Il-5 taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 – Dunamis

Il-Ħadd, 3 ta’ April 2022: Il-Ħames taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 mmexxija minn Fr Hayden. It-tema hija Dunamis: Il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tan-nisrani. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Nilqagħkom għeżież tiegħi għal din l-aħħar taħdita ta’ dawn l-Eżerċizzi Dunamis li issa kif nafu hija l-kelma ‘Qawwa’ bil-Grieg li biha l-Kelma t’Alla tiddiskrivi l-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Din l-qawwa li minnha ġejja l-Kelma Dunamis, anke Dinamite, jiġifieri hija splużjoni kbira. Kif xbajt ngħidilkom matul dawn l-Eżerċizzi, din l-isplużjoni hija l-imħabba t’Alla ġewwa fina. Il-ħajja Kristjana, il-ħajja Nisranija, il-ħajja tad-Dixxiplu ta’ Ġesu’, il-ħajja tagħna ta’ Nsara m’hijiex tant x’nagħmlu aħna, anke f’dak li hu tajjeb, imma Alla x’jagħmel fina. Din hija, għeżież tiegħi, il-qalba tal-ħajja Nisranija. F’dak kollu li aħna niċċelebraw matul is-sena sħiħa. Fil-Milied niċċelebraw Alla li hu magħna, fil-Għid niċċelebraw Alla li hu għalina u f’Pentekoste niċċelebraw Alla li huwa fina. Għeżież tiegħi, Ġesu’ li twieled fil-Milied, Ġesu’ li jagħti ħajtu għalina biex isalvana fl-Għid, u Ġesu’ li jimlina bl-Ispirtu s-Santu għeżież tiegħi f’Pentekoste. Rajna kif l-iskop tal-ħajja Nisranija huwa li aħna nkunu mimlija bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

L-Insara, aħna dak li aħna — mimlija b’din il-preżenza t’Alla ġewwa fina. Forsi m’hijiex l-iktar Katekeżi li nisimgħu matul is-sena, mhux wieħed mill-iktar affarijiet li nismgħu ppridkati dwarhom, imma hija l-qalba ta’ kollox, għeżież tiegħi. Anke din il-ħajja tal-imħabba kif rajna f’Katekeżijiet oħrajn, mhix tant li aħna nħobbu, imma li nħallu lil Kristu jħobb permezz tagħna, għeżież tiegħi, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu li huwa ġewwa fina. Kif kien jgħid wieħed mill-aħħar Beati popolari tal-Knisja, il-Beatu Carlo Acutis;

“Mhux jien, imma Alla.” (Beatu Carlo Acutis)

Mhux jien imma Alla. Dan hu n-Nisrani, għeżież tiegħi.

L-EWWEL PARTI

Rajna matul dawn il-Katekeżijiet l-Ispirtu s-Santu x’jagħmel fina. Illum sejrin nirriflettu fuq aspett, l-aħħar wieħed partikulari, tal-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu x’jagħmel fil-ħajja tal-Knisja, fil-ħajja tan-Nisrani. Ċertament mhux se nkunu semmejna f’kollox f’dawn l-Eżerċizzi. Hemm ħafna aktar affarijiet x’nistgħu naqsmu u nirriflettu fil-fond, imma dawn huma l-ħobż, biex ngħidu hekk, li ġie mogħti lilna matul dawn l-Eżerċizzi.

Nixtieq nirrealizzaw kif l-Ispirtu s-Santu, l-istess kif niżel fuq Marija ġewwa Nazaret biex tnissel ‘l Ġesu’, l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja wkoll jinżel biex jagħtina lil Ġesu’. Qed nirreferi għal dak li jiġri fil-Quddies, fl-Ewkaristija Mqaddsa. Ħafna drabi, għeżież tiegħi, hekk, allinqas ma nafx intom, imma għandna l-idea li ċertament hija tajba, illi għall-kliem tas-saċerdot fil-Quddiesa, il-ħobż u l-inbid jitbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Din hija verita’, għeżież tiegħi. Li nixtieq li nenfasizza ħarira li m’hijiex sempliċiment għall-kliem tas-saċerdot, iġifieri għax is-saċerdot jgħid: “Dan hu Ġismi u dan hu Demmi”, il-ħobż u l-inbid jitbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’. Mal-kliem tas-saċerdot hemm xi ħaġ’oħra: il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu. L-ewwel darba li tmorru l-Quddiesa, oqogħdu attenti meta is-saċerdot jgħid:

“Qaddes, għalhekk, nitolbuk, dawn l-offerti bil-barka tal-Ispirtu tiegħek, biex isiru għalina l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, li meta kien se jingħata biex minn rajh ibati, ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasam ta lid-dixxipli tiegħu, u qal Ħudu u kulu lkoll minn dan: għax dan huwa Ġismi li jingħata għalikom.”

Jiġifieri mal-kliem tal-Konsagrazzjoni, hemm ukoll l-invokazzjoni, it-talba biex l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-offerta tal-ħobż u l-inbid.

Għalhekk nixtieqkom tirrealizzaw illi l-Ispirtu s-Santu fil-Quddies jagħtina l-preżenza ħajja ta’ Kristu fl-Ewkaristija. L-Ispirtu s-Santu jagħtina lil Ġesu’ Ewkaristiku għeżież tiegħi. L-Ispirtu s-Santu mhux biss jagħtina lil Ġesu’ Ewkaristiku, imma kif rajna f’Katekeżijiet oħrajn matul dawn l-Eżerċizzi, l-Ispirtu s-Santu huwa dak li jagħtina d-don tal-Fidi li nemmnu fil-preżenza reali, ħajja ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija. L-Ispirtu s-Santu huwa dak li l-Kelma t’Alla, dak li qalilna Ġesu’ fl-Ewkaristija, jagħtina d-dawl biex aħna nifhmuh minn ġewwa, mill-fond ta’ qalbna.

Ftakru li l-aħħar darba kkwotajt lil San Ġorġ Preca jgħid: “Il-fidi hija persważjoni”, għeżież tiegħi. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-persważjoni fil-qalb tagħna, il-konvinzjoni fil-qalb tagħna, li dik l-Ostja kkonsagrata, dak l-Inbid ikkonsagrat huma verament il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu — huma Ġesu’.

Għeżież tiegħi, rridu nirrealizzaw illi aħna ma nemmnux sempliċiment bil-qawwa tagħna. Aħna ma nemmnux għax l-affarijiet huma loġiċi, allura huwa loġiku li nemmen, allura nemmen: hemm qawwa li taħdem fina li tgħinna nemmnu. U taħsbux li din il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hija daqshekk biex ngħidu hekk ma tagħmilx sens. Għaliex? Għax fil-verita’ fil-ħajja hemm affarijet li aħna nemmnuhom mhux għaliex jagħmlu sens imma għax il-qalb turina li huma veri.

Wieħed filosofu, ċertu Blaise Pascal (1623 –1662), kien jgħid:

“Il-qalb għandha raġunijiet illi l-moħħ ma għandux.”

Il-qalb għandha raġunijiet illi l-moħħ m’għandux, b’mod speċjali meta inti temmen li xi ħadd inħobbok, tagħmel l-esperjenza tal-imħabba. Ma tmurx kontra l-loġika, imma tmur lil ‘l hinn mil-loġika. Il-fidi m’hijiex kontra r-raġuni tagħna. Il-fidi tagħmel pass ‘il quddiem fuq ir-raġuni tagħna, imma m’hijiex kontra r-raġuni. U l-Ispirtu s-Santu huwa dak li jagħtina din il-qawwa tal-fidi li nagħmlu dan il-pass ‘il quddiem illi jtina l-konvinzjoni interjuri ta’ qalbna li dak li Ġesu’ qalilna huwa vera.

