It-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa – Riflessjoni minn Fr Hayden

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar it-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi.

Fil-mixja tagħna matul din il-Ġimgħa Mqaddsa llum ser npoġġu daqsxejn il-ħarsa tagħna fuq it-tradiment ta’ Ġuda u ċ-ċaħda ta’ Pietru. L-ewwel ħaġa li nixtieq naqsam magħkom huwa l-fatt biss illi fil-Vanġeli, u kważi fil-Vanġeli kollha, nsibu din ir-realta’: illi Ġuda ċaħad lil Ġesu’, flimkien ma’ Pietru. Din qiegħedha miktuba fil-Vanġelu. Il-fatt li l-Knisja, l-ewwel komunita’ ta’ Nsara, ma ħbewx din ir-realta’ tad-dgħjufija fil-mexxejja ewlenin tagħha, għalija hi xi ħaġa li tispirani, għaliex il-Knisja ma taħbix id-dgħjufija tagħha stess.

Il-Knisja ma taħbix id-dgħjufija tal-membri, forsi tal-akbar esponenti tagħha, dawk li anke jistgħu ikunu fi żminijietna d-dgħjufija tagħna s-saċerdoti, id-dgħjufija tal-mexxejja tal-Knisja, fil-persuna anke tal-isqfijiet. Għaliex il-Knisja mhix komunita’ ta’ nies li diġa’ huma perfetti. Il-Knisja, f’waħda mill-parabboli li tana Ġesu’, jqabbilha ma’ qamħ u sikrana. Fil-Knisja, għeżież tiegħi, jeżisti l-qamħ u teżisti s-sikrana. Daqskemm għandna fil-Passjoni l-fatt illi d-dixxiplu l-maħbub jibqa’ ħdejn is-Salib ta’ Ġesu’, daqstant ieħor għandna r-realta’ illi Ġuda ttradixxa lil Ġesu’, li Pietru ċaħdu u li l-bqija tal-appostli abbandunawh. Allura, għeżież tiegħi, hija ta’ konsolazzjoni għalija li ngħid li nistgħu niftakru, għeżież tiegħi, illi anke fil-bidu tal-Knisja kien hemm mumenti ta’ dgħjufija.

Pietru meta ċaħad lil Ġesu’, Ġesu’ qallu li serduk kellu jfakkru f’dak li għamel. Bħalissa qed nisimgħu ħoss ta’ qanpiena għeżież tiegħi. Il-ħoss tal-qanpiena huwa l-leħen t’Alla għalina l-Insara. Għalhekk għandna l-qniepen jdoqqu biex isejħulna. Ħafna drabi nisimgħu per eżempju l-Knisja ddoqq xi kwarta qabel ma tibda l-Quddiesa, jew qabel ir-Rużarju, jew meta persuna tmut iddoqq il-mota, jew meta jkollna funeral. Huwa l-leħen tal-Mulej illi qed isejħilna. Is-serduk illi ‘l Pietru jfakkru, għeżież tiegħi, fil-verita’ mhux is-serduk normali. Is-serduk ifakkru fil-kelma li qallu Ġesu’. Ġesu’ x’kien qallu lil Pietru, biex nibdew bih?

Kien qallu: “Piet, sa ma s-serduk jidden tliet darbiet, int tkun ġa’ ċħadtni tliet darbiet.” L-ewwel ħaġa li naraw illi Ġesu’ ‘l Pietru jippreparah għal dan il-mument ta’ ċaħda, għaliex il-Mulej jaf il-mixja tagħna. Pero’ taf x’inhu s-sabiħ? Is-sabiħ mhux li Ġesu’ qisu xi hero u jaf x’se jiġri. Le! Is-sabiħ tafu x’inhu? Li Ġesu’ jaf li Pietru se jiċħdu u xorta jagħżlu u ma jgħidlux, “Piet jiena naf li se tiċħadni. Ħa nwarbek, ta, ħalli nagħżel lil ħaddieħor.” Le! Għeżież tiegħi, aħna lkoll Pietru matul din il-Ġimgħa Mqaddsa. Aħna wkoll il-Mulej xi darba fetħilna għajnejna. Aħna wkoll xi darba s-serduk idden għalina, il-qanpiena daqqet fil-ħajja tagħna, imma l-Mulej xorta jibqa’ jagħżilna.

Issa, meta Pietru ċaħad lil Ġesu’, għeżież tiegħi, aħna ngħidu illi ċaħdu tliet darbiet. Pero’ meta naraw b’daqsxejn attenzjoni ċ-ċaħda ta’ Pietru x’kienet, naraw li fit-tliet darbiet Pietru ma jiċħadx ‘l Ġesu’ bl-istess mod.

