Inħafrulha għax ħabbet ħafna!

Il-Ġimgħa,17 ta’ Settembru 2021: Riflessjoni waqt il-laqgħa ‘Ejjew Għandi’ fil-knisja ta’ Sant’Antnin, Raħal Ġdid. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Wieħed Fariżew stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. (din hija din l-imbierka prostituta) Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ;  u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. 

Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!” Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.” “Għid, imgħallem,” qallu dak. “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?” Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.” “Ħsibtha tajjeb,” qallu Ġesù. 

Imbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn x’ħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthielix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” 

Imbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.” Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?” Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.” (Luqa 7: 36-50)

Ma nafx intom, għeżież tiegħi, imma dal-Vanġelu huwa bellezza. M’għandniex ħin biżżejjed biex nidħlu fil-fond kollu tiegħu, imma għandna din l-ikla fejn wieħed raġel jaħseb li hu qaddis iktar minn Alla — Fariżew. Dawn huma l-gruppi fil-Knisja li jaħsbu li huma aħjar minn kulħadd, li huma biss it-tajbin, li huma biss ħa jsalvaw, huma aħjar, huma, they are the top. Min mhux bħalna, ħażin. Aħna biss it-tajbin. Wieħed minn dawn stieden lil Ġesu’ biex imur jiekol għandu. Għamel xi bravura stieden lil Ġesu’ jiġi għandu u Ġesu’ mar għandu wkoll, għaliex Ġesu’ ma jkeċċi ‘l ħadd, anke ‘l min forsi jaħseb li huwa qaddis iktar minnU. Alla ma jibgħatux jixxejjer u mar għandu d-dar, kiel. Imma x’jiġri? Din il-mara, din il-prostituta, kulħadd kien jaf biha. Id-dnub tagħha kien magħruf u dina kellha l-gazz illi tmur fejn m’hijiex mistiedna. Ma kinitx mistiedna għall-ikla. Imma għax kien hemm Ġesu’ stiednet ruħha b’idejha. Qabdet u marret għall-ikla mingħajr ħadd ma stedinha.

Din il-mara, tgħallimna, għeżież tiegħi, affarijiet sbieħ ħafna. Hija simbolu ta’ dawk l-aspetti fil-ħajja tagħna li kulħadd jaf bihom. Aħna għandna dnubiet li jaf bihom kulħadd u għandna oħrajn li ma jaf bihom ħadd. Aħna għandna the secret sins fil-ħajja tagħna li ħadd ma jafhom. Imbagħad għandna l-affarijiet tagħna li huma ftit maħmuġin li jafhom kulħadd. Din il-mara ma beżgħetx li kulħadd jaf it-taħwid tagħha u qabdet u marret fil-post fejn kienet taf li se jiġġudikawha, se jeħduha kontra tagħha. Pero’ ma tatx kashom, għaliex kienet taf li hemm hemm wieħed li se jibdel l-istorja ta’ ħajjitha.

U aħna qegħdin hawnhekk, għeżież tiegħi, ilkoll bħal dik il-mara. Nittama li ħadd minna m’hu Fariżew hawnhekk, bija b’kollox, li jaħseb li hu qaddis iktar minn Alla. Imma aħna nagħrfu lkoll kemm aħna, għeżież tiegħi, li għandna d-dnub fil-ħajja tagħna, li ħadd minna m’hu perfett. Pero’, kif tidħol, din il-mara tiltaqa’ l-ewwel ma’ din l-oppożizzjoni tal-Fariżew: “Kieku kien jaf min hi din, kien iħalliha tmisslu saqajh? Qed tħalliha hawnhekk?”

Għeżież tiegħi, aħna jista’ jiġrilna hekk ukoll li xi drabi tkun ‘l bogħod mill-Knisja, il-Mulej jiġbdek u tersaq lejn il-Knisja u tisma’ lil xi ħadd jibda jgħid fuqek: “Ara, min ġie! Issa ġiet din? Ara, x’qala’! Ma rax x’għamel? Issa tfaċċa dan?” Jista’ jgħidulek dan hawn, fil-Knisja stess, jew  jgħiduhulek b’xi kumment “X’taħseb li int?” fuq Facebook, jew jibgħatuhulek jew tismagħhom izekzku fuqek.

