
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Mulej Maħbub, meta tul ħajtek fuq din l-art kien hemm wieħed li qallek “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk,” Int weġibtu:
“Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.”
(Mattew 8: 19-20)
Dan jurina b’mod ċar li Int għext bla xejn tiegħek u ma kellekx dar fejn fiha stajt timtedd u tistrieħ hekk kif jeħtieġ kull bniedem. Int għażilt li tgħix fil-faqar u għalhekk taf x’jiġifieri ma ssibx x’tiekol, x’tixrob, x’tilbes u lanqas saqaf fuq rasek.
Nitolbok għalhekk bi ħrara kbira, għan-nies foqra kollha li lanqas għandhom dak li hu neċessarju biex wieħed jgħix. Qanqal tant qlub ġenerużi biex jieqfu magħhom u jagħtuhom li jeħtieġu fi spirtu ta’ fratellanza u mħabba vera. Ibgħatilhom tobba u imfermiera li jdewwuhom u jduru bihom. Għallem lil dawn in-nies kif jistgħu jaqalgħu l-għajxien tagħhom u iftħilhom toroq li mhux jaraw li jwassluhom għal futur mimli tama.
Fil-Ktieb ta’ Ġeremija Int għidilna:
“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. Intom issejħuli u tiġu titolbuni u Jien nismagħkom, tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni, oraklu tal-Mulej, u jiena nbiddel xortikom”.
(Ġeremija 29: 11-13)
Agħmel issa kif għidt ma’ dawn in-nies imsejkna li qed ibatu minħabba r-regħba ta’ ħaddieħor. Agħtihom ukoll li jfittxu u jsibu lilek u jagħrfu Fik l-akbar Teżor li jistgħu jgawdu hawn u fl-eternita’.
Grazzi talli naf li tfajt fuq il-foqra ħarsa ta’ ħniena. Miss Int il-qalb tal-bniedem tal-lum u iftaħlu għajnejh għall-ħtiġijiet ta’ ħutu u agħmel li ma joqgħodx bi kwietu qabel ma jagħmel ħiltu kollha biex jipprova jtemm il-faqar fuq l-art ħalli l-bnedmin kollha maħluqa xbieha tiegħek ikunu jistgħu jgħixu bid-dinjità li tixraqilhom. Agħmel dan għall-glorja tiegħek. Ammen. Halleluia.