L-ewwel darba, per eżempju jiċħad il-persuna ta’ Ġesu’ : “Jien lilu ma nafux.” “Int kont miegħu.” “Jiena ma nafux.” Ċioe’ huwa l-mument meta aħna nwarrbu lil Ġesu’ b’mod ċar u b’mod dirett fil-ħajja tagħna: “Mulej ma rridx naf aktar bik!”

Ċaħda oħra ta’ Pietru. Dik il-mara tgħidlu: “Int kont magħhom.” Allura, Pietru hawnhekk lil min qed jiċħad? Dawk li huma ta’ madwar Ġesu’, li hija l-komunita’, li hija l-Knisja. Issa ċ-ċaħda ta’ Pietru mhix biss iċ-ċaħda tal-persuna ta’ Ġesu’, imma hija ċ-ċaħda tal-komunita’; bħalma aħna wkoll xi drabi, għeżież tiegħi, nistgħu niċħdu l-komunita’, niċħdu l-Knisja. Nista’ niċħad ukoll il-komunita’ ċkejkna tiegħi li tista’ tkun iż-żwieġ, ‘l-familja tiegħi.

Imbagħad iċ-ċaħda l-oħra li għamel Pietru meta jgħidulu: “Int mill-Galilija għaliex ilsienek jikxfek.” Jgħid: ”Le! M’inhix.” Jiċħadha. Il-Galilija x’kienet tfisser għal Pietru? Kienet tfisser il-post fejn Pietru ra l-mirakli ta’ Ġesu’, il-post fejn sema’ lil Ġesu’ jippriedka, il-post fejn hu stess mexa fuq il-baħar. Ċioe’, Pietru qed jiċħad issa l-esperjenzi li kellu ma’ Ġesu’. Jista’ jkun, maħbubin tiegħi, li aħna wkoll kellna esperjenza xi darba tal-qawwa t’Alla fil-ħajja tagħna. Forsi kont f’laqgħa ta’ talb, forsi kont f’pellegrinaġġ, kont f’ċirkustanza, irtir, kien x’kien, li inti taf li doqt l’Alla. Pero’ mbagħad, għax għaddejt minn żmien iebes, f’daqqa waħda nsejt kollox. Kemm faċilment aħna ninsew, għeżież tiegħi. Taqbadna dimensia spiritwali, ninsew dak li l-Mulej għamel għalina fil-ħajja tagħna. Dawk kienu ċ-ċaħdiet ta’ Pietru.

Ġuda, għeżież tiegħi, nafu illi b’mod aktar espliċitu l-Vanġelu jgħidilna li x-xitan daħal ġewwa fih. Bħalma nafu, ix-xitan ittanta lil Pietru biex jiċħad lil Ġesu’ . Għax Ġesu’ qallu li “x-xitan irid jgħaddik mill-għarbiel, imma jiena tlabt għalik.” Għeżież tiegħi, Ġuda jfakkarna li x-xitan jipprova jipposiedi l-qalb tagħna, ċioe’ jipprova jaħkem l-intellet, il-ħsieb, l-emozzjoni, ir-rieda, il-volonta’; kulma lilna jmexxina għall-imħabba lejn Alla, hu jipprova jfixkilulna. Aħna għandna għadu li jeżisti, pero’ l-istorja tal-Passjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mhix r-rebħa tax-xitan. Hija r-rebħa ta’ Ġesu’ fuq ix-xitan. Allura, anke jekk aħna nħossu, għeżież tiegħi, illi b’xi mod qed nitbiegħdu minn Alla għax il-ħażen qed jipprova jirbaħna u jkissirna, ejjew nirrealizzaw li m’għandiex għalfejn niddispraw u naqtgħu qalbna kif għamel Ġuda: ir-rebħa mhix tal-ħażen.

Ejjew, bħal Pietru, nxerrdu d-dmugħ tal-indiema, immorru fi ħdan Ġesu’, nitolbuh maħfra, nafdaw fih fit-tbatijiet tagħna u bil-mod il-mod, kif se jiġri matul dil-Ġimgħa Mqaddsa, ħa nesperjenzaw ir-rebħa ta’ Ġesu’ fuq id-dnub u fuq il-ħażen fil-ħajja tagħna.

Awguri għeżież tiegħi, Nibqgħu flimkien. Is-sabiħ ġej. Il-Paċi magħkom. Kunu mberkin.

Mur għall-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s