Jiena, xi kultant jiġi xi ħadd li jipprova jagħmilli sfida… u ma niħux għalija. Hija parti mill-ħajja. Jghidli: “ppruvali li l-Kelma t’Alla hija vera”. Ghal dan it-tip t’affarijiet, ċertament nistgħu noqgħodu bilqiegħda, inġibu argumenti mill- letteratura, xjenza, arkejoloġija. Hemm tant affarijiet li nistgħu nitkellmu fuq livell uman u xjentifiku u nagħmlu sew u nagħmlu tajjeb. Nirringrazzjaw ‘l Alla anke għandna nies studjużi fil-Knisja illi jagħtuna l-għodda kif nistgħu nagħmlu dan għax il-fidi tagħna m’hix kontra r-raġuni. Pero’, still, hemm xi ħaġa barra minn hekk, għeżież tiegħi, li rridu nikkunsidraw.

Ghax huwa l-Ispirtu s-Santu li jtina d-don, il-grazzja, li aħna għandna bżonn biex aħna nemmnu. U għalhekk, jekk forsi xi ħadd minnkom xi kultant jimtela b’xi dubju: “imma Ġesu’ vera preżenti fl-Ewkaristija?” Ma jimpurtax li jiġik id-dubju, qalbi. Imma, teħilx miegħu, fittex il-verita’, itlob l-Ispirtu s-Santu jtik id-dawl, itik il-grazzja li temmen il-kliem li qalilna Ġesu.’ U Ġesu’ x’qalilna?

“Ġismi huwa tassew ikel u demmi hu tasssew xorb.” (Ġwanni 6: 55)

Kliem qawwi, għeżież tiegħi. Ġesu’, kieku ried, seta’ ma baqgħax magħna fl-Ostja kkonsagrata, għeżież tiegħi, ma baqgħax magħna fl-Ewkaristija Imqaddsa. Imma propju din hija l-għotja totali tal-imħabba ta’ Ġesu’ lejna: illi jagħtina lilu nnifsu, li meta jagħtina lilu nnifsu biex nirċievuh, nitqarbnu, qed jgħidilna: “Isma’, jien irrid insir il-ħajja tagħkom,” għaliex l-ikel isir ħajjitna.

Issa, waqt illi l-ikel kollu li aħna nieklu nibdluh f’ġisimna. Mhux hekk jiġri? Inti, jekk tiekol xi pizza tajba tibdilha kollha kemm hi f’ġismek. Issa, healthy jew m’hix, tibdilha f’ġismek. L-ikel kollu nibdluh fina, imma fil-każ tal-ikel tal-Ewkaristija, it-Tqarbin Imqaddes, dan huwa bil-maqlub.

Ħalli nitkellem b’mod li tifhmuni: mhux aħna nibdlu l-Ostja fina, imma l-Ostja tibdel lilna fiha. Dik l-Ostja hi Ġesu’. Mhux aħna nibdlu lil Ġesu’ fina, imma Ġesu’ jibdel lilna fih. Qed tifhmu għeżież tiegħi dan id-don tal-Ispirtu s-Santu li jagħtina lil Ġesu’ fl-Ewkaristija? Meta aħna nitqarbnu, aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesu’. Insiru ħaġa waħda miegħu: il-ħajja tiegħu ssir il-ħajja tagħna, il-ħajja taghna ssir il-ħajja tiegħu. X’iġifieri? Aħna nieħdu qalbu u hu jieħu qalbna; aħna nieħdu ħsibijietu u hu jieħu ħsibijietna. Imma, min jagħtina dan l-awareness, dan l-għarfien fil-fond tal-qalb tagħna, dil-konvinzjoni interjuri li Ġesu’ verament preżenti fl-Ewakristija? L-Ispirtu s-Santu, maħbubin tiegħi. U kemm nixtieq li nitolbuh ‘l-Ispirtu Qaddis jagħtina din il-konvinzjoni, għaliex xi drabi nweġġa’ meta nara kif nistmaw lil Ġesu’ Sagramentat.

Ngħaddu fil-Knisja, nitkellmu fil-Knisja, ngħaddu quddiem is-Sagrament, nofs riverenza, ċerta tqarbin bla devozzjoni, xi drabi t-tqarbin fl-idejn bla devozzjoni, infarfru jdejna lanqas nagħtu kas jekk waqgħetx xi farka, għeżież tiegħi. Xi drabi morna minn estrem għall-ieħor fejn tidħol l-Ewkaristija Mqaddsa. Kemm irridu verament nuru li aħna nemmnu din il-fidi f’din il-preżenza ta’ Ġesu’, li nemmnu. Saqsi lilek innifsek ilkoll kemm aħna ta anke aħna s-saċerdoti, għeżież tiegħi, għaliex faċilment illi meta mmissu mill-qrib ma’ dawn l-affarijiet daqshekk qaddisa, faċilment niħduhom for granted, faċilment il-fidi tagħna tiddgħajjef għaliex kollox jiġi qisu xejn m’hu xejn. Il-fraġilita’ ta’ Kristu faċilment taljenana mill-preżenza tiegħu. Mhux hekk jiġri fis-soċjeta’: l-iktar nies fraġli huma l-iktar nies li faċilment ninsewhom? Irridu nagħmlu sforz biex niftakru fihom. Hekk jiġri hu? Fl-Ewkaristija Ġesu’ hu  fraġli. Faċilment ninsewh.

Għandna bżonn l-Ispirtu t’Alla li kontinwament iħeġġeġ fina dan in-nar, kif qalu d-dixxipli t’Emmaus: “Ma kinitx qalbna mkebbsa, huwa u jkellimna?” Dak in-nar tal-Ispirtu, arah ikebbes il-qalb. Aħna rridu li qalbna titkebbes quddiem il-preżenza ħajja ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija.

Issa, Ġesu’ jrid jagħtina lilu nnifsu biex aħna nirċievuh. Ġesu’ qalilna: “Ħudu u kulu.” “Ħudu u ixorbu.” L-Ewkaristija, għeżież tiegħi, tagħtina l-ikbar rigal li hu ‘l Kristu nnifsu. Imma aħna kuntenti b’dan? Ħeqq, xi kultant inħossna illi għandna lil Ġesu’, nitqarbnu, nirċievu lilu u moħħna kullimkien barra fih. Jew nitqarbnu, imma moħħna biex nirċievu ħafna grazzji oħrajn. Għandna lilu! Tistgħu, għeżież tiegħi, l-ewwel darba li titqarbnu, tieqfu ftit, tinsew kull grazzja li tixtiequ titolbu mingħand Ġesu’ u just tkunu intom u Hu. Int u Hu, Hu u int? Aħna u Ġesu’, fl-intimita’ ta’ qalbna, qiegħed fina u aħna fih.

Isimgħu l-Katekiżmu x’jgħidilna għeżież tiegħi:

“It-Tqarbina bħala frott ewlieni tiegħu għandu l-għaqda intima ma’ Kristu.” (KKK 1391)

Kemm togħġobni l-frażi “l-frott ewlieni” jiġifieri n-number one, in-number one grace, il-grazzja ewlenija. L-iktar ħaġa li għandek tixxennaq ghaliha meta int qed titqarben hija l-għaqda intima ma’ Kristu. Tiftakru l-aħħar Katekeżi kemm kellimtkom fuq dina? Għeżież tiegħi, din l-għaqda ma’ Ġesu’, l-imħabba lejn Ġesu’ li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, hawnhekk isseħħ fl-Ewkaristija. L-Ispirtu jagħtina l-Ewkaristija biex jgħaqqadna ħaġa waħda ma’ Ġesu’– l-għaqda intima miegħu. Ġesu’ stess ikellimna minn din l-għaqda intima miegħu fl-Ewkaristija meta fil-Vanġelu skont San Ġwann, ir-raba’ Vanġelu, jgħidilna hekk:

“Min jiekol Ġismi u jixrob Demmi jibqa’ fija u jiena fih.” (Ġwanni 6: 56-57)

Ara din l-intimita’ “Min jiekol Ġismi u jixrob Demmi jibqa’ fija u jiena fih.”

