Ħadd il-Palm – Riflessjoni minn Fr Hayden

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar Ħadd il-Palm. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi,

Ħadd il-Palm ifakkarna f’diversi affarijiet li lkoll kemm aħna smajna dwarhom. Ifakkarna fil-mument meta folla ta’ nies imxiet wara Ġesu’ bil-friegħi, jagħjtulu, “Hosanna lil Bin David.” Ifakkarna f’dak il-ħmar li Ġesu’ jirkeb fuqu, il-mantar, it-twapet li hemm u Ġesu’ jimxi fuqhom huwa u jidħol solennement f’Ġerusalemm. Huwa l-mument, biex ngħidu hekk, ewforiku, meta l-folla qed tiġri wara dan Ġesu’ li huwa l-Messija. Pero’ qed iqisuh il-Messija għax kien għadu kif għamel il-mirakli, pprovdilhom l-ikel, kattar il-ħobż. Imma għalina, għeżież tiegħi, dan kollu x’jista’ jfisser illum il-ġurnata?

L-ewwel ħaġa li rridu nirrealizzaw hi din. Dik il-folla li bdiet timxi wara Ġesu’ min kienet? Għaliex kienet dik l-istess folla li mxiet warajh li ‘l quddiem hija l-folla li ħa tgħidlu “Sallbu,” hija l-folla li sakemm Ġesu’ huwa dak li jagħmel il-miraklu, Ġesu’ huwa dak li jfejjaqni, Ġesu’ huwa dak li jeħlisni – ‘l dak Ġesu’ jiena rridu, ‘l dak Ġesu ngħidlu li huwa s-Salvatur tiegħi; u fil-fatt Ġesu’ hu s-Salvatur tagħna fuq dak il-livell.

Pero’, Ġesu’ ried juri lilu nnifsu bħala Salvatur b’mod iktar profond. Huwa dak li se jeħlisna minn dak li hu profond fina li huwa ‘l jien tagħna, li huwa d-dnub tagħna. Din il-folla ‘l Ġesu’ li jmissha materjalment trid. Imma ‘l Ġesu’ li jrid imissha profondament ġewwa fiha se naraw li se tiċħdu.

Għalhekk, aħna rridu nagħmlu dawn il-mistoqsijiet:

  • Jekk aħna f’din il-folla, aħna se nagħmlu mixja matul din il-ġimgħa?
  • Aħna se nibqgħu mal-ewwel esperjenzi tagħna ta’ Ġesu’?
  • Aħna se nibqgħu biss ma’ Ġesu’ li jrid jaqdina fl-affarijiet materjali tagħna?
  • Jew inkella, se niftħu qalbna b’mod aktar profond għal Ġesu’ li jrid imissna minn ġewwa, li jrid jibdilna minn ġewwa?

Għaliex din il-Ġimgħa Mqaddsa maħbubin tiegħi, il-mixja li sejrin nagħmlu hija mixja li lilna trid titrasformana, tibdilna minn ġewwa.

F’Ħadd il-Palm jolqotna wkoll, għeżież tiegħi, il-figura tal-ħmar. Il-ħmar jew tnejn, skont liema Vanġelu naqraw, għax wieħed minnhom jgħidilna li kien hemm ħmar u felu. Ġesu’ meta jibgħat għal dan il-ħmar biex jirkeb fuqu jgħidilhom lill-appostli biex sid il-ħmar jgħidlu xi ħaġa żgħira:

(L-Imgħallem) Il-Mulej jeħtieġu.” (Mark 11: 3)

Ġesu’ kellu bżonn dan il-ħmar, u dan il-ħmar, għeżież tiegħi, jista’ jkun kull wieħed u waħda minna li Ġesu’ wkoll qed jgħidilna llum, “Jiena lilek neħtieġek!” Forsi inti tħossok li m’intix persuna fejn naf jien, daqshekk li studjajt, persuna istruwita, persuna li forsi taħseb li Alla qisu jużak. Forsi inti tħoss li tgħix ħajja sempliċi l-ħajja ta’ kuljum, il-ħajja ordinarja, il-ħajja taż-żwieġ, tad-dar, tal-familja, tax-xogħol, fl-iktar sempliċita’.