Din il-mara qalu fuqha, pero’ xejn ma żammha. L-agħar ilħna mhumiex ta’ barra minna, pero’. L-agħar ilħna li jżommuna milli nagħmlu l-pass għall-bidla fil-ħajja tagħna huma l-ilħna ta’ ġewwa fina, mhux l-ilħna ta’ barra minna. Meta aħna stess inkunu l-blockage għalina nfusna, meta aħna stess ma nagħtux ċans lilna nfusna fil-ħajja, meta aħna ma naħfrux l-istess lilna nfusna, meta aħna noqgħodu ntellgħu u nniżlu hux ħa nagħmel il-pass jew le, meta aħna stess noqgħodu naħsbu x’jistgħu jgħidu u ma jgħidux fuqi. Din il-mara kienet tafli she needed a way out, imma din ma sabitha mkien. Kull raġel ieħor inqeda biha, użaha u ramiha. Riedet issib triq oħra f’ħajjitha għax xebgħet f’dik iċ-ċirkustanza. Forsi li minhabba dan xi drabi, aħna nibqgħu ninnamraw mal-iżbalji tagħna, ma nixbgħux minnhom u għalhekk immorru lura għar-remettar tagħna fil-ħajja. Imma meta din il-mara ġiha l-mument u qalet: “Daqshekk! I cannot take it any more, ħajti trid tieħu direzzjoni ġdida, irrid nitbiddel,” kienet ħadet il-pass li kellha tieħu.

Għalhekk, illum nghidilkom kuraġġ, għeżież tiegħi. Jista’ jkun li wħud minnkom li qegħdin hawnhekk iħossu xi ħaġa imma ma jafux għaliex. Qisu hemm xi ħaġa timbuttakom fil-ħajja. Forsi smajtu leħen ġewwa fikom jghid lil kull wieħed minnkom: “Jien hemm bżonn nagħmel pass ġdid, hemm bżonn ninqala’, ma jistax ikun nibqa’ sejjer hekk, ma jistax ikun nibqa’ nħawwad — anke jekk ħaddieħor qed iħawwad, ma jistax ikun nibqa’ addict għall-pornografija, ma jistax ikun nibqa’ nieħu d-droga, ma jistax ikun li nibqa’ ngħix f’adulterju, ma jistax ikun nibqa’ nifflertja, ma jistax ikun nibqa’ nħawwad fil-moħbi.

Dina sabitha l-way out, għeżież tiegħi,u marret, u x’esperjenzat, għeżież tiegħi? L-ewwel m’esperjenzat lil Ġesu’ mhux ikellem lilha, imma jaqbeż għaliha. U attenti. Ġesu’ l-ewwel ma jkellimx lilha: jiddefendiha. Tafu li Alla hu man-naħa ta’ min żbalja? Alla mhux biss magħna, imma man-naħa tagħna. Jekk ikun fil-Qorti miegħek, man-naħa tiegħek ikun, anke jekk żbaljat. Alla magħna u man-naħa tagħna. Alla is at the side of the sinner, always. Hu magħna u man-naħa tagħna: mhux biex ikissirna, iżda biex jagħtina tama, għeżież tiegħi. U l-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesu’ hi li jiddefendiha. Tistgħu timmaġinaw lil Ġesu’ kif tilef il-krettu tiegħu f’dal-mument? Tistgħu timmaġinaw lil Ġesu’ jiddefendi lill-prostituta quddiem dak li jaħseb li qaddis iktar minn Alla? Kif Ġesu’ tilef il-fama ma’ dan?

