Għar tal-ħallelin jew dar tat-talb?

Il-Ħamis, 27 ta’ Jannar 2022: Riflessjoni waqt il-laqgħa ‘Ejjew Għandi’ fil-knisja parrokkjali ta’ Marsaskala. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Jiena u nipprepara ftit, għeżież tiegħi, dalgħodu u nitlob għal-laqgħa tagħna llejla, ġietni din il-kelma fil-qalb tiegħi mill-Vanġelu li nixtieq naqsamha magħkom. Meħuda mill-Vanġelu skont Mattew. Nisimgħuha u nirriflettu ftit fuqha qabel ma nkomplu t-talb tagħna:

‘Ġesù daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi ’l barra ‘l-bejjiegħa u x-xerrejja kollha li kien hemm fit-tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem. U qalilhom: “Hemm miktub li ‘Id-dar tat-talb tiegħi dar it-talb tissejjaħ’. Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!” Resqu lejh xi għomja u zopop fit-tempju, u hu fejjaqhom.’ (Mt 21: 12-14)

Din is-silta għeżież tiegħi sseħħ ftit qabel ma’ Ġesu’ jidħol fil-passjoni. Jidħol f’dan it-tempju ta’ Ġerusalemm illi kien maqsum f’tlett biċċiet it-tempju. Kellek biċċa fetħa kbira, imbagħad kellek bitħa oħra iżgħar, imbagħad kellek il-post propju tal-qalba fejn kien jidħol il-qassis il-kbir darba fis-sena jitlob hemmhekk.

U għalfejn kien hemm dawn in-nies qegħdin ibiegħu il-ħamiem? Ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin. Is-sistema tat-tempju dakinhar kienet illi n-nies kienu jiġu mill-Imperu Ruman, minn ħafna postijiet madwar id-dinja, imorru Ġerusalemm biex jaduraw lill-Alla, u kellhom bżonn jixtru l-offerta li mbagħad joffruha lill-Alla. Pero` dak iż-żmien, l-offerta tal-annimali, tal-ħamiem, biex jixtruha kien ikollhom bżonn il-munita tal-Lhud mhux taa minfejn tiġi mill-bqija tal-Imperu Ruman. Allura kellhom bżonn jagħmlu l-exchange ghax ma kienx hemm il-bank jew Revolut jew xi ħaġa hekk biex thallas dak iż-żmien. Kellek bżonn tagħmel l-exchange tal-flus, tixtri bil-munita tal-lokal, tixtri s-sagrifiċċju u tkun tista’ tidħol titlob fit-tempju.

Meta Ġesu’ qalilhom li huma “għar tal-ħallelin” ma qalilhomx hekk għax kienu qed jagħmlu business. Mhux għalhekk; m’għandha xejn x’taqsam. Ma jgħidilhomx “għamiltu d-dar tiegħi għar tal-ħallelin” għax kienu qed jagħmlu xi business hemm. Mhux għalhekk. Ġesu’, meta juża dik l-espressjoni u jmur jaqilbilhom l-imwejjed, jagħmel waħda minn tiegħu, jagħmel waħda serja, eh. Għax tafu x’għamel? Waqqfilhom it-talb. Meta bagħathom ‘l barra u waqqaf kollox, għalihom ir-relazzjoni tagħhom m’Alla waqfet għax ma setghux joffru sagrifiċċji aktar hemm. Spiċċa kollox. Mela Kristu qed iwaqqaf it-talb. Bellaħhom!

Imma għaliex qalilhom “għar tal-ħallelin?” Hija espressjoni li hi mehuda mit-Testement il-Qadim tal-profeta Ġeremija li n-nies kien jgħidilhom li “t-tempju għamiltuh għar tal-ħallelin.” Għaliex? Għaliex fit-tempju kienu jġibu ruħhom mod, jitolbu, u meta joħorġu barra mit-tempju, kienu jġibu ruħhom mod ieħor, bil-maqlub. Għalhekk “għar tal-ħallelin”. M’għandux x’jaqsam ma’ flus. M’għandux x’jaqsam ma’ business. Jiġifieri intom li titolbu hawn,  meta toħorġu ‘l barra minn hawn, tgħixu bil-maqlub ta’ dak li suppost tagħmlu. Għax Alla ma jridx talb mifrud mill-ħajja tagħna u allura dak it-tip ta’ talb Alla ma jogħġbux, u allura jwaqqfu u jkissru.

