafx x’se tagħmel b’ħajtek pero’ l-verita’ hi li se jiġi mument meta dan kollu se jkollu full stop fil-ħajja.

Tagħlima oħra li toħroġ minn din il-parabbola għeżież tiegħi u din hija xokkanti. Lazzru bażikament imur il-ġenna, is-sinjur l-għani jmur l-infern, jitlef ruħu li hija tal-biża’. Jekk aħna nemmnu fl-eternita’ għeżież tiegħi, jekk aħna nemmnu li teżisti l-ġenna, l-infern u l-purgatorju, jekk aħna nemmnu fil-ħajja ta’ dejjem. Min minna jrid jitlef ruħu għal dejjem fl-infern? L-infern x’inhuwa għeżież tiegħi? L-infern minn kull idea, minn kull immaġni li aħna jista’ jkollna tiegħu jew qalulna jew aħna impressjonati biha jew armejniha d-direttura li ma nemmnux għeżież tiegħi. L-infern ifisser li inti tlift l-iskop ta’ ħajtek. L-iskop ta’ ħajtek x’inhu? L-iskop ta’ ħajtek huwa Alla, temmen jew ma temminx. L-iskop ta’ ħajtek huwa Alla. Li inti tkun tgħix m’Alla għal dejjem hija l-ġenna, li inti titlef lil Alla għal dejjem hija l-infern. U l-ikbar tbatija fil-ħajja m’huwiex il-mard ta u l-inġustizziji, l-ikbar tbatija meta inti tgħix ħajja bla sens, l-ikbar tbatija meta inti titlef is-sens għalfejn inti tgħix. Issa aħna xi drabi għeżież tiegħi s-sens ta’ ħajjitna nagħmlu marti, żewġi u wliedi, ix-xogħol, il-karriera, id-don li jiena għandi, pero’ bir-rispett kollu għeżież tiegħi xejn minn dan ma huwa s-sens tal-ħajja tagħna. Is-sens ta’ ħajjitna hu Ġesu’ Kristu. Ir-raġuni għaliex jiena ngħix u r-raġuni għaliex jiena mmut hu Ġesu’. Is-sens ta’ ħajti huwa Alla jekk jien nitlef lil Alla f’ħajti jien għandi l-ikbar tbatija. Forsi f’din id-dinja ma nħossix din it-tbatija pero’ meta ħa niġi biex ngħix fil-verita’ dik t-tbatija sejjer inħossha.

Problema li ħafna minna aħna ngħixu taħt il-loppju għeżież tiegħi. Ħafna minn aħna nies illupjati, meta tkun illupjat inti għandek ħafna tbatija f’ġismek pero’ minix tħossha. Meta tidħol f’operazzjoni jtuk il-loppju għax ħa jġgħeluk tbati, biex joperawk it-tiċrita dak li jmissu fil-ġisem tiegħek huwa ajma huwa aħħ! Pero’ l-loppju x’jagħmel? Ma tħossx xejn pero’ l-uġigħ hemm qiegħed fil-verita’ sempliċiment mintix tħossu. It-tbatija hemm qiegħda mintix tħossha l-istess it-tbatija spiritwali. Meta aħna nitbegħdu minn Alla, aħna hemm ħafna tbatija f’ħajjitna wħud minna ma nħossuhiex anzi nħossuna ok, reqdin, għaddejjin, komdi, kif tkun f’sala operatorja. Inti tkun komdu ma tħoss xejn, imma dik m’hijiex il-verita’ għax ma tħossx xejn dak għax inti llupjat. Uħud minna aħna llupjati f’din id-dinja, ngħixu f’ingann u ngħixu f’qerq u ngħixu f’loppju sħiħ. Pero’ jiġi mument meta inti tqum mill-operazzjoni, jiġi mument meta l-loppju jgħaddi tafx? Issa tagħmilx operazzjoni ta’ nofs siegħa, tagħmilx ta’ siegħa u ta’ sagħtejn, tlieta u tmien sigħat jiġi mument meta ħa toħroġ mil-loppju u meta toħroġ mil-loppju tibda tħoss l-effetti ta’ dak li ġara, tal-operazzjoni għeżież tiegħi.