Imma Ġesu’ ma jinteressahx li jitlef il-fama minħabba fik. Ma jinteressahx jekk jitlefx il-fama tiegħu għalina. Lil ċerti nies, anke fi żminijietna, Kristu għadu jħawwadhom, jiskandalizzahom. Għaliex aħna ,quddiem il-ħażen, quddiem min jiżbalja, kieku nistgħu neqirduh minn wiċċ id-dinja. Imma Alla jagħti t-tama lil kulħadd. Aħna ‘l għadu tagħna noqtluh kieku nistgħu: imma Alla jagħtih tama ġdida. U ma tifhimx kif Alla jagħti tama ġdida ‘l min weġġgħek. Ma tifhimx kif Alla jagħti tama ġdida lil min ħadlek il-mara, lil min ħadlek lil żewġek. L-għadu tiegħek teqirdu mela ttih tama. Dawk huma s-sentimenti tagħna u ma nagħti tort lil ħadd għax aħna bnedmin; m’aħniex anġli. Pero’ għalhekk niġu hawnhekk, għax sew jekk aħna żbaljana, sew jekk aħna vittma ta’ żball, it-tnejn għandna bżonn. U Ġesu’ ‘l din iddefendiha.

Kemm għandna bżonn, għeżież tiegħi, nemmnu li l-Mulej verament magħna u jiddefendina fl-iżbalji tagħna, fid-dnub tagħna. Kemm hija ħasra meta n-nies iħossuhom li l-Knisja tiġġudikahom, jew il-Knisja tiżbalja kif titkellem jew aħna ma nifhmuhiex. Imma x’imkien hemm xi żball, għax Alla ‘l-midneb jaqbeż għalih, anke fl-iżball tiegħu.

It-tieni ħaġa. Din il-mara tesperjenza mhux biss lil Ġesu’ jiddefendiha, imma li Ġesu’ ma jinqedhiex biha. Dina, għeżież tiegħi, la kienet prostituta, raġel li kienet tmissu kien jinqeda biha. U dina, jgħidilna l-Vanġelu, missitlu saqajh. Tant hu hekk illi, kif missitlu saqajh, mill-ewwel bdew jakkużawh.. “Eh, kieku jaf min hi dina ħa jħalliha tmissu?” Wisq probabbli li huma kellhom moħħhom maħmuġ u ħasbu li kulħadd bħalhom. Imma Ġesu’ lil mara ma jużahiex: jagħtiha d-dinjita’, ma jinqedhiex biha.

Darb’oħra Ġesu’ spiċċa waħdu ma’ waħda mara wkoll li kienet f’adulterju. Tiftakru meta qalilhom: “Min ma għandux xi ħtija, jitfa’ l-ewwel ġebla”, u kulħadd telaq u baqgħu hu u hi, iżda ma nqediex biha. Darb’oħra, Ġesu’, għajjien kif kien, ħdejn bir iltaqa’ ma’ mara li kellha ħamest irġiel. Sabha waħedha f’dak il-mument u ma nqediex biha. A real man never uses a woman. Ġesu’ jgħidilna, għeżież tiegħi, li ma ninqdew b’ħadd, b’mod speċjali b’persuni li jkunu dgħajfin u għalhekk jiżbaljaw. Persuni li għax qed ifittxu l-imħabba, faċilment tixrobhom. Persuni li għax iħossuhom vojta fil-ħajja, faċilment twaqqafhom. Imma fejn hi d-dinjita’, għeżież tiegħi? Kemm hu faċli li aħna nabbużaw minn xulxin fir-relazzjonijiet tagħna, meta nsibu lil xi ħadd dgħajjef u napprofittaw ruħna minnu. Il-Mulej illum jgħidilna “le”: Ġesu’ jiddefendiha, Ġesu’ ma jinqediex biha. Ġesu’ lil din, fl-aħħar jagħlaq billi jgħidilha: “Dnubietek maħfura.”