It-talb li jogħġob lil Alla huwa meta aħna, skont ma nitolbu, aħna ngħixu. Jekk niġu hawn u nisimgħu l-Kelma t’Alla u naduraw lill-Alla li hu mħabba, noħorġu barra minn hawnhekk u nħobbu. U forsi din hija waħda mill-akbar gwaj li għandna fil-Knisja. U l-problema hija tagħna li qegħdin fil-Knisja mhux ta’ min hu barra. Għax ċerti nies telqu ‘l barra mill-Knisja t-tort tagħna għaliex il-mod kif aħna niġu l-Knisja u ngħixu ma jirriflettix dak li aħna nemmnu.

Ġesu’, għeżież tiegħi, illum irid jagħtina dan il-fejqan profond fil-ħajja tagħna, li aħna ma nistgħux nemmnu mod u ngħixu mod ieħor, nitolbu mod u ngħixu mod ieħor. Ma nistax ngħidlu ,“Mulej, aħfirli dnubieti”, mbagħad jien noħroġ hemm barra u ma naħfirx lil min jonqos lili. Ma nistax ngħidlu ,“Mulej, fejjaqni”, u jiena noħroġ hemm barra u nweġġa’ ‘l ħaddieħor bi kliemi. Ma nistax ngħidlu ,“Mulej, tini” mbagħad noħroġ hemm barra jien u jdejja hija magħluqa, m’inix kapaċi nagħmel karita’ ma’ ħaddieħor. Ma nistax hawnhekk ngħidlu, “Mulej, ħenn għalina” u noħroġ hemm barra u ma nħennx għal ħaddieħor. Ma nistax ngħidlu ,“Mulej, fejjaqni mill-mard tiegħi”, imbagħad noħroġ hemm barra u min hu marid ma nagħtix kasu.

Illum il-Mulej jagħtina dan il-fejqan profound, għeżież tiegħi, li skont m’aħna nitolbu, aħna ngħixu fil-verita’. Għalhekk jgħidilhom:”għamiltuha għar tal- ħallelin id-dar tiegħi”. U allura m’humiex il-businessmen li għamluha għar tal-ħallelin. Jiena u inti nistgħu nagħmlu t-tempju ta’ Alla għar tal-ħallelin jekk aħna ma ngħixux skont kif nitolbu.

Pero’, imbagħad, Ġesu’ jgħidilhom xi ħaġ’oħra. Igħidilhom “dar Missieri hija dar tat-talb”, ċitazzjoni mehuda mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija. U propju l-Mulej jixtieq , għeżież tiegħi, illi aħna verament inkunu aħna dar tat-talb mhux il-bini tal-knisja. Aħna nsiru dar ta’ talb. Il-Mulej jixtieq li aħna ġenwinament insiru nies li nitolbu. Aħna l-insara, għeżież tiegħi, jekk joħdulna l-ħajja tat-talb, joħdulna kollox. Li nagħmlu dawn affarijiet: li niġu l-quddies, li niġu l-knisja b’rutina, b’obbligu, biex nagħmlu xi ħaġa tajba, m’aħna nagħmlu xejn ħażin, imma hemm xi ħaġa aktar profonda.

Aħna l-Mulej qed isejħilna biex nibnu relazzjoni miegħu, mhux biex nittikkjaw il-very goods: kemm għamilna tajjeb u kemm għamilna ħażin. Kemm aħna qegħdin connected miegħu. Inti immaġina: kieku qiegħed f’relazzjoni mal-ġuvni, mat-tfajla tiegħek, ma martek, ma’ żewġek, imma sempliċiment ticking the boxes. Iva, għidtilha bonġu: tajjeb. Għidtilha good night: tajjeb. Mela għalaqtilha ħalqha ħalli ma toqgħodx teqred issa. Immaġinak, x’tip ta’ relazzjoni tkun dika? Tittikjahom, hekk fil-kas agħmel check list fuq il-mobajl, u qabel ma torqod, ara ħallejtx xi waħda barra. Fil-kas għidha u jekk insejtha fil-kas ibgħatilha messaġġ ukoll, ħalli l-għada ma jkollix x’tgħidlek u ttemmagħhulha ma’ wiċċha. Imma, immaġinak: kollox tkun għamilt tajjeb, all right, imma x’relazzjoni tkun dik?

