It-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa – Riflessjoni minn Fr Hayden

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar it-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi.

Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid, skont l-Evanġelu ta’ San Ġwann, insibu lil Ġesu’ f’Betanja. F’Betanja Ġesu’ jkun qiegħed fil-kumpanija ta’ Lazzru, ta’ Marija li kienet oħtu u ta’ Ġuda flimkien, ma’ xi appostli. Ħa naraw x’jiġri f’din ix-xena u f’dan il-mument. L-ewwel ħaġa: għandna l-preżenza ta’ Lazzru li Ġesu’ kien għadu kif qajmu mill-mewt. Propju fil-Vanġelu ta’ San Ġwann dan kien punt determinanti għaliex il-mument illi Ġesu’ qajjem lil Lazzru mill-mewt, ħafna emmnu fih. Pero’ tant oħrajn ħraxu iktar kontra tiegħu u saħansitra l-Vanġelu jgħidilna li mhux biss riedu joqtlu lil Ġesu’, imma anke riedu jeħilsu minn Lazzru, għaliex Lazzru kien is-sinjal konkert tal-qawwa ta’ Kristu, kien sinjal konkret ta’ min hu Ġesu’ li qabel ma jqajjem lil Ġesu’ mill-mewt jgħidilna:

“Jien hu l-Qawmien u l-Ħajja.” (Ġwanni 11: 25)

Lazzru hu s-sinjal konkret, tanġibbli, li tista’ tmissu, tisimgħu u tarah, ta’ dak li Ġesu’ ġie biex jagħmel. Ġie biex jeħlisna mill-mewt tad-dnub fil-ħajja tagħna, ġie biex jagħtina l-ħajja ġdida. Issa n-nies li kienu kontra Ġesu’ mhux biss riedu jeqirdu lilu imma riedu jeqirdu wkoll lil Lazzru. Tant drabi, għeżież tiegħi, aħna nsibu lilna nnfusna mdawrin b’ċirkustanzi jew b’persuni li mhux biss huma kontra l-Mulej imma jekk il-Mulej għamel xi ħaġa fik u inti titkellimha mhux dejjem jemmnuk. Saħansitra forsi jkunu jridu jwarrbu lilek. Xi drabi, għeżież tiegħi, hawnhekk għandna l-ġlieda bejn il-mewt u l-ħajja. Lazzru huwa simbolu tal-persuna li l-Mulej jagħtiha l-ħajja ġdida: pero’ xi drabi nħossu forzi, kultura tal-mewt illi tipprova teqred il-ħajja.

Matul din il-Ġimgħa Mqaddsa se nagħmlu mixja biex naraw kif Ġesu’ jrid jagħtina l-ħajja u jrid ikompli joħroġna rebbieħa. Ejjew ma nħallux it-togħma tal-mewt tkun l-aħħar kelma, anke meta nsibu l-oppożizzjoni!

Imbagħad nsibu anke l-figura ta’ Marija, għeżież tiegħi, f’dan is-sitt jum qabel il-passjoni, propju ġewwa Betanja. Din x’tagħmel? Din tmur f’riġlejn Ġesu’ u tidlikhomlu bin-nard pur, għeżież tiegħi. In-nard jiswa ħafna flus u propju l-persuna ta’ Ġuda, għaliex kien qed propju tuża dan in-nard pur expensive fuq il-persuna ta’ Ġesu’ imur jgħid: ”Imma ma kienx ikun aħjar kieku dan intuża għall-foqra flok qed tużah fuq il-persuna ta’ Ġesu’?” U, għeżież tiegħi, Ġuda hawnhekk faċilment insibu fih anke din it-tentazzjoni li nsibu aħna, illi ninqdew bil-foqra biex nattakkaw l-affarijiet xi drabi anke tal-Mulej. Aħna ma nistgħux nifirdu lil Ġesu’ mill-fqir. Ma nistgħux ngħidu per eżempju,

  • Mhux aħjar tmur tgħin lill-batut milli tmur tisma’ Quddies?
  • Jew, mhux aħjar tgħin lill-fqir milli tmur titlob?