Uħud minna ħa joħorġu mil-loppju meta jmutu u hemmhekk se jħossu t-tbatija li fuq din l-art m’humiex iħossuha. Meta titbiegħed minn Alla hija l-ikbar tbatija għax titlef l-iskop ta’ ħajtek, titlef l-imħabba vera li inti tista’ tgħix ħajja llupjata tibqa’ ‘l bogħod mill-Mulej, tixxala, tiddeverti, tgħix kif trid u taħseb li sejjer tajjeb pero’ l-verita’ mintix tajjeb. Fil-ħajja mhux kif tħossok l-importanti, kif int l-importanti. Ħafna drabi kif inħossuna, l-importanti kif aħna. Inti qatt ġralek sitwazzjoni illi per eżempju nerġa’ nieħu eżempju mis-saħħa għax dawk malajr nifhmuhom anke għax meta kont naħdem l-isptar kont narahom dawn. Inti qatt ġralek illi per eżempju tagħmel check up biex tgħid għamilt check up u skoprew li għandek marda? Tgħid imma jien din qatt ma ħassejtha, din kif kienet fuqi? Imnalla għamilt iċ-check up biex sabuha, hemm hekk kienet. Mela li ma tħossx il-mard ma jfissirx li ma għandek xejn, li ma tħossx it-tbatija ma jfissirx li mintix marid għalhekk nagħmlu ċ-check ups b’rutina u t-tobba jħeġġuna biex nagħmlu dan mingħajr ma niffissaw ta’ u hija tajba illi nagħmluha għax xi drabi ċerta mard għamilt test tad-demm, għamilt MRI fuq xi ħaġa u jiskoprulek xi ħaġ’oħra. Hemm hekk kienet ma ħassejtix, mela mhux kif tħossok imma kif int li hu importanti. U aħna mis-saħħa fiżika tagħna jinteressana li mhux kif inħossuna imma kif aħna. L-Xray uri dak li hemm, l-MRI juri dak li hemm anke jekk inti m’intix tħossu.

Spiritwalment dik hi l-verita’ mhux kif tħossok. Għax jiena nħossni allright ta, jiena nħossni allright li ma nitlobx, jiena nħossni allright li ma mmurx inqerr, ma nitqarbinx, jiena nħossni allright li ma mmurx Knisja pero’ jiena ma nagħmilx ħsara nagħmel il-ġid. Jiena nħossni allright li ma nqerrx imma f’qalbi nħossni tajjeb quddiem Alla. Mhux kif tħossok. Tista’ tgħid li tħossok tajjeb imma fil-verita’ mintix tajjeb. Tirraġuna hekk dwar is-saħħa fiżika tiegħek? Toqgħod fuq li tħoss jew toqgħod fuq dak li int? Jekk ma tħoss xejn u r-riżultati juru li għandek marda x’tgħidlu t-tabib? Jiena ma nħossnix marid ta, mhux ħa nieħu kura ma nieħu xejn. Le! jekk ir-riżultati juru li hemm problema anke jekk ma tħosshiex, hekk hi. Int il-cholesterol tħossu? Ma tħossux jew anqas mhux dejjem tħossu trid tkun gravi biex tħossu. Imma jekk għamilt it-test tad-demm u jgħidlek isma’ ‘eqq border ta jew qbiżnieh, ara x’se tagħmel. Agħmel id-dieta, irranġa l-ikel, ħu ċerta mediċina, għamel l-exercise.’ Anke jekk ma tħossux imma hemm hekk qiegħed. Il-verita’ mhux li tħoss il-verita’ trid tara x’inhi.

Issa għalfejn qed ngħidu dan id-diskors? Għaliex l-għani, dar-raġel sinjur meta kien għadu qed jgħix f’dil-ħajja għalih kollox kien allright. Għalih ma kien qed jagħmel xejn ħażin u fil-verita’ kieku kellna nistaqsu, imma dar-raġel x’għamel ħażin biex tilef ruħu? Dana kien jiekol tajjeb u jilbes tajjeb. Xi ħaġa ħażina għax tiekol tajjeb u tilbes tajjeb? Ma kien qed jagħmel xejn ħażin pero’ kien qed jagħmel ħaġa ħażina li kien hemm dar-raġel fqir bieb ma’ bieb miegħu, ġarr miegħu li kien jixtieq jiekol l-ikel li jaqa’ mill-mejda tiegħu, illi dan qatt ma ta kasu. Dan id-dnub tiegħu dan ir-raġel sinjur mhux li għamel xi ħaġa ħażina imma li ma għamilx it-tajjeb. Mhux li għamel xi ħaġa ħażina imma kien indifferenti għall-bżonn tal-oħrajn. Ċerti nies jgħidulek: ‘Fr jiena ma nobgħodx.’ Tajjeb, imma Ġesu’ ma qalilnix biex ma nobgħodux Ġesu’ qalilna biex nħobbu. Mela quddiem Alla biex tkun fil-verita’, biex tkun dixxiplu ta’ Ġesu’, biex tkun bniedem fl-aħħar mill-aħħar mhix kwistjoni li ma tagħmilx il-ħażin imma li tagħmel is-sewwa li Alla jitlob minna. Ma tistax tgħid jiena ma nitlobx pero’ ma nagħmilx ħsara. Ġesu’ qalilna: ‘itolbu.’ Ma tistax tgħid jien ma mmurx Quddies il-Ħadd pero’ jien ma nobgħodx il-proxxmu, imma Ġesu’ qalilna biex nirċievuh fl-Ewkaristija. Ċioe’ mhuwiex, ma tistax toqgħod tgħid jien il-ħażen li minix qed nagħmel trid tibda tistaqsi: X’inhu t-tajjeb? X’inhu s-sewwa li jiena msejjaħ li għandi nagħmel imma minix qed nagħmlu? Jiena ma nsawwatx il-mara ma naħqarx lil żewġi pero’ ma ntihiex l-attenzjoni, il-ħażen u t-tajjeb li mintix tagħmel. Ħeq, jiena ma nberbaqx il-flus għall-familja pero’ karita’ ma nagħmilx.