Jew inkella, immaġina illi t-tip ta’ talb li xi drabi aħna nitolbu meta mmorru għand il-Mulej biex ifejjaqna, tajjeb (u llum ħa nitolbuh ifejjaqna wkoll). Imma xi drabi taf kif aħna ma’ Ġesu’? Jien qabel xtaqt insir tabib, allura nħobb inġib l-eżempju mill-mediċina. Immaġina, kif aħna, ħafna drabi nagħmlu meta mmorru għand it-tobba. Aħna jinteressana t-tabib x’jagħmlilna, mhux hekk? Lanqas biss ngħidulu kif inhuwa. Vera? Qajla tistaqsih kif inhu t-tabib. Tidħol mill-ewwel u tibda teqred fuqek, u tgħidlu x’għandek int u biex ifittex jagħtik dak li għandek bżonn. Aħna xi drabi r-relazzjoni ma’ Kristu, ma’ Ġesu’, hija hekk.  Issa l-Mulej mhux se jieħu għalih.

Imma ħudu ftit sitwazzjoni oħra. Immaġina kieku t-tfal tiegħek, meta jkellmuk, dejjem ikellmuk dwarhom, dwar il-bżonn tagħhom, xi jridu huma… bla bla bla. Tieħu pjaċir għax dawk uliedek, pero’ kieku jsaqsuk xi darba dwarek, kif int int bħala ommu u missierek u joqgħodu bilqiegheda jitkellmu miegħek ta’ omm u missier, mhux “,ma, pa għandi bżonn…”. Inti mhux mill-qalb tagħmilha. Anki jekk ma jitolbukx, tagħtihom. Imma liema hi l-isbaħ relazzjoni: meta dejjem jitolbuk ittihom xi ħaġa jew meta huma miegħek ta’ wlied, bħala ġenitur, u flimkien qed nibnu xi ħaġa?

Il-Mulej, għeżież tiegħi, irid din it-tip ta’ relazzjoni magħna. F’kelma waħda: Alla jixtieqna nsiru nafuh. Mhux sempliċiment nitolbuh, imma li nsiru nafuh. Għeżież tiegħi, kemm nixtieqkom tirrealizzaw anki fir-relazzjonijiet umani bejnietna. Kemm hu sabiħ li xi ħadd jinteressah ruħu minnek, li jsir jafek mingħajr ma jrid jieħu xejn minnek. Tafu what a beautiful relationship ikun dak? Imma aħna xi drabi llum mill-ewwel irridu nieħdu xi ħaġa mingħand xi ħadd. Toħroġ, tibda tiddejtja ma’ xi ħadd; dakinhar jew l-għada jrid ikollok x’taqsam miegħu. Mill-ewwel trid tara x’se tieħu mingħand xi ħadd. Ma nafux niltaqgħu biex insiru nafu lil xulxin. U kemm hi kerha jekk tgħix ħajtek kollha taħt saqaf wieħed ma’ xi ħadd u qabel ma tmut tgħid, “imma, jiena ‘l żewġi nafu?”, “‘l marti nafha?”, “‘l- uliedi nafhom?”, “’l-ġenituri tiegħi nafhom, jien?” Għax xi drabi jista’ jiġri li aħna ngħixu taħt saqaf wieħed, nagħmlu affarijiet u l-ħajja tibqa’ għaddejja, imma nafu lil xulxin, fil-verita’?

Kemm għandna bżonn, għeżież tiegħi, mill-aspett uman u mill-aspett spiritwali, anke ma’ Ġesu’ Kristu, li din is-sena, illi qed nibdew mill-ewwel laqgħa fil-bidu tas-sena l-ġdida, tajjeb li l-Mulej nitolbuh jagħtina l-grazzji tiegħu, jgħinna, ifejjaqna, jipproteġina, jeħlisna minn gwaj u minn problem, għax Alla tagħna huwa Missier u jħobb jagħmel dan, u għax nemmnu nitolbuh dan.

Pero’ kemm nixtieq li nagħmlu pass ‘l quddiem, li t-talba tagħna tkun: “Ġesu’, nixtieq insir nafek, nixtieq inkun naf x’hemm f’qalbek, nixtieq inkun naf il-karattru tiegħek, nixtieq inkun naf xi tħoss, nixtieq inkun naf kif taħsibha, nixtieq inkun naf xi jferrħek, nixtieq inkun naf xi jqabbdek id-dwejjaq.”