“Bħalma bagħatni l-Missier  li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.” (Ġwanni 6: 56-57)

X’qawwa għeżież tiegħi! Inti msejjaħ biex tgħix b’Ġesu’. Jiena msejjaħ biex ngħix bi Kristu. Ġesu’ huwa l-ħajja tiegħi. X’inhi dil-ħajja? Ftakru x’għidna l-aħħar darba. X’inhi din il-ħajja? Hija l-Ħajja l-Ġdida. In-Nisrani msejjaħ biex jgħix Ħajja l-Ġdida. In-Nisrani huwa dak illi, kif Ġesu’ qal lil Nikodemu: “Jeħtieġ titwieled mill-ġdid, mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu,” u min jitwieled mill-ġdid mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu, jibda jgħix il- Ħajja l-Ġdida li hija l-ħajja tal-Ispirtu ġewwa fih, li hija l-ħajja tal-imħabba. Imma mhix l-imħabba tagħna, imma l-imħabba ta’ Kristu fina, bil-qawwa tal-Ispirtu t’Alla illi jgħammar fina. It-tqarbin huwa dan, għeżież tiegħi — li aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesu’ biex imbagħad noħroġu mill-Knisja maqgħudin ma’ Kristu ngħixu l-ħajja ordinarja li jgħix kulħadd, imma ngħixuha kif ngħidu fil-Quddies, “bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu”.

Matul is-sekli, għeżież tiegħi, żviluppa, taħt il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu, aspett partikulari ieħor fejn tidħol l-Ewakristija: l-Adorazzjoni Ewkaristika. Forsi f’diversi parroċċi tagħkom, nhar ta’ Ħamis filgħaxija, jkun hemm dik in-nofs siegħa adorazzjoni. F’ħafna parroċċi tagħna, jekk mhux f’kollha, għandna l-kappella tal-adorazzjoni, fejn in-nies jistgħu jmorru jitolbu. F’diversi laqgħat ta’ talb ukoll insibu l-preżenza tal-Ewkaristija, għeżież tiegħi. Ħa nagħmluha ċara: l-Ewkaristija Ġesu’ tagħhielna hu stess biex nirċevuh, biex nitqarbnu, mhux biex noqgħodu nħarsu lejh. Tajjeb? Jiġifieri, l-iskop ewlieni tal-Ewkaristija hu t-tqarbin. Pero’ ġaladarba din hija l-preżenza vera ta’ Ġesu’, aħna l-Ispirtu t’Alla jdaħħalna f’din l-intimita’ tal-ħarsa, tal-ħarsa.

Ġwanni l-Battista, l-ewwel ħaġa li jagħmel meta jara ‘l Ġesu’ huwa li jħares lejh, qabel ma jindikah “Araw il-Ħaruf t’Alla.” “Hares lejh’”, hekk jgħidilna l-Vanġelu ta’ San Ġwann, u aħna msejħin li nidħlu f’din il-ħarsa profonda, profonda fuq Kristu. Aħna msejħin biex nikkontemplawh, li nsibu mumenti, għeżież tiegħi, li fihom nieqfu fil-preżenza ta’ Ġesu’ Ewkaristija. Li mmorru hemmhekk, quddiem Ġesu’ Sagramentat, nitolbu. U nistgħu nużaw diversi metafori li jistgħu jgħinuna. Waħda mill-aktar komuni li żgur ġieli smajtuha hija bħal meta tmur tixxemmex. Meta tkun tixxemmex, ma tagħmel xejn – ix-xemx tieħdok, jew tiħmar jew tiswied. Jew inkella bħal meta għandna s-solar panels fuq il-bjut tagħna, jixorbu kontinwament l-enerġija, imbagħad iqassmuha fid-djar tagħna. Aħna rridu nkunu hekk: nesponu lilna nfusna quddiem Kristu, nieħdu l-enerġija minnu, il-qawwa mingħandu, u din hija l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, biex imbagħad ngħixu b’din il-qawwa tiegħu matul il-ġurnata. Isimgħu ‘l Papa Ġwanni Pawlu II x’jgħidilna dwar l-adorazzjoni Ewkaristka:

“Il-Knisja u d-dinja jeħtieġu ħafna l-qima Ewkaristika. Ġesu’ jistenniena f’dan is-Sagrament tal-imħabba, ma niċħdulux iż-żmien li rridu biex immorru niltaqgħu miegħu fl-adorazzjoni u l-kontemplazzjoni, mimlijin bil-fidi u lesti npattu għall-ħtijiet kbar u għad-delitti tad-dinja. Jalla ma tiġi nieqsa qatt l-adorazzjoni tagħna.” (San Ġwanni Pawlu II)

Jalla għeżież tiegħi ma tiġi nieqsa qatt l-adorazzjoni tagħna. Kemm għandna innijiet sbieħ li nkantaw fil-knisja, b’mod speċjali innijiet tradizzjonali li tkun ħasra jekk jintilfu. Min jafni, tafu li jien nħobb il-kant anke kontemporanju, tal-qima, tat-tifħir, tal-adorazzjoni. Pero’, fil-kant tradizzjonali liturġiku tal-Knisja hemm espressjonijiet ta’ fidi miktuba minn qaddisin kbar li jkun gwaj għall-Knisja jekk titlifhom għaliex jesprimu fil-kant u fit-talb dak li aħna profondament nemmnu, mibnija fuq il-Kelma t’Alla u mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.

Isimgħu per eżempju l-kliem ta’ San Tumas ta’ Akwinu f’wieħed mill-innijiet li aħna nkantaw “Jien nadurak bil-qima”. Isimgħu ftit biex tiggustaw, dal-mument jiġi wkoll tal-eżerċizzi biex niggustaw dak li aħna nemmnu fih, għeżież tiegħi:

Jien nadurak bil-qima,
Alla, li tinsab,
Moħbi hawn quddiemi
Taħt dawn ix-xbihat.
Lilek qalbi kollha
Hawn f’riġlejk nagħtik;
Meta naħseb fuqek ħsiebi nitlef fik.

L-għajn, l-idejn, it-togħma
Lilek ma jħossux:
Iżda biss b’li smajna
Għala ma nemmnux?
Nemmen li qalilna l-Iben tal-Mulej;
Xejn mhu iżjed minnu
Mill-kliem tal-Feddej.

(San Tumas t’Akwinu)

X’espressjonijiet, x’lingwaġġ sabiħ, poetiku imma ta’ fidi, għeżież tiegħi. Meta nkunu qegħdin hekk naduraw lill-Mulej, il-Mulej x’jagħmel fil-ħajja tagħna? Ħafna drabi, fil-preżenza tiegħu, jagħtina l-fejqan fil-qalb tagħna, fil-ġisem tagħna, fil-moħħ tagħna, fir-ruħ tagħna, għeżież tiegħi. Inħeġġiġkom, xi drabi rridu mmorru kullimkien biex insibu l-paċi. Min irid jieħu d-droga, min irid jisker, min irid jilgħab il-flus, min jieħu l-ħaxixa, min sess bla rażan, min irid imur għand is-sħaħar. Ġesu’ qalilna:

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien nserraħkom.” (Mattew 11: 28)