Interessanti li dil-mara qatt ma talbitu maħfra lil Ġesu’. Dil-mara fil-Vanġelu ma nsibux li qaltlu: “Ġesu’ sorry, aħfirli, jiena żbaljat.” Il-maħfra ma talbithiex bil-kliem, il-maħfra talbitha bid-dmugħ, il-maħfra talbitha bil-qalb, għax Alla l-kliem tagħna xeba’ minnu, imma qalbna jrid, għeżież tiegħi. Bil-kliem, jiena magħkom, ngħidu wkoll ħafna affarijiet. Fil-bidu tal-Quddies ngħidu: “Ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, l-akbar ħtija… tal-mara jew tar-raġel..” Hux vera li hekk ngħidu: “Ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, l-akbar ħtija tiegħu jew l-akbar ħtija tagħha”, għax jiġu nies iqerru jgħidlek, “Fr, dgħajt għax il-mara qabżithieli.” Eqq, ġejt tqerr id-dnub tiegħek jew tagħha, qalbi? Iddeċiedi. Imma kemm hu faċli, għeżież tiegħi, li aħna nġibu ruħna hekk. Dina ma tmurx bil-kliem imma bill-qalb, bid-dmugħ. Mhux li kien aħna nibku, għeżież tiegħi. Mhux nibku biex nitkissru: nibku bil-ferħ, għaliex l-għajnejn li jibku jaraw aħjar fil-ħajja. L-għajnejn li jibku għandhom vista isbaħ. Meta nibku dnubietna quddiem Alla, naraw l-imħabba t’Alla ħafna isbaħ. Naraw il-wiċċ sabiħ, ġentili u teneru tiegħU, għeżież tiegħi.

Ejjew inħallu llum ukoll lill-qalb tagħna tiltaqa’ ma’ Kristu; nħallu ‘l-Mulej imiss il-qalb tagħna. Din il-mara, la bkiet tafu xi jfisser? Kienet qed tfiq. Il-ġudizzju ma jfejjaqx nies, il-kundanni ma jfejqu ‘l ħadd. Imma meta l-qalb tagħna tmiss mal-Ħniena t’Alla, tibki għax qed tiġi mfejjaq, għax tinħeles. Ġesu’ dil-mara għamilha wisq iktar mill-maħfra tad-dnub tagħha: ħelsilha qalbha mit-toqol, ħelsilha qalbha minn dak kollu li kien piż fuqha, ħelsilha qalbha minn dak li kienet qed tkaxkar, ħelsilha qalbha minn tant ġudizzji li kienet iġorr fuqha, minn x’qed jgħid ħaddieħor fuqha. Fl-aħħar din inħelset minn ġewwa, għeżież tiegħi, imbagħad Ġesu’ jgħidilha: “Mur fil-paċi.”

Alla jaħfrilna, mhux biex juri kemm hu tajjeb hu: jgħidilna: “ara kemm inħobbkom, naħfrilkom.” His forgiveness is not about Him; it’s about us. Biex jagħtina l-paċi f’qalbna. Huwa f’dal-kuntest, għeżież tiegħi, li nixtieq nagħmlilkom stedina llum: illi ma nibżgħux nagħmlu din l-esperjenza li għamlet din il-mara. Ġesu’ hemm mument fil-Knisja fejn jiġi jiltaqa’ magħna kif iltaqa’ ma’ dil-mara. Dan huwa fil-mument tal-qrar, fejn permezz tas-saċerdot lilna wkoll jgħidilna: “Dnubietkom maħfura, morru fil-paċi.” Il-qrar mhuwiex mument ta’ Counselling, il-qrar mhux mument biex insolvu l-problemi, il-qrar mhuwiex il-mument biex nagħmlu xi analiżi ta’ barra minn hawn allaħares insejna xi dnub għax ma nafx x’hiex.