Għeżież tiegħi jekk nidħlu daħla fina nfusna, jekk iridu nkunu Nsara verament maturi rridu nirrealizzaw din il-ħaġa. Mhuwiex il-ħażen li ma nagħmilx imma x’inhu t-tajjeb li minix nagħmel? Ċerti nies jiġu jgħidulek: ‘Fr, jiena ma nidgħix, ma nisraqx, ma noqtolx, ma naqlibhiex il-mara.’ Tajjeb, il-ħażen li ma tagħmilx pero’ x’inhu t-tajjeb li mintix tagħmel? Jekk nidħlu fina nfusna għeżież tiegħi din hija xokkanti. Kemm hemm nies

  • li huma ġirien tagħna,
  • iħokku magħna,
  • fuq il-post tax-xogħol,
  • fil-familja tagħna stess,
  • forsi fil-kunventi tagħna aħna l-patrijiet u s-sorijiet,
  • forsi fil-parroċċi,
  • fil-komunitajiet tagħna,
  • ġirien tagħna,
  • realtajiet li aħna naraw fis-soċjeta’ li qalbna ma tintmessx,

li aħna ma nieqfux quddiem il-bżonn ta’ ħaddieħor imma nibqgħu għaddejjin fl-ilbies u fl-ikel tagħna ċioe’ kkonċentrati fina nfusna, ngħixu ħajja ffissat fuqi nnifsi. Din hija waħda mill-problemi tad-dinja tal-lum għeżież tiegħi. Hija waħda mill-isfidi kbar li anke ż-żgħażagħ tagħna għandhom allinqas uħud u xi drabi anke nies li huma miżżewġin anke nies li huma saċerdoti u reliġjużi. Meta ħajti ddur madwari. Meta ħajti ddur madwar il-bżonnijiet tiegħi. Meta jiena ngħix għalija nnifsi.

Maħbubin tiegħi, aħna li aħna msejħin li ngħixu wara Ġesu’ ħajjitna trid issir don, trid issir Ewkaristija, ħobż maqsum għall-oħrajn, ħasil tar-riġlejn għall-oħrajn. Bħal Ġesu’ rridu ngħidu: ‘Jiena ġejt biex nagħti ħajti għall-oħrajn.’ Mhux ninqeda bl-oħrajn għall-ħajja tiegħi, imma jien biex inkun ta’ servizz u qadi għalihom.

Saqsi lilek nnifsek din il-ġimgħa, X’inhuma l-affarijiet li inti qed tagħlaq għajnejk quddiem il-bżonn ta’ ħaddieħor? Ma nistgħux infafru u ngħidu dik problema tal-kappillan, dik problema tal-gvern. In-nuqqasijiet materjali, il-bżonnijiet tal-imħabba, l-effettivita’ ta’ ħaddieħor li jien naf bihom, huma problema tiegħi, għax min iħobb, min iħobb ma jfarfarx, min iħobb jitgħabba, min iħobb ma jwikkihiex, min iħobb jieħu l-affarijiet fuqu għeżież tiegħi. Ċertament m’aħniex is-salvaturi tad-dinja pero’ dak li nistgħu nagħmlu, ejjew ma nkunux bħal dan ir-raġel li f’ħajja ffissata fuqna nnfusna, aljenati mit-tbatija ta’ persuni oħrajn li huma qrib tagħna, qrib tagħna mhux ‘il bogħod minna. It-tbatija tista’ tkun fiżika, materjali, emozzjonali, spiritwali għax anke nistgħu nkunu spiritwalment għeżież tiegħi. Mimlijin b’ħafna affarijiet spiritwali pero’ l-istess affarijiet spiritwali jaljenawna mill-bżonn vera ta’ ħaddieħor. Noqgħodu attenti għax nistgħu anke l-affarijiet spiritwali xi drabi jaljenawna mill-karita’, mill-ħniena vera tal-proxxmu.

Ejjew ma nfittxux illi ngħixu ħajja li ddur madwarna kemm materjalment kemm spiritwalment, imma nħallu l-Mulej jiftħilna għajnejna, jagħtina qalb safja Ġesu’ biex aħna nistgħu nħarsu lejn l-oħrajn u narawh fil-bżonnijiet tagħhom u nħobbuhom għeżież tiegħi. It-triq t’ Alla, it-triq għall-eternita’ hija l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu tagħna.

Jiena nixtieq nistedinkom għall-laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’ li jmiss, ejjew intom, ġibu lil ħaddieħor magħkom, idħlu fil-Facebook page tiegħi u ssibu l-avviżi kollha li għandkom bżonn b’mod speċjali l-morda nitolbu għalikom fl-aħħar tal-laqgħa personalment għall-bżonnijiet kollha tagħkom. Ejjew intom, ġibu lil ħaddieħor magħkom, jiena nitlob għalikom intom itolbu għalija, il-Paċi magħkom. Kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s