Mibdula bil-qawwa tal-Ispirtu – Riflessjoni fuq is-Solennita’ ta’ Pentekoste (Sena Ċ)

Il-Ħamis, 30 ta’ Mejju 2019: Riflessjoni dwar Atti 1:1-11. (Sena Ċ) (Solennita’ ta’ Pentekoste) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom, għeżież tiegħi.

Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ li hu stedina li jagħmlilna Ġesu’, ġimgħa wara l-oħra. Ġesu’ ma jgħejjiex jagħmlilna din l-istedina, għeżież tiegħi. Xi drabi nisimgħuha, xi drabi ma nisimgħuhiex; xi drabi jkollna qalbna miftuħa, xi drabi nwebbsu daqsxejn rasna.

Ġesu’ ma jitbiddilx kif nitbiddlu aħna. Jekk hemm xi ħaġa sabiħa, għeżież tiegħi, fl-imħabba t’Alla hi din: kollox hu sabiħ. Imma din ma titbiddilx u ma tiddependix minna. Kemm jistgħu jkunu veritajiet dawn li aħna nkunu smajnihom, inkunu nafuhom. Pero’, kemm għandna bżonn indaħħluhom fil-qiegħ nett tal-qalb tagħna; u jkollna l-konvinzjoni, il-persważjoni tagħhom, għeżież tiegħi, li aħna verament maħbubin f’ħajjitna minn dan Alla.

Illum, għeżież tiegħi, nixtieq naqsam magħkom Kelma mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, Kapitlu 2, propju mill-ewwel sat-tlettax-il vers. Din tittratta l-ġrajja ta’ meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli. Imma qabel ma naqraha u naqsam magħkom ftit ħsibijiet, għeżież tiegħi, nixtieq insellem minn qalbi lil dawk kollha li jsegwuna mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, kemm ir-residenti, kif ukoll l-istaff u l-management kollu, lil dawk kollha li intom morda forsi f’xi sptar jew id-dar, ‘l-anzjani f’djar tal-anzjani, is-saċerdoti fid-Dar tal-Kleru, u lil dawk kollha li jsegwuna anke minn barra minn Malta, għeżież permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Insellmilkom mill-qalb ilkoll kemm intom.

1. Rakkont

Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, meta jirrakonta l-ġrajja ta’ Pentekoste, jiġifieri tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, jiddiskriviha b’dan il-mod:

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu m’humiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!” U lkoll, mitlufa bl-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan xi jkun?” Oħrajn bdew jiddieħku u jgħidu: “Dawn xorbu l-inbid ġdid!”

2. Tifsira Ġdida ta’ Pentekoste

Għeżież tiegħi, din il-ġrajja ta’ Pentekoste sseħħ propju f’Pentekoste, pero’ Pentekoste ma jitwilidtx bil-Knisja, għeżież tiegħi. Pentekoste kien il-festa meta l-Lhud kienu jiċċelebraw. Propju, bħalma l-Għid ma twelidx bil-Knisja, ma twelidx lanqas bi Kristu. Kien festa li l-Lhud kienu diġa’ jiċċelebraw: kienu jiċċelebraw il-passaġġ, il-ħruġ tagħhom mill-jasar tal-Eġittu, il-ħelsien għall-Art Imwegħda. Imbagħad, Ġesu’ jagħti sens ġdid lil dan l-Għid li huwa l-Għid tiegħu minn din id-dinja għal għand il-Missier; li huwa l-Għid tagħna, għax hu qed jeħlisna, għeżież tiegħi, mill-jasar tad-dnub — u mhux aktar mill-jasar tal-Eġittu —  għall-ħelsien ta’ wlied Alla li hu l-Art Imwegħda tagħna — Alla nnifsu.