Morru f’riġlejn Ġesu’ Ewkaristija. Ersqu ta’ spiss lejn il-Qrar u t-Tqarbin. Ħudu deċiżżjoni li ma tfallux il-Quddies tal-Ħadd maħbubin tiegħi. Il-pandemija, uħud minna għalqitna d-dar u drajna nsegwu l-quddies fuq it-T.V. L-affarijiet, għeżież tiegħi, kollox għandu ħinu u f’waqtu. Kemm jista’ jkun m’għandnix neħlu quddiem il-quddies tat-T.V. għaliex, meta ħa titqarben? Mhux ħa titqarben mit-T.V. u s-Sagramenti, il-Liturġija, l-Ewkaristija, il-Quddies jeħtieġu l-preżenza fiżika tagħna mall-komunita’ nisranija. Il-quddies mhux xi ħaġa li narawha, għeżież tiegħi, imma li niċċelebrawha flimkien, bħala aħwa ta’ xulxin, bħala poplu, li nisimgħu flimkien il-Kelma, nitqarbnu u niltaqgħu flimkien. Imma jekk m’hemmx din id-dimensjoni tal-komunita’, għeżież tiegħi, il-quddiesa nġibuha xi ħaġa li narawha, xi ħaġa privata tiegħi u ma nkunu fhimna xejn, sfortunatament, għeżież tiegħi, minn dir-realta’ tal-Ewkaristija u qegħdin f’riskju li nistgħu nfaqqru ‘l-Ewkaristija jekk ħa neħlu mal-quddies tat-T.V., għeżież tiegħi. Ċertament, il-quddies tat-T.V. kienet inizjattiva li ilha għaddejja. Waqt il-pandemija kienet ġiet imbuttata aktar ‘il quddiem, rightly so, illi għenet difersi minna biex nitolbu. Pero’, kif qegħdin naħsbu fuq livelli differenti biex ninnormalizzaw il-ħajja tagħna, għandna bżonn ninnormalizzaw mill-ġdid anke l-parteċipazzjoni tagħna fil-quddiesa.

Għalhekk inħeġġiġkom: oħorġu minn djarkom, morru l-knisja, ejjew iċċelebraw flimkien mal-komunita’ nisranija, tqarbnu, irċievu ‘l Ġesu’, għeżież tiegħi, li huwa għatxan, għeżież tiegħi, li jiġi għandkom. Ħallu ‘l-Ispirtu s-Santu jaghtikom il-qawwa, il-forza tiegħu, biex ma teħlux fil-biża’, għeżież tiegħi. Ċertament il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u l-prudenza għandhom ikunu, pero’, tiċċaħdux, iċċaħdux lilkom infuskom mill-preżenza Ewkaristika ta’ Ġesu’. Meta aħna mweġġgħin, meta aħna vojta, meta aħna mdejqin, meta aħna ferħana, kemm għandna bżonn induru u ngħixu kollox mal-Mulej fil-ħajja tagħna. U l-akbar grazzja li Ġesu’ jagħtina fl-Ewkaristija, fit-Tqarbin, meta nadurawh, hu li jerġa’ jagħmel dak li għamel meta qam mill-mewt. Meta qam mill-mewt, x’għamel skont San Ġwann? Daħal fiċ-ċenaklu, l-appostli kienu mbeżżgħin:

“Nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.” (Ġwanni 20: 22)

X’inhu l-akbar rigal li Kristu Rxoxt jista’ jagħtina? L-Ispirtu s-Santu. Waqt l-eżerċizzi, kif bdejna, aħna u nħejju ruħna ħa niċċelebraw l-Għid, imma x’inhu l-akbar rigal tal-Għid? Huwa Pentekoste. X’inhu l-akbar rigal li Kristu Rxoxt irid jagħtina? Hu l-Ispirtu s-Santu maħbubin tiegħi, hu l-Ispirtu s-Santu. Kemm nixtieq li nirrealizzawh dana. Kristu qam mill-mewt biex lilna jimlina fl-Ispirtu tiegħu fil-ħajja tagħna. Meta mmorru nadurawh fl-Ewkaristija Mqaddsa, niftħu qalbna biex nirċievu l-Ispirtu tiegħu. Għidlu: “Mulej, imlini bl-Ispirtu tiegħek.” Meta titqarben għidlu: “Ġesu’, imlini bl-Ispirtu tiegħek.”

U allura, l-Ewkaristija ssir għajn li minnha aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu mill-ġdid. L-Ispirtu s-Santu rċevejnih fil-Magħmudija, l-Ispirtu s-Santu rċevejnih fil-Griżma tal-Isqof. Aħna l-presbiteri rċevejnih fis-Sagrament tal-Ordni Sagri, pero’ kull darba li nitqarbnu, aħna nirċievu mill-ġdid il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

L-Ispirtu s-Santu ma nirċevuhx darba. Fl-Atti tal-Appostli naraw li l-appostli rċevuh fl-Atti kapitlu 2, imbagħad, wara l-persekuzzjoni, Atti kapitlu 4 jerġgħu jitolbu u jerġgħu jintlew bl-Ispirtu s-Santu. Għandna bżonn nibqgħu mimlija u nitolbu ta’ spiss: “Imlina b’din l-imħabba tiegħek, bl-Ispirtu tiegħek Mulej.”

Il-Knisja, l-Ewkaristija, il-Knisja u l-Ewkaristija huma ħaġa waħda. Araw: l-Ewkaristija tibnina bħala Knisja, il-Knisja tiċċelebra l-Ewkaristija u ssir l-għajn tal-Ispirtu Qaddis, tant illi l-Missirijiet tal-Knisja fil-bidu, fosthom San Ippolitu, kienu jgħidu li l-Knisja hija l-post:

“fejn jiffjorixxi l-Ispirtu s-Santu.” (San Ippolitu ta’ Ruma, Tradito Apostolica, 35)

Il-Knisja huwa l-post fejn l-Ispirtu s-Santu jaħdem, u b’mod partikolari rajna dan fl-Ewkaristija Mqaddsa. U l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja propju joħodha għal dak li hija l-qalba tagħha. Il-Knisja jiġifieri, dawk il-miġburin — dak li tfisser. Issa dawk li huma miġburin, x’jiġborhom flimkien? Id-don tal-Ispirtu li huwa mħabba. Il-Katekiżmu jgħidilna:

“L-imħabba, l-aqwa don tal-Ispirtu s-Santu.” (KKK 1971)

Għaliex? Għax l-Ispirtu s-Santu huwa l-istess l-imħabba. Ftakru kwotazzjoni minn San Pawl li semmejtha diversi drabi f’dawn l-eżerċizzi:

“L-imħabba t’Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5: 5)

Għalhekk il-Knisja mbagħad, frott it-Tqarbin, frott l-għaqda ma’ Kristu, frott l-Ispirtu li nirċievu, aħna ngħixu l-Kmandament tal-Imħabba:

“Dan hu l-Kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.” (Ġwanni 15:12)

U hawnhekk nafu nibdew ngħixu l-Ħajja Ġdida, il-ħajja tal-ispirtu, il-ħajja t’Alla fina, il-ħajja tal-Imħabba. Isimgħu San Ġwann x’jgħidilna fl-Ewwel ittra tiegħu:

“Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx, jinsab fil-mewt… b’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesu’ Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba t’Alla tgħammar fih?” (1 Ġwanni 3: 14, 16-17)

IT-TIENI PARTI

U hawnhekk se niġu għat-tieni parti ta’ din il-katekeżi. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-Ewkaristija, l-Ewkaristija, Kristu nnifsu, meta nitqarbnu jimlina bl-Ispirtu tiegħu biex inkunu nistgħu ngħixu bejnietna fil-Knisja l-Kmandament il-kbir tal-imħabba — l-aħħar darba rajna lejn Alla, issa ħa naraw l-imħabba lejn l-oħrajn. B’mod partikolari nixtieq niffoka fuq l-imħabba tagħna lejn il-fqir, għaliex hemm rabta’ kbira bejn l-Ewkaristija u li naqdu l-foqra, bejn l-Ewkaristija u d-Djakonija, bejn l-Ewkaristija – bejn li nsibu lil Ġesu’ fl-Ewkaristija, Ġesu’ moħbi fl-Ewkaristija — u Ġesu’ moħbi fil-foqra tagħna, għeżież tiegħi.

