Ħamis ix-Xirka – Riflessjoni minn Fr Hayden

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar Ħamis ix-Xirka. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi,

Ħamis ix-Xirka tfakkarna f’mumenti sbieħ u intimi fil-mixja tagħna li qegħdin nagħmlu biex niċċelebraw il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesu’. Ċertament, l-ewwel ħaġa illi tfakkarna huwa meta Ġesu’ fl-Aħħar Ċena, l-aħħar ikla tiegħu qabel ma jbati, jaħsel saqajn l-appostli, Ġesu’ jwaqqaf l-Ewkaristija.

San Luqa meta jiġi biex jintroduċina għal dan il-mument, b’mod partikulari jgħidilna li Ġesu’ jgħid dal-kliem:

“Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-aħħar ikla magħkom qabel ma nbati!” (Luqa 22: 15)

Ċioe’, Ġesu’ hawnhekk qed jitkellem mix-xewqa tiegħu profonda. Ix-xewqa tiegħu li jidħol f’għaqda magħna, f’komunjoni magħna; ix-xewqa tiegħu li jagħtina lilu nnifsu kompletament bħala att ta’ mħabba. Forsi din ix-xewqa aħna mhux dejjem konxji tagħha, forsi mhux dejjem aħna napprezzaw kemm Ġesu’ jixtieqna, kemm Ġesu’ lilek jixtieqek. Ġesu’ ‘l quddiem se nisimgħuh jgħid fuq is-Salib:

“Għandi l-għatx.” (Ġwanni 19: 28)

L-għatx ta’ Ġesu’ huwa għalik, ħija u oħti. Se jibda propju minn dan il-lejl qaddis. Fil-kuntest tal-Aħħar Ikla, Ġesu’ nsibuh iwaqqaf l-Ewkaristija Mqaddsa. Ħin minnhom jaqbad il-ħobż u jgħidilhom:

“Dan hu Ġismi.” (Mark 14: 22)

Jaqbad il-kalċi u jgħidilhom:

“Dan hu Demmi.” (Mark 22: 24)

X’kienet din l-ikla? Din l-ikla kienet ikla li tfakkar meta Alla, permezz ta’ Mose’, ħeles lill-poplu Lhudi mill-jasar tal-Eġittu biex jagħtih il-liberta’. Kienet l-ikla li tfakkar dan il-passaġġ ta’ Alla li jgħaddi minn dan il-poplu biex jeħilsu, meta l-poplu Lhudi u Ġesu’ bħala Lhudi, flimkien mal-ewwel komunita’ tal-appostli li kienu Lhud, qed jiċċelebraw dan Alla li se jgħaddi minn nofshom. Diġa’ għadda minn nofshom fit-Testment il-Qadim u qed jistennewh jerġa’ jgħaddi minn nofshom. Issa din mhijiex biss tifkira ta’ dak li Alla għamel permezz ta’ Mose’, imma se ssir realta’ ta’ dak li Alla se jagħmel fil-persuna ta’ Sidna Ġesu’ Kristu li se jgħaddi minn ġo nofsna biex jeħlisna mhux mill-jasar tal-Fargħun jew mill-Eġittu. Imma biex jeħlisna mill-jasar tax-xitan u mill-Eġittu ta’ ġewwa fina, għeżież tiegħi, li huwa l-post fejn aħna ngħixu xi drabi ta’ lsiera tal-egoiżmu tagħna stess, tad-dnub tagħna stess. Huwa f’dal-kuntest illi Ġesu’ hawnhekk issa juri lilu nnifsu bħala s-Salvatur tal-bniedem illi se jagħti lilu nnifsu kompletament biex jeħlisna bil-qawwa ta’ dak li hu se jagħmel għalina. U Ġesu’ hawnhekk jurina lilu nnifsu f’din l-umilta’, f’din iċ-ċkunija tiegħu, illi fl-Ewkaristija Mqaddsa jrid ikompli jdaħħalna f’dal-misteru profond li Alla lilna jrid jeħlisna, irid jilliberana.

Pero’ fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu dettal illi ma nsibuhx f’San Mattew, f’San Mark u f’San Luqa. Ġesu’ f’ħin minnhom f’din l-ikla x’jagħmel? Ineħħi l-mantar, għeżież tiegħi, u jilbes il-fardal ma’ qaddu u jibda jaħsel saqajn l-appostli. Hawnhekk għandna dan il-ġest ta’ umilta’ ta’ Ġesu’ jurina xi jfisser il-Quddies, xi tfisser l-Ewkaristija: dawn ifissru li Ġesu’ jiġi jaqdina. Fuq kollox jurina xi tfisser l-imħabba, l-imħabba tagħna bħala Nsara. Għaliex wara dal-ġest, Ġesu’ ħa jagħmel diskors twil f’San Ġwann kapitlu 14, 15, 16, 17 fejn se jkellimna fuq l-imħabba intima tagħna bejnietna l-Insara li aħna msejħin li nkunu komunita’ li naħslu saqajn xulxin.