X’kienu jiċċelebraw f’Pentekoste l-Lhud? Ħalli naraw it-tifsira ġdida li jagħti Ġesu’ lil Pentekoste, għeżież tiegħi, fil-misteru ta’ Kristu. F’Pentekoste l-Lhud kellhom żewġ festi illi kienu jingħaqdu flimkien. Kienet festa illi tfakkar meta Alla ta l-liġi lil Mose’. Mela wara li ħareġ lill-poplu Lhudi mill-Eġittu, Alla jieħdu barra fid-deżert u fuq is-Sinai. Hemm jagħtih il-liġi lil Mose’, jiġifieri l-Għaxar Kelmiet, id-Dekalogu, il-Kmandamenti, biex niftehmu, għeżież tiegħi. Allura Pentekoste kien il-mument li fih il-Lhud kienu jfakkru, iroddu ħajr lil Alla, għal dil-liġi li tahom. Imbagħad biż-żmien, din il-festa ġiet festa agrikola. Agrikola x’jiġifieri? Jiġifieri, minħabba li l-Lhud ħafna mix-xogħol essenzjali tagħhom kien imiss mal-ħolqien (bħala bdiewa, bħala rgħajja eċċ.), kienu joffru l-ewwel frott tagħhom fi żmien il-ħsad ‘l Alla.  Dawn iż-żewġ festi, f’Ġesu’ jieħdu sinifikat ġdid.

F’Ġesu’ l-festa ta’ Pentekoste ssir il-festa meta Ġesu’ jagħtina l-liġi ġdida tiegħu. Il-liġi li mhux miktuba fuq it-twavel tal-ġebel kif inkitbet fi żmien Mose’, imma l-liġi li hi miktuba fuq it-twavel ta’ qlubna. Liġi li l-Kmandamenti Alla kien naqqaxhom bis-sebgħa tiegħu fuq t-twavel, issa dan is-sebgħa t’Alla — li hu riferenza għall-Ispirtu s-Santu — naqqax hu din il-liġi fil-qalb tagħna. U x’inhi din il-liġi? Hija l-Kmandament tal-Imħabba. Ġesu’ mhux biżżejjed li qalilna: “Ħobbu lil xulxin”, imma Ġesu’ ried jagħtina l-Ispirtu s-Santu biex aħna nħobbu lil xulxin. Il-liġi vera ma tissejjaħx hekk għax Ġesu’ qalilna biex nagħmluha, imma għax issa hi l-persuna tal-Ispirtu Qaddis, it-tielet persuna tat-Trinita’, li jgħammar fina li hi l-forza u l-qawwa tal-imħabba tagħna. Ġesu’, fi ftit kliem, għamel hekk:

Għall-ewwel qalilna: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” Hu qalilna biex inħobbu ‘l Alla, għeżież tiegħi, imbagħad qabad qalbu u qisu qalilna, “issa, ħudu din; jien irridkom tħobbu lil xulxin u tħobbu lil Alla bl-istess imħabba tiegħi.” Jiena mhux just eżempju għalikom, qisu qalilna. Immaġinaw: bħal kieku Ġesu’ qabad qalbu u poġġiha f’qalbna. Dan hu Pentekoste fis-sempliċita’ kollha: Gesu’ qabad qalbu u poġġiha f’qalbna u qed jgħidilna: “Morru ħobbu bl-imħabba tiegħi.” Din hi qalb Ġesu’: l-Ispirtu s-Santu. San Pawl jgħid:

“Huwa l-imħabba t’Alla msawba fi qlubna.” (Rumani 5 :5)

Imbagħad għandna t-tieni festa, illi f’Ġesu’ tieħu sinifikat ġdid. Din hi l-festa tal-offerta tal-ewwel frott. Min qed joffri l-ewwel frott? Min hu dak il-ħassad li qed joffri l-ewwel frott tax-xogħol tiegħu? Huwa Ġesu’ nnifsu l-ewwel frott tas-Salvazzjoni li kisbilna fuq is-Salib li issa hija l-Knisja, il-Komunita’ Nisranija. Ġesu’ joffri l-offerta tiegħu lill-Missier.

Ġesu’, qabel ma wiegħed li l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-appostli, fl-Atti, kapitlu 1, vers 8, jgħidilhom: “Intom tirċievu l-qawwa meta l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqkom u intom tkunu xhieda tiegħi.”

3. Qawwa u Dgħjufija

Ġesu’, għeżież tiegħi, meta lilna tana l-Ispirtu s-Santu, lilna tana qawwa. U x’qawwa tana? Il-kelma Griega għall-qawwa hija Dunamis li minnha ġejja l-kelma Dynamite, splussiv qawwi. Mela aħna għandna qawwa li tisplodi, għeżież tiegħi, ġewwa fina. Aħna, sfortunatament, fi żminijietna naraw nies Suicide Bombers li jisplodu lilhom infushom u jagħmlu traġedja madwarhom. Kemm hija ħasra, kemm għall-persuna li tagħmel hekk u għan-nies li jisfaw vittmi ta’ dan l-atteġjament. Alla ma jridx li aħna nisplodu lilna nfusna, maħbubin tiegħi, imma Alla, jekk nista’ nużaha din il-kelma, sploda lilu nnifsu ġewwa fina. Din l-isplużjoni tal-imħabba tiegħu fil-qalb tagħna, għeżież tiegħi, hi Pentekoste. Hija din il-qawwa ta’ Ġesu’ li fil-qalb tiegħek trid iġġib din il-bidla; din id-Dynamite li fiha din il-qawwa tremenda li tbiddlek.