Hawnhekk Ġesu’ propju jiddefendi dak li Marija qiegħda tagħmel miegħu, li qed tiddedika ħin għalih, li qed tpoġġi l-persuna ta’ Ġesu’ fiċ-ċentru. Ċertament, noqogħdu attenti minn dawn il-mentalitajiet li xi kultant jgħaddu mill-moħħ tagħna u nidħlu fihom. Aħna, bħala Nsara msejjħin li niffukaw fuq il-persuna ħajja u sabiħa, ta’ Ġesu’, mingħajr ma nittraskuraw lill-foqra. Xi drabi hawn min jibda bil-persuna ta’ Ġesu’, mbagħad jersaq lejn il-fqir għaliex jiftakar dak li Ġesu’ qalilna:

“Dak li għamiltu mall-oħrajn għamiltuh miegħi.” (Mattew 25: 40)

Hawn min bil-maqlub: jibda mill-imħabba tiegħu lejn in-nies fil-bżonn u mill-foqra u hemmhekk irid jersaq lejn Ġesu’. Qaddisin differenti anke fil-mixja tagħhom għamlu mixja differenti. Min beda direttament minn Kristu u wasal għall-fqir: min beda mill-fqir u wasal għand Ġesu’. Aħna fejn aħna,  importanti li nagħmlu dan il- crossover, għeżież tiegħi, matul din il-Ġimgħa Mqaddsa. Jekk inti persuna fejn naf jien, illi:

  • tħobb titlob,
  • tħobb l-Adorazzjoni,
  • għandek id-devozzjonijiet tiegħek,
  • int dilettant tal-Ġimgħa l-Kbira,
  • dilettant tal-purċissjonijiet,
  • tal-istatwi

Fi kliem iehor, ta’ dawn l-affarijiet li huma tant sbieħ u qaddisa f’dan iż-żminijiet, għeżież tiegħi. Tħallihomx jaqfluk hemmhekk biss. Minn hemmhekk, ħallihom iwassluk lejn il-persuna ta’ Ġesu’ fil-fqir u l-batut. Min-naħa l-oħra, jekk inti persuna:

  • soċjali ħafna,
  • tħobb tgħin,
  • għandek ħafna sens ta’ ħniena u karita’,
  • tgħin lil min huwa batut

Tieqafx hemmhekk biss, ħalli minn hemmhekk tasal għall-persuna ħajja tal-Mulej Ġesu’ li qalilna:

“Dak li għamiltu mal-oħrajn qegħdin tagħmluh miegħi.” (Mattew 25: 40)

Ġuda, għeżież tiegħi, fl-aħħar mill-aħħar ma kkritikax lil Marija għaliex kienet tagħti dan kollu lil Ġesu’. Ġuda fil-verita’ kien jinteressah il-fqir, kien jinteressah il-flus, għeżież tiegħi. Imma hawnhekk irridu noqgħodu attenti. Noqgħodu attenti għaliex Ġuda qed jgħid kliem sabiħ, pero’ b’motivazzjoni żbaljata. Li aħna ma ngħidux affarijiet sbieħ anke dwar Alla, anke dwar il-foqra, pero’ f’qalbna jkollna motivazzjoni żbaljata, għax ikollna l-interess tagħna, jkollna l-kilba tagħna personali, inkunu ipokriti, inkunu libsin maskra. Għax nistgħu nkunu ipokriti fid-devozzjoni tagħna lejn Ġesu’, pero’ nistgħu nkunu ipokriti wkoll fid-devozzjoni tagħna lejn il-foqra.

Meta nkunu ipokriti, għeżież tiegħi? Meta npoġġu lilna fiċ-ċentru. Meta fiċ-ċentru ma jkollniex verament lill-Mulej, mhux verament lill-persuna l-oħra li qiegħda tbati. U kif inkunu nafu li qed inpoġġu lil Ġesu’ u lil persuna l-oħra fiċ-ċentru? Meta dak li nagħmlu, nagħmluh akkost ta’ sagrifiċċju, akkost ta’ daqsxejn tbatija fil-ħajja tagħna.

Ejjew, dil-Ġimgħa Mqaddsa, nħalluha tkun mument li lilna toħroġna minna nfusna, akkost ta’ sagrifiċċju, biex inpoġġu lil Ġesu’ ‘l-fqir u lil batut fiċ-ċentru. Jekk nagħmlu dan, il-Mulej jagħtina l-veru sliem.

Il-Paċi magħkom. Kunu mberkin!

Mur għat-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s