Interessanti ħafna illi meta l-Knisja fil-bidu, l-ewwel ħutna nsara, ġie mument li kellhom jaffrontaw l-ewwel nies fqar li kien hemm fi ħdan il-komunita’, x’għamlu? Min kienu l-ewwel ħaġa? Kienu r-romol, ir-romol. U meta l-insara bdew jikbru fin-numru kien hemm xi romol bdew igorru li qisha l-Knisja ma kinitx qed tieħu ħsiebhom b’mod tajjeb, jew li  kien hemm romol oħrajn li kienu qed jiġu ttrattati aħjar mill-oħrajn, affarijiet illi jiġru fil-ħajja. L-Appostli x’għamlu? Qalu: “Isma’, aħna għandna bżonn niltaqgħu ftit mal-komunita’, mal-insara, u għandna bżonn nitkellmu fuq din iċ-ċirkustanza u għandna bżonn nieħdu deċiżżjoni minħabba dawn in-nisa romol, kif se ngħinuhom’, u nisimgħu x’jgħidu”:

“Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed (l-imwejjed tar-romol). Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-kelma.” (Atti tal-Appostli 6: 2-4)

Mela l-appostli qalu: “Isma’, għażlu sebat irġiel intom, li huma mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, ħalli dawn jieħu ħsieb ir-romol.” Interessanti, l-unika kwalifika li talbu l-appostli, għal min jieħu ħsieb il-foqra, huwa li jkunu nies mimlija bl-Ispirtu s-Santu. Għaliex? Għax fil-Knisja li tieħu ħsieb il-foqra mhux social work. Il-Knisja mhix NGO, għeżież tiegħi, illi tieħu ħsieb il-problemi soċjali tas-soċjeta’. Il-Knisja trid turi l-imħabba t’Alla lejn il-fqir. Għalhekk riedu jkunu nies mimlija bl-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi. Kemm għandna bżonn fl-għaqdiet kollha tal-Knisja, fl-istituzjonijiet kollha tal-Knisja li jagħmlu l-karita’, dan ikun l-ewwel kriterju. Xi drabi nfittxu l-kompetenza umana li ċertament għandna bżonnha u llum aktar minn qatt qabel. Għandna bżonn anka nies kwalifikati fix-xjenzi soċjali eċċ… Pero’ l-ewwel kriterju li għandu jkun ma’ xi ħadd li jiġi mpjegat f’għaqda tal-karita’ tal-Knisja huwa li jkun persuna mimli bl-Ispirtu s-Santu. Tajjeb illi min hu responsabbli jagħmel dil-mistoqsija, jekk aħna dan infittxuhx dal-kriterju. U tajjeb li min jaħdem fl-għaqdiet, fl-istituzjonijiet tal-Knisja li jagħmlu karita’, jistaqsi lilu nnifsu jekk dan hux kriterju fundamentali għalih personali: “Jien mimli bl-Ispirtu t’Alla?” ”Jiena ħajti mmexxija mill-Ispirtu t’Alla?” Għaliex l-imħabba li rridu nagħtu lill-foqra m’hix imħabba umana, m’hix il-loġika umana. Hi l-imħabba t’Alla li tgħaddi permezz tagħna. Meta aħna naqdu ‘l-fqir, aħna qed nagħtu lilna nfusna lil Ġesu’, biex Ġesu’ jħobbu permezz tagħna.

U għalhekk, nixtieq naqsam magħkom, ta’ malajr, seba’ aspetti illi għandhom ikunu preżenti taħt il-qawwa tal-Ispirtu t’Alla meta aħna ngħinu lill-foqra biex ngħaddu mill-Ewkaristika, miċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, minn ma’ Kristu fl-Ewkaristija għal ma’ Kristu fil-fqir u l-batut ta’ żminijietna.

1. Il-karita’ tagħna trid tkun immotivata mill-imħabba vera

L-ewwel ħaġa, il-karita’ tagħna trid tkun immotivata mill-imħabba vera, mill-imħabba vera. San Pawl jgħid hekk:

“Kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.” (1 Korintin 13: 3)

Pawlu qed jgħid: “Jien se nagħti ġidi b’karita,’ imma m’għandix l-imħabba”. X’imħabba qed jgħid? L-imħabba t’Alla fija. Iġifieri aħna ma nagħmlux il-karita’ b’mod uman: hekk, biex nidhru kemm aħna sbieħ, għax jiena nitħassar lin-nies. Hemm xi ħaġa aktar profonda fil-Knisja, fil-Kristjan. Hi l-imħabba tal-Ispirtu fija, imbuttati, misjuq minn Ġesu’, mill-qalb tiegħi, għeżież tiegħi. Għaliex qed ngħidha din? Għax xi kultant aħna nistgħu nagħmlu karita’ mhux immotivata mill-imħabba.

Nistgħu nagħmlu karita’ biex nidhru. Nistgħu nagħmlu karita’ biex niġu apprezzati. Nistgħu nagħmlu karita’ biex inkunu popolari. Nistgħu nagħmlu karita’ biex jaffermawna. Nistgħu nagħmlu karita’ biex jagħtuna xi rigal. Nistgħu nagħmlu karita’ biex iġibuna fuq il-midja. Nistgħu nagħmlu karita’ b’motivazzjonijiet li m’humiex ġejjin mill-imħabba, għeżież tiegħi. Nista’ nagħmel anki karita’ biex inħossni tajjeb. Aħna ma nagħmlux karita’ biex inħossuna tajbin. Aħna l-insara l-karita’ nagħmluha biex naqsmu l-imħabba t’Alla mall-bniedem, anki jekk jien ma nħossnix tajjeb. Mhux jien fiċ-ċentru tal-karita’. Jien trasparenza: il-Kristjan fil-karita’ huwa t-trasparenza ta’ Kristu. Huwa Kristu li jagħmel il-karita’ mal-fqir innifsu, għeżież tiegħi, permezz tagħna fil-Knisja. Għandna loġika differenti bħala nsara.

2. Il-karita’ ssir quddiem il-Missier tagħna tas-Sema

It-tieni, il-karita’ tan-nisrani mimli bl-Ispirtu s-Santu għandha tkun, issir quddiem Alla, quddiem il-Missier tagħna tas-Sema. Ftakru Ġesu’ x’qalilna fil-bidu tar-Randan għeżież tiegħi. F’Ras ir-Randan, il-Evanġelju qalilna hekk:

“Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.” (Mattew 6: 2-4)

Mela rridu nagħmluha quddiem il-Missier, immotivati mill-imħabba, imma quddiem Alla mhux quddiem il-bniedem, għeżież tiegħi. Mela m’għandix għalfejn noqgħodu nistennew rikumpens, il-proset, il-grazzi, li nkunu magħrufa. Pjuttost jekk nistgħu nagħmlu l-karita’ fil-moħbi, jekk lil min tagħmel karita’ jista’ jkun li ma jkunx jaf li int għamiltha miegħu, tinħeba wara xi ħaddieħor, tant aħjar għeżież tiegħi, tant aħjar. Dik hija l-karita’ li hi tant miġjuba minn Alla, li verament ma’ tpoġġix lilna fiċ-ċentru.

3. Fil-fqir irridu naraw lil Kristu

It-tielet aspett tal-karita’ Kristjana huwa illi aħna fil-fqir verament naraw lil Kristu. Ġesu’ tafu x’qalilna fil-Vanġelu tiegħu:

“’Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’” (Mattew 25: 37-39)

Dak li għamilna mal-oħrajn, għamilnih miegħu. Pero’ Ġesu’ jgħidilna kelma oħra:

“‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’” (Mattew 25: 45)

Dak li għamilna mal-foqra, għamilnih ma’ Ġesu’. Dak li m’għamilnix mal-foqra, m’għamilnix ma’ Ġesu’. U nafuhom aħna l-opri tal-ħniena għeżież tiegħi:

  • Kont barrani u lqajtni,
  • kont bil-ġuħ u tmajtni,
  • kont għeri u libbistni,
  • kont fil-ħabs ġejt iżżurni,
  • kont marid u ġejt tarani.