Pero’ Ġesu’, f’dan il-mument, biex jidħol Ġerusalemm f’dil-glorja kbira, għeżież tiegħi, għandu bżonn figura sempliċi, umli li huwa l-ħmar. Dan b’referenza tal-Antik Testment fejn jissemma’ illi s-Salvatur, il-Messija kellu jiġi fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmar. Għaliex, għeżież tiegħi, ppermettuli ngħidha: dan il-ħmar jirrifletti daqsxejn lil Ġesu’ wkoll, tafux? Forsi stramba jekk ngħidilkom li Ġesu’ huwa bħal ħmar. Pero’ Ġesu’ f’dan is-sens huwa dik il-persuna, Alla li jumilja lilu nnifsu, li jċekken lilu nnifsu. Il-ħmar aħna narawh daqsxejn b’mod dispereġġativ xi drabi u Ġesu’ ġie jċekken lilu nnifsu b’dan il-mod. Din il-mixja trid iddaħħalna, għeżież tiegħi, f’dan Alla, illi jiċċekken.

San Franġisk t’Assisi kien jikkontempla tant ‘l Ġesu’ li dejjem jiċċekken: minn Alla sar bniedem, minn bniedem jibqa’ jiċċekken għalina fl-Ewkaristija, u Ġesu’ li jiċċekken llum anke fil-fqir u l-batut. Ġesu’ li se jidħol trijonfalment pero’ preżenti fuq il-figura tal-ħmar, għeżież tiegħi, irid iffakkarna kif Ġesu’ qed jidħol anke llum il-ġurnata fil-ħajja tal-Knisja, fil-ħajja tas-soċjeta’ tagħna, fil-Ġerusalemm tagħna.

Ġesu’ fuq min dieħel illum il-ġurnata? Forsi l-Mulej mhux dieħel għeżież tiegħi:

  • fuq nies li qegħdin ibatu,
  • fuq nies li huma sempliċi,
  • nies li huma l-ħabs,
  • nies li huma refuġjati,
  • nies li huma fi sptar?

Xejn, l-iktar persuni li jistgħu jkunu umli, għeżież tiegħi, anke minħabba t-tbatija, Ġesu’ ġej jirkeb fuqhom. U kemm hi sabiħa li aħna nirrealizzaw li lkoll kemm aħna nistgħu nagħtu ċans ‘l-Mulej jirkeb fil-ħajja tagħna sabiex jidħol aktar profond fil-mixja ta’ kull wieħed u waħda minna.

U l-aħħar ħaġa li tolqotna ċertament f’Ħadd il-Palm hija din l-għajta, “Hosanna!” li tingħata lil Bin David, ċioe’ l-Messija, u tgħidlu “Mulej Salvani!” Din l-għajta li toħroġ mill-qalb. Din l-għajta li l-poplu t’Alla jfaħħru. Matul din il-mixja fil-Ġimgħa Mqaddsa, aħna rridu nkunu dan il-poplu li nokorbu lill-Mulej. Ngħidulu :“Mulej, ejja salvana fil-ħajja tagħna. Inti waħdek is-Sid u s-Salvatur tagħna. Aħna rridu nfaħħruk”. Il-Palma li għandna hawnhekk tista’ tfakkarna propju f’din ir-realta’.  Bil-friegħi tal-palm f’idejna, bil-kant ta’ tifħir fuq fommna, ejjew matul din il-ġimgħa niftħu qalbna beraħ għal Ġesu’ ħalli jkun is-Sid u s-Salvatur tal-ħajja tagħna.

Hosanna Bin David! Hosanna Ġesu’ Kristu!

Il-Paċi magħkom.

Mur għat-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s