Tafu li Ġesu’ fil-Vanġelu jitkellem minn dan kollu? Ġesu’ jgħidilna “Jiena fraħt,” jitkellem bil-ferħ tiegħu, Ġesu’ jibki, jitkellem mill-għejja tiegħu, jitkellem kemm huwa mweġġa’ li jkun ittradut. Jgħaddi mill-esperjenzi kollha li ngħaddu aħna għax huwa mħabba, għeżież tiegħi. U kemm hi sabiħa illi aħna, it-talb tagħna, bil-mod il-mod isir ukoll li nsiru nafu lil Alla. Għeżież tiegħi, la mmutu għax aħna se mmutu, x’se noqgħodu nagħmlu l-ġenna? Mhux ħa tgħidlu aktar fejjaqni. Mhux ħa ngħidlu ibgħatni lura. Mhux ħa tgħidlu ma nafx x’se tagħmel. X’ser toqgħod tagħmel? Aħjar inħejju ruħna. Fil-ġenna se nkunu f’din l-intimita’ miegħu, għeżież tiegħi, se nkunu f’din l-imħabba tiegħu, f’dan l-għarfien tiegħu; se nagħrfuh b’mod perfett. Fil-ħajja tagħna, imma, irridu nibdew minn hawn: ix-xewqa li jien ‘l Alla nsir nafu, lil Ġesu’ insir nafu.

U wieħed mill-modi li bih il-Mulej jurina lilu nnifsu huwa permezz tal-Kelma tiegħu – il-Bibbja. L-aħħar laqgħa, min ġie, tajtkom rigal tal-Milied għal dis-sena. Tajtkom ilkoll il-Vanġelu ta’ San Luqa, bit-tama li taqrawh bil-mod il-mod matul is-sena u ssiru tafu lil Ġesu’ permezz ta’ dak il-Vanġelu. Nixtieq infakkarkom tagħmlu dan. U nixtieq inħeġġiġkom sabiex din is-sena l-ġdida tieħu tikka ta’ commitment, pass tikka aktar ‘l quddiem fil-ħajja tagħkom: li żżidu ftit mumenti ta’ talb mibnija fuq il-Kelma t’Alla, li tisimgħu aktar il-Kelma t’Alla, li tiġu l-quddies matul il-ġimgħa, jekk hemm bżonn, biex tisimgħu l-Kelma t’Alla, li taqbdu il-Vanġelu biex jgħinnkom taqrawh u ssiru tafu lil Ġesu’. Għax l-isbaħ ħaġa hi illi meta nsiru nafu lilu, l-affarijiet jibdew jitbiddlu f’ħajjitna. Għaliex ħafna drabi aħna f’qalbna ngorru fuq Alla, imma naghmlu dan għax ma nafuhx.

Qatt ġralkom, jien tiġrili dil-ħaġa, xi kultant fl-ewwel ħarsa fuq xi ħadd, pum pum, xi ġudizzju jidħol f’moħħok. Ma nafx intomx qaddisin aktar minni, imma jien hekk jiġrili. Imbagħad meta ssir taf lill-persuna, mhux tagħlaq ħalqek, eh? Jiena nkun ħafna l-ħabs, allura niltaqa’ ma’ kull xorta ta’ sitwazzjonijiet, għeżież tiegħi, u tisma’ fuq aħbarijiet u tisma’ fuq midja u tara fuq il-facebook kummenti bl-addoċċ, tal-blieh. Imbagħad tmur tiltaqa’ mal-persuni. Meta niltaqa’ mal-persuna u tisma’ l-istejjer, tisma’ l-ħajja profonda tan-nies, huma min huma, imma tirrealizza wiċċ differenti. Tirrealizza li hemm xi ħaġa li ma tafx, u meta ssir taf lill-persuna, l-attitudni tiegħek titbiddel, il-ġudizzju tiegħek jonqos. Aħna niġġudikaw għax ma nafux. L-aktar nies li ma jafux, l-aktar li jpaċpċu. L-aktar nies li ma jafu xejn, huma l-aktar li jagħmlu storbju. L-aktar nies li huma vojta, huma l-aktar nies li jagħmlu ħsejjes fil-ħajja. Min jaf, ħafna drabi jiskot. Min jaf, ħafna drabi kapaċi jistenna. Min jaf huwa umli. Imma meta taf lill-persuna, l-affarijiet jitbiddlu. Tifhem.