U nixtieq nenfasizza fuq dan l-element ta’ qawwa. l-għaliex? Għax Ġesu’ jaf li aħna dgħajfin. Għalhekk wegħedna l-qawwa, u jiena nixtieq li nagħmel kuraġġ lil kull min qiegħed jaqta’ qalbu, lil kull min qed iħossu dgħajjef. Jista’ jkun li tħossok dgħajjef fiżikament, tista’ tkun tħossok dgħajjef quddiem id-dnub, forsi hemm dnub partikolari, hu x’inhu dan id-dnub, illi qed tipprova tinqala’ minnu u tagħmel ġimgħa liberu minnu u teġa’ taqa’ fih wara. Ilek ħafna tistragilja, tiġġieled ma’ dan id-dnub.

Forsi tħossok dgħajjef għaliex hemm ċerta biża’ fil-qalb tiegħek illi mhix tħallik tkun dak li int. M’hix tħallik tagħmel dak li kieku tixtieq tagħmel, biża’ li żżommok milli xxandar lil Ġesu’, milli tevanġelizza, biża’ li żżommok milli tieħu deċiżjonijiet tajbin fil-ħajja tiegħek, biża’ milli żżommok illi tkun differenti mill-bqija ta’ sħabek fuq ix-xogħol. Allura xi drabi, minħabba din il-biża’, tispiċċa titkaxkar mal-kurrent. Biża’ bħal din jew dgħjufija li fil-ħajja twasslek li ma tgħidx le, meta għandek tgħid le. Tant nies daħlu fi problemi u nkwiet għax ma jafux jgħidu le! Għeżież tiegħi, iħossuhom dgħajfin. Id-dgħjufija illi ma nirreżistux dak li hu ħażin, għeżież tiegħi, fis-soċjeta’, madwarna; illi nibżgħu ngħidu l-verita’ kif inhi, għax nibżgħu li naqilgħuha. Araw, għeżież tiegħi, il-biża’ li nagħmlu affarijiet ġodda fil-ħajja tal-Knisja, fil-ħajja tal-Komunitajiet tagħna, fil-ħajja tal-gruppi, fil-ħajja tagħna personali, fil-ħajja tal-familja. Dawn il-biżghat jipparalizzawna, għeżież tiegħi!

Dgħjufija oħra li aħna nistgħu nħossu fina hija skont l-istat ta’ ħajjitna. Jiena nista’ nħoss dgħjufija bħala saċerdot, patri. Intom, maħbubin tiegħi, forsi tħossu d-dgħjufija fiż-Żwieġ tagħkom, forsi għejjejt tittama, forsi għejjejt tħobb, forsi għejjejt terġa’ tagħti ċans lil żewġek u lil martek u lil Uliedek, forsi għejjejt taħfer, forsi tħossok bla saħħa, hopeless quddiem problemi kbar ta’ wliedek. Fejn naf jien, hemm problemi fiż-Żwieġ tagħhom, problemi ta’ droga, problemi ta’ xogħol, problemi ta’ tant realtajiet illi jistgħu iġibu fuqhom, forsi minħabba żbalji u taħwid li daħlu fihom, jew għaliex huma vittma ta’ żbalji ta’ ħaddieħor. Ċioe’, dawn iċ-ċirkustanzi li aħna jwassluna sabiex naqtgħu qalbna, to give up, u tgħid: “Isma’, se naqbad u nabbanduna kollox: abandon ship”.