Li taħsel saqajn xi ħadd kien role illi jagħmlu l-ilsir fi ħdan id-dar: kien role baxx ħafna u Ġesu’ jiċċekken u  jieħu l-iktar post baxx. Din hi l-imħabba. Ġesu’ jurina li jekk aħna rridu nħobbu rridu nieħdu l-inqas post fis-soċjeta’, l-inqas post fil-Knisja, l-inqas post fil-komunita’, l-inqas post fil-familja. Imma xi drabi s-suppervja tagħna hija bil-maqlub. Aħna rridu ngħolew fuq xulxin flok li niċċekknu. Ġesu’ jurina li t-triq tal-imħabba vera hija ċ-ċkunija, hija l-qadi. Interessanti li wara li jaħslilhom saqajhom lill-appostli, Ġesu’ l-fardal ma jneħħihx: jerġa’ jilbes il-mantar imma l-fardal jibqa’ ma’ qaddu. Ġesu’ jmur għall-Passjoni bil-fardal ma’ qaddu, qisu l-mara tal-kċina, sabiex jurina li l-Passjoni hija qadi ta’ mħabba li qiegħed jagħtina.

Minn hemmhekk, Ġesu’ mbagħad imur mal-appostli fil-Ġetsemani, fil-ġnien taż-Żebbuġ, għeżież tiegħi. Meta jmur hemmhekk, ’l Ġesu’ narawh jieħu l-appostli miegħu. Jieħu tlieta biex ikunu iktar qrib miegħu, pero’ mbagħad hu se jgħix mument waħdu ma’ Alla. Jidħol f’dan it-talb, jidħol f’din it-taqbida m’Alla l-Missier: “Biegħed minni dan il-kalċi;  imma mhux kif irrid jien, ikun kif trid int, Missier.” (Mark 14: 36)

Jibda jegħreq l-għaraq li jsir qisu demm. Għeżież tiegħi, x’inhu jiġri? Ġesu’ jurina li dieħel f’din it-taqbida tal-Passjoni. Ġesu’ li se jitgħabba bid-dnub, se jitgħabba bil-firda, se jitgħabba fuqu nnifsu bil-ħażen kollu tad-dinja. U għalhekk lill-Missier jgħidlu: “Din hi tal-biża’ Pa! Mingħajrek ma nistax ngħixha. Għandi bżonn il-qawwa tiegħek.”

Għaliex, għeżież tiegħi, Ġesu’ hawnhekk jurina fil-ġnien taż-Żebbuġ, illi biex aħna nistgħu ngħixu l-mumenti iebsa, il-mumenti tat-tbatija, rridu nidħlu għalihom fit-talb, f’għaqda m’Alla. San Luqa jgħidilna li jidhirlu anġlu li jfarrġu u jikkunslah waqt li l-appostli huma reqdin. Xi drabi, għeżież tiegħi, quddiem din it-tbatija ta’ Ġesu’, aħna nistgħu nkunu jew l-anġlu li nfarrġuh jew inkunu aljenati, inkunu rieqda u din it-tbatija ta’ Ġesu’ llum qiegħed jgħixha wkoll, għeżież tiegħi.

Ġesu’ qiegħed agunija fl-Ort tal-Ġetsemani fl-iktar nies li qegħdin ibatu: fil-foqra, fil-priġunieri, fil-morda, fir-refuġjati. F’dil-Ġimgħa Mqaddsa, aħna għandna għażla rigward dawn ħutna, x’ħin inkunu quddiem Ġesu’:

  • Se nkunu l-anġlu li jfarraġ lil Ġesu’ f’dawn ħutna?
  • Jew inkella aħna se nkunu bħall-appostli, reqdin quddiem din il-ġrajja ta’ żminijietna?

L-Ort tal-Ġetsemani huwa sejħa u sfida biex, jekk jista’ jkun, aħna ma norqdux, imma nkunu l-anġlu li jfarraġ. Pero’, għeżież tiegħi, anke jekk norqdu, Ġesu’ se jiġi fuqna biex iqajjimna kif għamel mal-appostli. Hu se jgħidilna: “L-Ispirtu jrid, imma l-ġisem dgħajjef”, għax il-Ġetsemani jurina kemm lilna Alla jafna, pero’ jixtieqna nkunu intimi miegħu, personalment miegħu u ma’ dawk li qed ibati fihom u ma’ dawk li qegħdin ibatu llum.

Jalla din il-Ġimgħa Mqaddsa ssibna dejjem aktar miexja qrib il-Mulej, dixxipli tiegħu, pero’ fl-istess ħin, qrib nies li qegħdin ibatu fi żminijietna. Jekk nagħmlu dan, il-Mulej jagħtina s-sliem.

Il-Paċi magħkom. Kunu mberkin. 

Mur għall-Ġimgħa l-Kbira

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s