Il-qrar huwa mument meta l-qalb ta’ Ġesu’ tiltaqa’ ma’ tagħna biex aħna nibku bikja, ninħelsu u nfiqu u nitilqu fil-paċi. X’tieħu mill-qrar? Tieħu l-paċi f’qalbek. Issib uħud li jgħidulek, għeżież tiegħi: “Imma jien ma nistax inqerr direttament m’Alla. X’hemm għalfejn noqgħod immur għand il-qassis biex inqerr?’ Daqsżgur li tista’ titlob lill-Mulej maħfra f’qalbek, direttament lilu tista’ tagħmilha u għamilha. Imma Alla għażel xi ħaġ’oħra għalik; irid jurik wiċċ uman, irid ikellmek b’fomm, irid imissek b’id, irid iħares lejk b’għajnejn li int tifhimhom. Għax lil Alla mhux dejjem tifhmu, imma lili, bniedem midneb bħalek u agħar minnek, Tifhimni, u jiena nifhem lil qalbek. Statwa ma tifhmekx. Alla jiġi għandna bit-touch umana, maħbubin tiegħi, u għalhekk għażel lilna s-saċerdoti, midinba, biex nirrappreżentaw lilU, biex inkunu sinjal tiegħu.

Huwa vera li xi drabi tisimgħu bi skandli tagħna, bi dnubiet tagħna li jkunu fil-media u fil-pubbliku. Huma vera u qegħdin nitolbu maħfra għalihom. Jiena, qabel mal-Mulej sejjaħli għal patri, x-xewqa tiegħi kienet li nsir tabib. Immaġina kieku tabib jiżbalja ħadd minna ma jmur għand tabib ieħor, eh, taħsbu? Jekk tisma’ li t-tabib tiegħek żbalja, ta xi mediċina ħażina, daqshekk tobba f’ħajtek? Xi ħadd jagħmel hekk? Ma nagħmlux hekk. Sib min Jolqtok, qalbi. Illum għandna saċerdoti magħna u tiddejqux li tqumu minn postkom waqt il-laqgħa kollha u tmorru tirċievu dik it-tgħannieqa ta’ mħabba fil-qrar, kull min għandu bżonnha.  Issib min jgħidlek: “Imma Fr, jien mhux għalxejn ħa mmur inqerr? Ħa nerġa’ nagħmel l-istess dnubiet.” Iva, inti meta tieħu l-mediċina, tehodha biex ma terġax teħodha qatt? Meta terġa’ timrad, terġa’ teħodha; ma tgħidx “għax jiena, sena ilu, ħadtha dil-mediċina”. Anzi, mhux hekk tgħid.  Tgħid: “liema mediċina ħadt meta mradt  u qablet miegħi, ħa nieħu l-istess waħda”. Ħadd ma jgħid: “Le, jien ġa ħadtha: issa daqshekk mediċini.” Jekk kellek cancer u jerġa’ jaqbdek, tghid: “Le, għax jien ġa ħadtu l-chemo u ma nerġax nieħdu.”?

Għeżież tiegħi, is-saċerdot fil-qrar huwa litteralment tabib ta’ ruħna. Nerġgħu nieħdu l-istess mediċina u terġa’ tfejjaqna. Ħadd minna ma jippretendi li għax tieħu mediċina darba ma terġax timrad. Jekk timrad, terġa’ teħodha u ma tgħidx: “Mhux għalxejn?” Le, terġa’ tgħinek f’dak il-mument għax għandek bżonnha. U kemm-il darba għandna bżonn li  noħduha? Kull darba li nidinbu; kull darba li naqgħu. M’hemmx garanzija li wara li nqerru ma nerġgħux nidinbu. M’hemmx garanzija li jekk tfiq ma terġax timrad. Il-ħajja hekk hi u rridu nibqgħu mixjin, maħbubin tiegħi.

