L-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa – Riflessjoni minn Fr Hayden

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi.

Fil-mixja tagħna biex niċċelebraw il-misteru tal-Għid matul din il-Ġimgħa Mqaddsa, nixtieq nieqfu fuq mument partikulari meta Ġesu’ lill-appostli, ċioe’ l-iktar nies qrib tiegħu, għal tliet darbiet f’Vanġeli differenti, b’mod speċjali f’San Mattew u f’San Mark u f’San Luqa, iħabbrilhom il-ġrajja tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu li din jista’ jkollha sinifikati differenti. Jiena xtaqt nieqaf fuq dawn l-aspetti li nixtieq naqsam magħkom.

L-ewwel ħaġa, jekk niħduhom fil-kuntest tal-Evanġelu ta’ San Luqa, dawn it-tliet taħbiriet f’liema kuntest isiru biex naraw anke x’tagħlima partikulari jista’ jkollhom għalina? L-ewwel darba illi Ġesu’ jħabbar lill-appostli l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu kien propju wara li Ġesu’ għamel miraklu t’eżorċiżmu meta ħeles persuna mill-ħakma tax-xitan. In-nies kollha, inklużi l-appostli, kollha kienu qed jistgħaġbu b’dak li għamel Ġesu’ u f’dan il-waqt ħabbrilhom mill-ewwel il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu. Donnu Ġesu’ lill-appostli ma ridhomx jiġu mkaxkrin mill-fatt li huwa qed ikeċċi x-xjaten, minn dawn l-affarijiet li jidhru sopranaturali u li jistgħu jaffaxxinawhom. Imma jrid jurihom minfejn ġejja l-qawwa vera kontra r-rebħa tax-xitan. Din il-qawwa vera li ġejja, għeżież tiegħi, mill-qawwa tas-Salib tiegħu. Jista’ jkun li anke lilna l-Mulej Ġesu’ qiegħed jiġbdilna l-attenzjoni li aħna mhux niġru warajh għall-affarijiet sopranaturali, spettakolari, imma jrid jeħodna għal dak li huwa l-qalba verament tiegħu l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu.

It-tieni tħabbira, għeżież tiegħi, narawha sseħħ f’kuntest ieħor partikulari. Huwa l-kuntest meta wieħed mill-appostli, Pietru, jkollu dawl ta’ min hu Ġesu’. Ġesu’ li huwa l-Messija. Ġesu’ jgħidlu, “isma’ dana mhux int qiegħed tgħidu, imma l-Missier nebbħek”. U Ġesu’ mill-ewwel imbagħad jispjegalhom x’tip ta’ Messija huwa: il-Messija li kellu jbati, imut u jqum mill-mewt. U hawnhekk Ġesu’ qiegħed jurina liema hu l-ikbar għarfien aħna jista’ jkollna tiegħu. Aħna jista’ jkollna maħbubin tiegħi l-isbaħ teoloġija, l-isbaħ tagħlim li għamilna fil-klassi, fid-duttrina, fl-istudji li stajna għamilna, fil-qari tagħna dwar min hu Ġesu’. Pero’, jekk aħna mhux se naslu nagħrfu lil Ġesu’ bħala dan l-Imsallab, kif iħobb jgħid San Pawl, aħna jista’ jkollna ħafna għarfien, knowledge, dwar Alla, pero’ aħna msejħin illi jkollna dir-relazzjoni diretta ma’ Ġesu’ Msallab.

L-għarfien tiegħek ta’ Ġesu’ qiegħed iwasslek biex tagħraf Ġesu’ min hu fuq is-Salib? Tant drabi Ġesu’ meta kien jagħmel xi miraklu lin-nies kien jgħidilhom biex ma jitkellmux, ma jgħidilhomx min hu għaliex? Għax Ġesu’ ried li aħna nagħrfuh min hu fil-verita’ fuq is-Salib. Issa din interessanti għaliex xi wħud minna għeżież tiegħi s-Salib jiskandalizzana. Aħna kif nistgħu nħejju ruħna biex nagħrfu li fis-Salib se nagħrfu lil Alla, meta aħna xi drabi s-Salib jista’ jurina dan il-persuna Alla li huwa dgħajjef u mhux Alla li kif inpoġġuh f’moħħna li huwa qawwi, li ħa jeqred il-ħażen, li se jkisser in-nies, li se jiġġudika. Le! għeżież tiegħi fuq is-Salib dan Alla huwa biex ngħidu hekk l-iktar esseri vulnerabbli bil-maqlub ta’ dan l-għarfien li aħna nistgħu naħsbu li għandna t’Alla. Meta għandna tant reliġjonijiet, tant filosofiji ta’ nies illi minn jaf x’nagħmlu minn Alla. Ġesu’ ried idaħħalna f’dan l-għarfien vera ta’ Kristu Msallab.