Għeżież tiegħi, l-opri tal-ħniena, il-karita’ tagħna li fihom dawn naraw lil Ġesu’. Hekk, agħmlu dan l-eżerċizzju.

Meta tiġi biex tgħin lil xi ħadd fqir dejjem issib raġuni biex ma tgħinux, mhux hekk? Dejjem tista’ tgħid għax it-tort tiegħu, għax jilgħabhom, għax imissu ħa ħsieb qabel. Dejjem tista’ ssib raġuni biex ma tgħinx. Aħna rridu nsibu raġuni biex ngħinu lil min hu fqir u batut, u r-raġuni għandha tkun għalina l-insara – Kristu. Bil-għerf kollu u mhux bil-bluha, nagħmlu l-affarijiet bil-għaqal, imma mmotivati għaliex Kristu huwa f’dak il-persuna fqira.

Kemm hu faċli tgħajjat mal-fqir. Kemm hu faċli tagħlaq il-bieb f’wiċċ il-fqir. Kemm hu faċli tibqa’ għaddej minn quddiem il-fqir. Kemm hu faċli tgħid: ‘U iva, hemm il-gvern, jieħu ħsieb hu”, quddiem il-fqir. Kemm hu faċli tgħid: “m’għandix il-ħin”. Kemm hu faċli tgħid: “u iva, hemm xi ħadd ieħor.” Kemm hu faċli tgħid: “u iva, hemm il-kummisjoni tieħu ħsieb dana.” Kemm hu faċli tgħid : ”u le għandek l-NGO.” Kemm hu faċli tgħid: “isma’, hemm dak it-telefon: ċempel fuqu.” Kemm hu faċli. Għalija qed ngħid ta; għal ħadd aktar. Kemm hu faċli. Kemm hu faċli quddiem il-foqra nkunu bħal din il-parabbola tas-Samaritan li baqa’ għaddej u ma niqfux, inħallu f’idejn xi ħadd. Kemm hu faċli illi nagħmluha!

Meta qed insemmu din il-lista ta’ foqra illi Ġesu’ jsemmi, minħabba anke li l-Mulej tani grazzja mingħajr ma jistħoqqli u m’inhix denju tagħha, li ġieli naqdi għeżież tiegħi, nipprova nagħmel xi ħaġa żgħira ma’ ħutna li jinsabu fil-ħabs. Nixtieq naqsam daqsxejn ftit ħsibijiet ta’ malajr fuq hekk. L-ewwel ħaġa nħeġġiġkom biex ma ninsewx lil min hu fil-ħabs. Il-Kelma t’Alla tgħidilna hekk:

“Ftakru f’dawk li huma fil-ħabs daqslikieku kontu fil-ħabs magħhom.” (Lhud 13: 3)

Ftakru f’dawk li huma fil-ħabs, daqslikieku kontu fil-ħabs magħhom. Mhux faċli għax jekk ma tkunx fil-ħabs qatt ma tista’ tifhem x’jiġifieri tkun il-ħabs, għeżież tiegħi. Anki jien li nkun preżenti, ma nistax nifhem x’iġifieri tkun il-ħabs għax trid tkun għamilt l-esperjenza biex tkun taf. Pero, hekk fuq din ir-realta’, l-ewwel ħaġa li nixtieq ngħid illi wara ħabsi hemm vittma u għalhekk nifhem illi min hu vittma jweġġa’, għeżież tiegħi, u xi darbi anki meta xi ħadd jitkellem fuq min qiegħed il-ħabs, il-vittmi jweġġgħu u nifhem għax hija weġgħa. Hija weġgħa jekk qatlulek lil xi ħadd, hija weġgħa jekk darbu n-nanna tiegħek, lil ommok li hi anzjana, hija weġgħa jekk daħlu u serquk; hija trawma li xi drabi tibqa’ tgħixha. Jiġifieri, min hu vittma, għeżież tiegħi, hija realta’ illi nifhem it-tbatija.

U lil min hu vittma, jiena ngħidlu: fittex ġustizzja, għax il-ġustizzja tfejjaq lill-vittmi. Imma mal-ġustizzja, ngħidlek ukoll, fittex li taħfer għax il-ġustizzja mingħajr maħfra, għandha r-riskju li ssir vendikazzjoni, u aħna ma rridux nagħmlu vendikazzjonijiet, għeżież tiegħi, fil-ħajja. Il-weġgħat irriduhom li jfiequ u mhux nittrasformawhom f’vendikazzjonijiet. U dak li żżomm lill- ġustizzja milli ssir vendikazzjoni hija dejjem il-maħfra.

Il-karita’ li aħna msejħin anke li nuru, għeżież tiegħi, ma’ min qiegħed fil-ħabs, xi drabi rridu nuruha anke fis-social media, fil-mezzi tagħna. Jiġifieri meta tgħid: “Isma’, aqfel iċ-ċavetta u mbagħad armiha”, qisek persuna kkundannajtu u armejtu kompletament ‘il barra mis-soċjeta’ li żbalja fiha, din mhux karita’ Kristjana. Għalina l-insara qed ngħid. Min ma jemminx jista’ jirraġuna differenti minni. Imma aħna li suppost mimlija bl-Ispirtu t’Alla u ngħixu l-Vanġelu, il-ħarsa tagħna hija ta’ Kristu anki fuq min qiegħed il-ħabs, għeżież tiegħi. Hija challenging, naf li hija challenging, imma aħna ngħixu bil-qawwa t’Alla jew le? Ngħixu bil-qawwa ta’ Kristu fina jew le? It-tqarbin tagħna f’hiex jissarraf? Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fina, fejn qiegħda, għeżież tiegħi? Il-kliem tagħna, min qiegħed fil-ħabs tilef il-liberta’, imma ma tilifx id-dinjita’, għeżież tiegħi. Kull min żbalja u qiegħed il-ħabs tilef il-liberta’ pero’ ma tilifx id-dinjita’, u aħna hija parti mill-karita’ tagħna lejn min hu fil-ħabs, li nibqgħu nirrispettaw id-dinjita’ ta’ kull bniedem, anke tal-bniedem li żbalja.

Ftakru li soċjeta’ hi b’saħħitha daqs kemm tagħti spazju ‘l-aktar nies dgħajfa, bħalma hija t-tarbija fil-ġuf u min hu fl-aħħar lejn it-tmiem tal-ħajja tiegħu jew min hu anzjan. Mela, soċjeta’ hi b’saħħitha daqs kemm kapaċi tilqa’ d-dgħajjef u daqs kemm hi kapaċi tilqa’ ‘l min żbalja. Jekk soċjeta’ m’għandhiex spazju għal min hu dgħajjef u għal min żbalja, dik is-soċjeta’ qiegħda f’riskju kbir li teqred lilha nnifisha, mingħajr ma nindunaw. Aħna b’saħħitna daqs kemm nagħtu ċans anke lil min żbalja, anka lil min qiegħed il-ħabs, għeżież tiegħi.