Tibżgħux! Tħallu xejn xi  jżommkom. Illejla tistgħu tirċievu mirakli ta’ ħniena u paċi f’qalbkom. Ftakru li Ġesu’ hu marid bid-Dimensja: meta jaħfer, jinsa, ma jiftakarx. Jekk terġa’ tmur tgħidlu l-istess, daqslikieku qatt ma għidtilu; qisha l-ewwel darba. Inti tiftakarhom, imma hu demented u m’hawnx mediċina biex tfejjaqlu d-Dimensia, għax marid bl-imħabba, jinsa. Aħna nħossuna erġajna għamilna l-istess dnub: imma għal Alla mhux hekk. It’s always the first time, għax meta jaħfer jinsa. Aħna ma nemmnux li jinsa għax aħna ma ninsewx, għax aħna nfakkru lil xulxin id-dnub ta’ xulxin, għax aħna l-iżbalji tagħna ntellgħuhom fuq Facebook u nirrepetuhom fl-aħbarijiet, għax aħna nibqgħu niġġudikaw lil xulxin, waqt rabja noħorġu l-vomtu kollu li għandna lejn xulxin u nerġgħu naqilgħuha. Aħna naħsbu li Alla wkoll hekk jimxi magħna: ħa jiftakar x’qerrejt l-aħħar darba.  Magari! Ma jiftakarx. Alla jinsa. Quddiemu dejjem paġna ġdida jara, għeżież tiegħi.

Kif tħossukom meta ġieli, bħala ġenituri ‘l uliedkom tgħidulhom xi ħaġa u ma jagħtux kaskom… u terġgħu tgħiduhielhom u tħossu  li xorta jibqgħu jinjorawkom? Issa dawk jagħmluha apposta. Ġesu’ jinsa ta’ vera. Għeżież tiegħi, għalhekk miegħu dejjem nistgħu nibdew mill-ġdid.

Illum il-Mulej irid jagħti t-tama lil kull wieħed u waħda minna. Nitlobkom titilfuhiex. Jekk għandkom bżonn, jekk ilkom ma tqerru, agħmlu l-pass. Huwa mument ta’ fejqan u maħfra. Jekk tridu tferrħu ‘l Alla, jekk tridu tferrħu lil Ġesu’ Kristu, agħtuh id-dnub tagħkom. Għaliex kull ħaġa tajba tahielna hu: l-unika ħaġa li nistgħu nagħtu li hija tagħna huwa d-dnub tagħna. Dik vera tagħna. Il-bqija ntuh lura li tana. Il-ħajja tahielna hu, allura ntuhielu lura. Kulma għandna ġej minnu u jqis li ntuhulu lura. M’hu ħa ntuh l-ebda rigal b’daqshekk. L-uniku rigal li nistgħu nagħtuh u li jferrħu (jgħidilna hu fil-Vanġelu) hu meta nagħtuh id-dnub tagħna. Huwa impossibli li jkun hawn xi ħadd fil-ħajja li jifraħ jekk tagħtih il-ħmieġ tiegħek. Imma Ġesu’ Kristu hekk jagħmel:  jifraħ bil-ħmieġ tagħna għax dak biss li hu tagħna. Daqsxejn stramb il-Mulej, hux, u differenti minna. Imma għalhekk hu Alla. Kieku m’huwiex Alla, kieku jirraġuna bħalna. Jekk illejla rridu nferrħu l-qalb tiegħu, ma  niddejqux immorru nqerru u nagħtuh minn qalbna d-dnub tagħna, l-iżball tagħna. Il-Mulej jagħtina tama ġdida biex aħna nerġgħu nibdew mill-ġdid fil-mixja ta’ ħajjitna, għeżież tiegħi. Nixtieq ninkoraġġikom minn qalbi: illejla tħallu xejn xi jżommkom, tistħux, tiddejqux.

Dik il-mara qamet minn postha; dik il-mara qabdet u baqgħet dieħla.  Ma tatx kas. Jekk għandkom bżonn, qumu minn postkom issa u morru rċievu t-tgħannieqa tal-imħabba waqt li aħna ħa nibqgħu nitolbu. Fil-preżenza ta’ Ġesu’ ħa nitolbu l-ħniena tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-qawwa tiegħu li tmiss lil qlubna, ‘l ruħna, ‘l ġisimna, ‘l familji tagħna, ‘l problemi tal-qalb tagħna. Ejjew niftħu qalbna u nemmnu li dan Ġesu’ huwa fostna biex ifejjaqna u jtina ħajja ġdida.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s