Imbagħad għandna mument ieħor ta’ tħabbira tal-Passjoni ta’ Ġesu’ li ssir f’kuntest partikulari. Meta l-appostli jgħidulu lil Ġesu’, b’mod speċjali permezz ta’ San Pietru: “aħna ħallejna kollox u ġejna warajk. X’se nieħdu?” U Ġesu’ jgħidilhom: “Ħa tieħdu mitt darba lura dak li ħallejtu warajkom, inkluż il-persekuzzjoni u l-ħajja ta’ dejjem.” U Ġesu’ mill-ewwel jibda jitkellem dwar li huwa kellu jbati, jmut u jqum mill-mewt.

Ġesu’ hawnhekk qiegħed jagħmel shift anke fil-ħajja tal-appostli milli jkunu dixxipli mexjin warajh biex jaraw x’se jakkwistaw, għeżież tiegħi. Ġesu’ jgħidilhom: “Ismimghu, biex timxu warajja veru, tridu timxu warajja bħala l-mislub, il-miċħud. Mhix kwistjoni ta’ x’se takkwistaw biss,  imma anke wkoll ta’ x’se titilfu minħabba fija.” Allura t-tħabbira tal-Passjoni narawha li ssir f’kuntest anke ta’ mixja ta’ dixxipulat li Ġesu’ qed juri lill-appostli min għandhom ikunu l-vera dixxipli tiegħu. Dan il-mument huwa mument ħafna importanti għaliex aħna faċilment jista’ jkun li, għeżież tiegħi,  naħsbu illi nimxu wara l-Mulej biex nakkwistaw xi ħaġa. Mentri hemm mumenti, għeżież tiegħi, li aħna nimxu wara Ġesu’ mhux biex nakkwistaw, sabiex nitilfu xi ħaġa fil-ħajja tagħna.

Fl-aħħar mill-aħħar, mhux hekk hi l-imħabba? Inti meta tħobb dejjem biex takkwista mingħand il-persuna l-oħra? Jew xi drabi, minħabba l-persuna li inti tħobb, se jkollok titlef xi ħaġa minħabba fiha? Din hija r-realta’ taż-żwieġ, tal-familja, ta’ kull imħabba, anke l-imħabba tagħna s-saċerdoti li rridu nitilfu xi ħaġa biex aħna nħobbu lilkom fil-komunita’ Nisranija, biex inkunu aħna stess eżempju u mera ta’ dixxipulat radikali tal-ħajja ta’ Ġesu’.

L-aħħar ħaġa. Ġesu’ lill-appostli jippreparahom bil-mod il-mod anke għal din il-Passjoni, għax il-Passjoni tiegħu kellha tkun anke xokk għalihom fil-mixja tagħhom. Jekk aħna nkunu intimi m’Alla, nkunu nies ta’ talb, għeżież tiegħi. Il-Mulej Ġesu’, fil-qalb tagħna, fit-talb, fil-Kelma t’Alla tant jippreparana u jħejjilna qalbna għal dak li aħna ngħaddu minnu fil-mixja tal-ħajja tagħna.

Jalla, għeżież tiegħi, t-tliet tħabbiriet li Ġesu’ jagħti niskopru anke aħna li huma f’kuntest fejn Ġesu’ jrid jiġbed l-attenzjoni kompletament fuqu biex jurina hu min hu fil-verita’ fil-ħajja tagħna – l-Imsallab u l-Irxuxtat: l-Imħabba li tat lilha nnfisha totalment fuq s-Salib u li rebħet lill-mewt, il-ħażen u d-dnub. Jalla f’dil-Ġimgħa Mqaddsa niskopru lil dan Ġesu’ u qalbna tkun imħejjija għalih.

Il-Paċi magħkom. Kunu mberkin.

Mur għal Ħamis ix-Xirka

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a comment