Għeżież tiegħi, il-festa ta’ Pentekoste, din il-ġrajja trid tfakkarna li Alla jaf b’dawn id-dgħjufijiet tagħna, u llum, f’Pentekoste, Ġesu’ jista’ jgħidilna dak li darba qal lil San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin għeżież tiegħi, kapitlu 12, vers 9 meta qallu:

“Il-grazzja tiegħi hija biżżejjed għalik, għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”

Kemm hija kelma qawwija din! Għalija din hi ħafna għal qalbi, għeżież tiegħi. Tatini ħafna kuraġġ għalija personali, għax jien bniedem dgħajjef ħafna wkoll, pero’ naf li l-qawwa t’Alla fija hija wisq ikbar mid-dgħjufija tiegħi. Naf dak li jgħid San Ġwann:

“Dak li hu ġewwa fikom hu wisq aqwa minn dak li huwa barra minnkom.”

Maħbubin tiegħi, jekk lilna l-Insara hemm xi ħaġa li tgħaqqadna flimkien u ma’ min ma jemminx, hija d-dgħjufija tagħna. Id-dgħjufija hija l-common denominator ta’ kull wieħed u waħda minna, hu x’inhu t-twemmin tagħna jew in-nuqqas ta’ twemmin tagħna, hi x’inhi r-reliġjon jew in-nuqqas ta’ reliġjon tagħna, hi x’inhi l-fidi jew in-nuqqas ta’ fidi tagħna, hu x’inhu x-xogħol tagħna jew in-nuqqas tiegħu, hu x’inhu l-kulur tal-ġilda tagħna, huma x’inhuma s-sitwazzjonijiet f’ħajjitna, int min int — aħna lkoll nies dgħajfa, għeżież tiegħi. Fina lkoll hemm ċerta dgħjufija: ta’ min toħroġ mod, u ta’ min toħroġ mod ieħor. Ġesu’ qed jgħidilna llum: “Jien il-qawwa tagħhkom. Jien nagħtikom l-Ispirtu tiegħi.” Dan hu kif jgħid San Pawl: “Aħna rċevejna l-Ispirtu tal-Qawwa” għeżież tiegħi, u allura għaliex nibqgħu naqtgħu qalbna? Għaliex nibqgħu nitkaxkru? Għaliex ma ndurux lejn din il-Qawwa?

Aħna għandna għażla fil-ħajja tagħna:

  • jew noqgħodu nibku xortina u noqgħodu nitħassru lilna nfusna għaliex aħna nies dgħajfin
  • jew inkella niffukaw il-ħarsa tagħna fuq Ġesu’ li jrid jimlina bil-qawwa tiegħu.

Ejjew nagħmlu kuraġġ! Ejjew naraw li ħadd minna ma jitkaxkar, maħbubin tiegħi. Qed ngħidilkom dan minn qalbi. M’għandi xejn speċjali x’nista’ ngħidilkom u noffrilkom. Konvint minn dan. Konvint li hawn saċerdoti li kapaċi jispjegaw il-Kelma t’Alla wisq aħjar minni. Pero’, fil-qalb tiegħi nġorrkom, għeżież tiegħi, u nixtieq nagħmlilkom kuraġġ, anzi kuraġġ kbir. Ġesu’ llum wegħedna din il-qawwa u tahielna.

4. Kuntest meta ġiet il-Qawwa: għax dgħajfin, inghaqdu u talbu ma’ Marija

L-appostli, għeżież tiegħi, f’liema kuntest irċevew din il-qawwa?

Kienu konxji mid-dgħjufija kbira tagħhom. Kienu għadhom kif lil Ġesu’ ċaħduh u warrbuh. Anke wara li dehrilhom u tela’ s-sema, wħud minnhom iddubitaw qalilna il-Vanġelu. Mela konxji mid-dgħjufija ta’ xulxin, kienet Knisja dgħajfa, pero’ t-tieni ħaġa li għamlu kienet li talbu. Ċioe’, baqgħu flimkien u baqgħu jitolbu flimkien.

Għeżież tiegħi, meta aħna dgħajfin, ningħaqdu. Meta nippruvaw inkunu b’saħħitna nagħmlu Tug of War. It-tfal, għax konxji li huma dgħajfin, malajr jingħaqdu u jgħinu lil xulxin. Pero’, meta nibdew nikbru, kulħadd irid jafferma l-qawwa tiegħu, id-differenza tiegħu u nispiċċaw ninfirdu. Għeżież tiegħi, aħna għandna bżonn nirrealizzaw li fid-dgħjufija tagħna rridu ningħaqdu.                