U allura, nixtieq nagħmel kuraġġ u nħeġġeġ b’ħafna għaqal, prudenza u b’sistemi li għandna, għall-grazzja t’Alla, li anka agħtu opportunita’ ta’ xogħol lil min qiegħed il-ħabs, meta jiġi biex joħroġ u anke meta qiegħed il-ħabs stess ħalli jkun jista’ jibni ħajtu mill-ġdid wara l-iżball li jkun għamel u li jkun patta għalih fil-ħabs, u għadda minn mumenti ta’ rijabilitazzjoni fil-ħajja tiegħu. Tibżgħux tatu ċans lill-priġunieri. Ħafna drabi, għeżież tiegħi, iva, persuni jkunu żbaljaw, imma meta tisma’ l-istejjer, issir taf lill-persuni, xi drabi tiskopri wiċċ ieħor, tiskopri esperjenzi oħrajn.

Il-bniedem ma tistax tħares lejh biss mill-iżball li għamel. Hemm ħafna faċċati oħrajn anke fil-qlub u fil-ħajja tal-priġunieri tagħna illi nkunu għadna ma skoprejnihomx jew ma tajnihomx ċans li niskopruhom, plus illi ngħidilkom li xi drabi l-aggressur, min ikun il-ħabs, huwa vittma huwa stess, eh, ta’ stejjer tal-passat fil-ħajja tiegħu. Ovvjament, xejn ma jiġġustifika li għax inti ġejt imweġġa’, tweġġa’ ‘l ħaddieħor. Xejn ma jiġġustifika, assulutament. Pero,’ naħseb, qalb umana u qalb Kristjana ttina ċ-ċans biex bil-qawwa tal-Ispirtu nistgħu verament nidħlu fil-ħajja tal-bniedem u nagħmlu karita’ vera. Tinsewx min huwa fil-ħabs. Ġewwa l-ħabs ġieli jkollna persuni illi, għal ċirkustanzi differenti, anki l-affarijiet bażiċi meta jiġu arrestati, ma jkollhomx, u jkollna bżonn nipprovduhomlhom. Hawn min jagħmel karitajiet billi jgħin anke f’dawn ir-realtajiet.

U għalhekk inħeġġiġkom,anki: jekk tkunu tafu lil xi ħadd li spiċċa l-ħabs, titilquhx, tinsewhx! Jekk kien ħabib tiegħek u spiċċa l-ħabs, tinsihx. Agħmillu vista. Hemm proċeduri kif għandek tagħmilha u mur arah. Iċċekja kif. Tinsewx lil min żbalja. Ftakru li l-ħabs huwa bħall-isptar. Kulħadd jista’ jispiċċa hemm u kulħadd jista’ jispiċċa f’mument li ma jkunx qed jistenniha. Bħall-isptar, il-ħabs, ma jmurx biss min hu ħati. Imur ukoll sakemm jaraw jekk intix ħati. U għalhekk jista’ jirriżulta li ghalkemm ma tkunx ħati, inti tkun xorta wahda ġewwa l-ħabs. U dan jista’ jiġri lilek, jista’ jiġri lili, jista’ jiġri lil kulħadd, għeżież tiegħi. Ftakru fil-Kelma t’Alla: “Ftakru f’dawk li huma fil-ħabs, daqs li kieku kontu fil-ħabs magħhom.”

4. Il-karita’ hija azzjoni konkreta

Ir-raba’ aspett tal-imħabba Kristjana, tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi, hi illi l-imħabba, il-karita,’ hija azzjoni konkreta; xi ħaġa li rridu nagħmluha, għeżież tiegħi. San Ġwann jgħidina:

“Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ (kif qed nagħmel jien, għax tpaċpiċ għandi, eh), imma bl-għemil u bis-sewwa.” (1 Ġwanni 3:18)

Bl-għemil u bis-sewwa rridu nħobbu, għeżież tiegħi, u mhux bil-kliem. Aħjar tpaċpaċ inqas u tagħmel iktar, għeżież tiegħi. U hawn nies, ta, li ma jpaċpċux, imma li jaġixxu; li jagħmlu karita’ fil-moħbi. Irridu naraw li l-imħabba tagħna tkun konkreta. San Ġakbu jagħmlilna din l-isfida. Jgħidilna:

“X’jiswa ħuti jekk wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fil-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? (Ġakbu 2: 15-16)

Mela mhux bil-paroli, qed jgħidilna San Ġakbu. Il-Ktieb tal-Levitiku jgħidilna wkoll:

“Ma għandekx taqta’ l-frott kollu tad-dwieli tiegħek, u la tlaqqatx li jaqa’ fl-art; ħallih għall-fqir u għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” (Levitiku 19: 10)

Jiġifieri, ħalli xi ħaġa konkreta għall-fqir.

5. Irridu nkunu ġenerużi mal-foqra

Il-ħames aspett ta’ kif aħna nħobbu lill-fqir, taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, hija l-ġenerożita’, il-ġenerożita’ – li nkunu ġenerużi mal-foqra. Xi drabi aħna magħna, ħa ngħidha bl-Ingliż, we love to be spoiled, imma lill-foqra, kollox eżatt eżatt, eżatt. Aħna rridu min ifissidna b’xi rigal żgħir, bl-attenzjoni żejda, imma mal-fqir kollox eżatt, kollox eżatt, eh, kollox eżatt. Għax il-foqra taf x’għandhom? Għandhom mobajl. Eh, b’daqshekk? It-tfal tiegħek kemm il-mobajl għandhom qalbi? Kemm-il darba biddluh? Jiġifieri, aħna lil tagħna nfissduhom, imma ma’ min hu fqir, kollox bl-eżatt nimxu miegħu.

Kunu ġenerużi. Il-Mulej kien tant ġeneruż magħna. Aħna m’aħnix parti mir-raġunamenti tad-dinja. Aħna nsara suppost. Aħna li nimxu wara Ġesu’, moħħna jaħsibha bħal Alla u Alla huwa ġeneruż ma’ kulħadd: mal-midneb, mall-ħażin, mat-tajjeb, mal-midneb u mal-qaddis. Ma’ kulħadd huwa ġeneruż. Aħna jrid ikollna ġenerożita’, aħna illi qegħdin nimxu fl-Ispirtu ta’ Alla. Il-Ktieb tad-Dewteronomju jgħidilna hekk:

“Imma iftaħ idek miegħu, (għall-fqir) u isilfu skont ma jkollu bżonn… għalhekk jien nordnalek u ngħidlek: Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqir u lill-miskin f’artek.” (Dewteronomju 15: 9, 11)

Iftaħ idek sewwa mal-fqir.

6. Il-karita’ li nagħmlu trid tkun frott il-ħidma tagħna

Is-sitt mod kif aħna msejħin, għeżież tiegħi, biex fl-Ispirtu s-Santu nħobbu lill-fqir huwa li anke l-karita’ li nagħmlu tkun frott il-ħidma tagħna, mhux miż-żejjed tagħna. Li naħdmu, il-kunċett tagħna ta’ xogħol u ħidma, m’għandux ikun biss naħdem biex jiena jkolli l-flus u jekk għandi xi ħaġa żejda, mbagħad naghtiha ‘l-foqra, jew niċċaħħad minn xi ħaġa żgħira biex nagħtiha ‘l-foqra. Aħna l-insara naħdmu wkoll biex nagħmlu karita’. Il-karita’ frott ix-xogħol tagħna. Eh, għeżież tiegħi, l-imħabba hija radikali, eh, għeżież tiegħi, fina l-insara; suppost, għall-inqas. Din hija xi ħaġa li aħna msejħin għaliha. Isimgħu fl-Atti tal-Appostli x’għandna miktub:

“F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn, waqt li niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal, ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.’ ” (Atti tal-Appostli 20: 35)

Nerġa’ nirrepeti: F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn. Bil-ħidma tagħna, bix-xogħol iebes tagħna ngħinu u nagħmlu karita’. Xi darba hekk, mhux ħafna, imma ltqajt ma’ persuni illi kif jirċievu l-paga, iwarbu persentaġġ żgħir minnha għall-karita’. Mhux il-kemm huwa importanti, imma li jagħmluha regolarment. Li f’qalbhom għandhom “jien qed naħdem għall-familja, qed naħdem għall-eżerċizzju tiegħi, għall-isports; imma qed naħdem ukoll biex inżomm għaddej persuna fqira.” Xi spirtu nisrani sabiħ: reġolari. Int lest li tagħmel dan, li twarrab xi ħaġa regolari għall-foqra? Għandu jkun parti minnek li taghmel dan, mhux l-eċċezzjoni. Mhux għax ġie xi mument, ġie ż-żmien tar-Randan, ġie ż-żmien tal-Milied. Parti regolari tal-ħajja nisranija tiegħi. Il-fqir huwa l-ħabib tan-nisrani dejjem, għeżież tiegħi.