  • Fid-dgħjufija fiż-Żwieġ, mhux inkissru ż-Żwieġ.
  • Fid-dgħjfuija fil-Knisja, mhux inkissru ‘l-Knisja.
  • Fid-dgħjufija fis-Soċjeta’ tagħna, mhux inkissru s-Soċjeta’ tagħna.
  • Fid-dgħjufija tagħna s-Saċerdoti mhux inkissru lil xulxin, imma ningħaqdu bejnietna.
  • Fid-dgħjufija fil-kunventi mhux nitkissru, imma ningħaqdu, għeżież tiegħi.

Id-dgħjufija trid tgħaqqadna, id-dgħjufija trid iġġibna flimkien, għeżież tiegħi. Iċ-ċkejknin isibu l-faraġ u l-wens f’xulxin. Forsi għalhekk Ġesu’ ħalla lill-appostli lkoll kemm huma jiżbaljaw, ilkoll jitilquh, ħalli jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien f’din id-dgħjufija u ħadd ma jipponta subgħajh lejn ħadd. Baqgħu magħquda flimkien u talbu. Kemm għandna bżonn li aħna nitolbu!

Aħna mmorru l-Quddies il-Ħadd. Inħeġġiġkom, ta. Jekk xi ħadd minnkom forsi qata’ mill-Quddies tal-Ħadd jew minn mumenti ta’ talb: kuraġġ! Dan hu mument li tista’ terġa’ tibda! Anke jekk forsi qed tistaqsi lilek innifsek: imma issa ħa ndur lejn Alla jiena:

  • Għax għaddej ħażin?
  • Għax imradt?
  • Għax għandi problema mat-tfal?
  • Għax għandi problema fuq ix-xogħol?
  • Għax dħalt fi kriżi?
  • Għax ma għandix skop għalxiex ngħix?

Iva, għalhekk, jekk hemm bżonn, ukoll. Ħafna drabi, dawn huma mumenti li fihom Alla jseħilna, ta. Huma mumenti ta’ turning point fil-ħajja tagħna. Ma nkunux suppervi fid-dgħjufija tagħna: nduru lejn Alla, nagħmlu kuraġġ u ma naqgħtux qalb xulxin, maħbubin tiegħi. Imma rridu nitolbu flimkien, irridu nduru lejn it-talb flimkien. Sfortunatament, għeżież tiegħi, meta nieqfu nitolbu, nieqfu nistrieħu fuq il-qawwa t’Alla u nibdew nippruvaw nistrieħu fuqna nfusna. Imma jekk tistrieħ fuqek innifsek, mhux tgħaffiġha tista’?

Imma, bil-qawwa t’Alla magħna, għandna bżonn li nitolbu biex nirċievu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-bniedem li ma jitlobx huwa powerless. Il-bniedem li jitlob huwa powerful, għeżież tiegħi. Min ma jitlobx huwa powerless, imma min jitlob huwa powerful! Mhux għax għandu l-qawwa hu, imma għax il-qawwa ġejja mill-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi.

L-appostli wkoll talbu flimkien ma’ Marija. Ommna Marija, għeżież tiegħi, l-għaxqa tagħha bħala Omm hi li tiġbor il-familja flimkien, tiġbor lil uliedha. Ġesu’ qalilha lill-Madonna: “Hawn hu Ibnek” għad-dixxiplu l-maħbub. Aħna lkoll id-dixxipli maħbubin ta’ Ġesu’. Mela lkoll kemm aħna rridu niskopru lil Marija bħala Ommna, nitolbu flimkien magħha, nitolbu l-interċessjoni tagħha, għeżież tiegħi. Dan huwa s-sabiħ tar-Rużarju Mqaddes. It-talba tar-Rużarju jiena nħeġġiġkom biex ma naqtgħuhiex mill-ħajja personali, mill-ħajja tal-familji tagħna, mill-ħajja tal-Komunitajiet tagħna. Meta aħna nitolbu ma’ Marija, aħna nirċievu din il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Meta Marija marret għand Eliżabbetta, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqha. Meta l-appostli talbu ma’ Marija, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom.

Ejjew inkunu Komunita’ li fid-dgħjufija tagħna nibqgħu magħqudin flimkien, nibqgħu nitolbu flimkien, nitolbu ma’ Marija ħalli jkollna l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex nibqgħu għaddejjin f’dak kollu li Ġesu’ qabbadna biex nagħmlu fil-mixja tal-ħajja tagħna.

Il-Paċi magħkom!

Kunu imberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s