7. Il-karita’ trid issir bil-ferħ

Is-seba’ u l-aħħar ħaġa li nixtieq nipproponielkom, jekk nagħmlu l-karita’ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hija li ssir bil-ferħ. Bil-ferħ – li l-karita’ ssir bil-ferħ. San Pawl jgħidilna:

“Kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (2 Korintin 9: 7)

Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ! Ah, għeżież tiegħi, iltqajt ma’ nies li jgħallmuni illi jagħtu bil-ferħ u tara l-ferħ fil-qalb tagħhom. Għall-ġenerożita m’humiex xħaħ, imma li għandhom jaqsmuh bil-ferħ. Huwa sinjal qawwi tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi.

Konklużjoni

Meta aħna ngħixu b’din il-qawwa tal-Ispirtu illi twassalna li nħobbu ‘l Alla, kif rajna l-aħħar darba, b’mod radikali, inħobbu lil Ġesu’ u nħobbu ‘l fqir; meta aħna ngħixu hekk, inkunu wasalna fil-quċċata, fil-milja, fl-ordinarjeta’ ta’ dak li jagħmilna nsara. Mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, aħna msejħin li nħobbu lil Ġesu’ u nħobbu lill-aħwa tagħna, lill-bnedmin, b’mod speċjali lill-foqra u lill-batuti.

U din l-imħabba, b’mod speċjali lejn il-bniedem, hija mħabba li aħna msejħin biex nagħtuha b’xejn. Ma nħobbux lil xi ħadd, biex xi ħadd jiġi l-knisja. Ma nħobbux lin-nies biex inġibuhom il-knisja. Inħobbuhom, għax inħobbuhom: inħobbuhom għaliex Kristu qed iħobbhom fina. Alla ma jħobbniex biex jiġbidna lejh. Iħobbna għax iħobbna. L-imħabba qatt m’għandna nużawha għall-ebda skop ieħor, l-anqas għall-konverżjonijiet, lanqas biex jiġu l-knisja. Għandna nħobbu b’mod ħieles, totali u b’xejn, u jekk dik l-imħabba hija l-imħabba tal-Ispirtu u mhux tagħna, huwa l-Ispirtu s-Santu li jaħdem f’qalb il-bniedem meta aħna nħobbuh b’dak il-mod u jiġbdu huwa stess lejn Ġesu’. Isimgħu l-għerf tal-Papa Benedittu XVI x’jgħidilna fuq dan is-suġġett:

“L-imħabba hija ħielsa; ma titwettaqx biex nilħqu għanijiet oħra… Min iwettaq il-karita’ f’isem il-Knisja qatt ma’ għandu jipprova jimponi l-fidi tal-Knisja fuq l-oħrajn. Huwa jaf li l-imħabba safja u ġeneruża hija l-aqwa xhieda lil Alla li fih nemmnu u li minnu aħna nitqanqlu għall-imħabba. (Isimgħu) In-nisrani jaf meta jkun il-waqt li jitkellem dwar Alla u meta jkun aħjar li ma jgħid xejn u jħalli l-imħabba titkellem hi. Huwa jaf li Alla huwa mħabba u li jkun preżenti propju f’dawk il-ħinijiet li fihom ma’ jkun hemm xejn iżjed ħlief l-imħabba.” (Benedittu XVI, Alla hu Mħabba, 31c)  

Mhux ilkoll għandna d-don tal-Kelma, li kapaċi noqgħodu nitkellmu fuq Alla, pero’ lkoll għandna fina l-Ispirtu t’Alla li hu mħabba, li jtina l-qawwa li nħobbu ‘l bniedem, lil kull bniedem, bl-istess imħabba li biha Alla jħobbna.

Int trid tkun din il-persuna ġdida? Il-Knisja għandha bżonn lilek! Id-dinja għandha bżonn lilek! Familtek għandha bżonn lilek! Is-soċjeta’ għandha bżonn lilek! Pajjiżna għandu bżonn lilek! Inti li tkun mimli bl-Ispirtu s-Santu. Biex fid-dinja ta’ madwarna, minkejja l-kesħa, il-ġlied, il-mibgħeda, il-gwerer, il-pandemija, il-konflitti li aħna nħossu, aħna nistgħu inkunu strumenti biex Kristu jgħaddi minn din id-dinja għal darb’oħra u jħobb u jfejjaq u jeħles permezz tagħna.

Mimlijin bl-Ispirtu s-Santu,

  • il-ħarsa tagħna ssir il-ħarsa tiegħU,
  • widnejna jsiru widnejH,
  • wiċċna jsir wiċċU,
  • qalbna ssir qalbU,
  • idejna jsiru jdejH,
  • riġlejna jsiru riġlejH,
  • ġisimna jsir ġismU.

Mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, aħna nsiru Ġesu’ f’din id-dinja. Ġesu’ jgħix fina biex il-bniedem tal-lum, permezz tagħna, minkejja li aħna fraġli, midinba u nonqsu, imma Kristu jużana biex iħobb, ifejjaq, jaħfer u jeħles l-umanita’, il-bniedem ferut ta’ żminijietna.

Kemm nixtieqkom ilkoll, għeżież tiegħi, niftħu qalbna beraħ għall-Ispirtu s-Santu. Nitolbuh ta’ spiss: “Ejja Spirtu s-Santu! Ejja mlini bil-qawwa tiegħek!”  Ma nħallux il-biża’ taħkimna. Ma nħallux il-ħażen jaħkimna. Ma nibżgħux quddiem l-isfidi ta’ żminijietna, għaliex aħna għandna dan l-Ispirtu tal-imħabba fil-ħajja tagħna li kapaċi jegħleb dak kollu li huwa dnub, mibgħeda u firda: fina, bejnietna u fis-soċjeta’ tagħna. Bl-Ispirtu s-Santu fina, aħna nistgħu naraw lil dak Alla li għalih m’hemm xejn li ma jistax isir. Ejjew nitolbu bit-talba tal-“Veni Creator” għal darb’oħra, biex l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqna lkoll, aħna li segwejna dawn l-eżerċizzi u dawk kollha li segwew anki bil-mezzi ta’ komunikazjoni soċjali: l-Mulej jilmlina bl-Ispirtu tiegħu!

Ħallieq ta’ kollox, ejja,
o Spirtu, żur lil ruħna:
bil-grazzja tiegħek fawwar
il-qlub maħluqa minnek.

Int Difensur u Faraġ,
id-don ta’ Alla l-Għoli,
għajn ħajja, nar, imħabba,
u qawwa tar-ruħ tagħna.

Int turi l-qawwa t’Alla
bis-seba’ doni tiegħek:
int mill-Missier imwiegħed
biex tagħti l-kliem lil fommna.

Mexxina fid-dawl tiegħek,
bi mħabbtek imla qalbna,
bil-qawwa tiegħek wettaq
il-ġisem dgħajjef tagħna.

Biegħed minn fostna l-għadu,
fis-sliem għal dejjem żommna;
jekk int quddiemna timxi,
neħilsu minn kull deni.

Kun fina, w bid-don tiegħek
nagħrfu l-Missier u l-Iben
u nemmnu b’fidi sħiħa
li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s