Jiena nimmeravilja ruħi meta jkun hemm xi ħadd li hu mqareb, imbagħad tiġi ommu u tgħidli: “Fr Hayden ħa ngħidlek għaliex ibni għamel hekk..” Imma ngħid: “ara din, għax taf lil binha taf għaliex għamilha.” Aħna lkoll rajna l-azzjoni, imma din għax taf lil binha, taf lilu, taf xi ħaġa iktar u r-reazzjoni tagħha hi differenti għaliex tafu. L-istess ma’ Alla. Kieku aħna lil Alla nafuh, taf kemm inwaqqgħu ġudizzji minn fuq Alla!

Ejjew inkunu onesti. Aħna, tafu kemm għandna ġudizzji fuq Alla f’ħajjitna? “U jekk Alla huwa mħabba, għaliex jippermetti t-tbatija? U jekk Alla mħabba, għaliex lill-familja tiegħi ġara hekk? U jekk Alla mħabba, għalfejn dan il-virus? U jekk Alla huwa mħabba, għaliex dawn l-imwiet? U jekk Alla huwa mħabba, għaliex l-innoċenti jbati u min jagħmel il-ħażin jirrenja? U jekk Alla huwa tajjeb, għalfejn jippermetti dal-ħażin kollu?” Araw kemm għandna ġudizzji fil-qalb tagħna!

Meta nħossuna b’dawn il-ġudizzji f’ħajjitna, agħlaq ħalqek, għid :”Jiena ‘l Alla ma nafux”. Għax lil min ma tafx tiġġudika. Ftakru x’qed ngħidilkom. Min ma tafux, tiġġudikah u lil min tafu, tħobbu. Tinsewx! The people you don’t know, you judge them, the ones you know, you love them. Lil dak li ma tafx, tiġġudikah imma ‘l dak li taf, tħobbu, kemm lil Alla u kemm lill-bniedem. Lil min ma nafuhx jew nafuh superfiċjalment minn fuq midja, minn fuq aħbarijiet jew min ma nafx x’hiex, inpaċpċu ħafna, niġġudikaw. Imma meta tkun taf, issir tħobb. U l-istess ma’ Ġesu’. Il-ħafna dagħa li hemm fil-qalb tagħna, min jgħidu u min ma jgħidux, għax il-Mulej ma nafuhx. Meta nsiru nafuh, insiru nħobbuh.

U din għeżież tiegħi, hi l-aktar ħaġa li għandna nieqsa fil-Knisja. Aħna għandna bżonn nagħmlu bidla kbira, anki fi ħdan il-Knisja. Niġu l-quddies tal-Ħadd mhux biex nagħmlu l-obbligu tal-Kmandamenti, f’ġieħ il-qaddisin! Imma niġu b’ħerqa:Mulej, nixtieq insir nafek! Nixtieq insir nafek! Nixtieq insir naf lilek, imħabbtek għalija, il-karattru tiegħek, x’hemm f’qalbek għall-ħajja tiegħi.”

U meta inti persuna, bħal meta tiddejtja, u persuna trid issir tafha, il-ħin qatt mhu biżżejjed. Intom forsi, meta tibdew trabbu t-teenagers u jdumu barra, meta jiġu, mhux imorru jorqdu: imorru jiċċetjaw xi tlett sigħat oħra. “Imma ma xbajtx magħha , din?” “Agħlaq ħalqek, tfakar fi żmienek!”, jgħidlek. Għaliex meta trid issir taf lil persuna, il-ħin ma jidħolx. Imma meta l-ħin njibdew nikkalkulawh, ifisser li m’hemm interess ta’ xejn: aqta’, aqta’ ħesrem, ta’ malajr, fittex, imxi, ġerri, agħmel l-obbligu u itlaq ‘l hemm.

Għandna bżonn, għeżież tiegħi, inħallu verament minn qalbna, llum, anke fit-talb li ħa nagħmlu llum, l-Ispirtu t’Alla jnissel fina din ix-xewqa li nsiru nafu lil Ġesu’ bis-serjeta’ fil-ħajja tagħna. Għax jekk insiru nafuh, se jinqata’ ħafna garr fil-ħajja tagħna. Jekk insiru nafuh, emmnuni, jekk insiru nafuh, ħajjitna ħa jkollha ċertu paċi.

Jekk insiru nafuh, mhux bilfors se jitbiddlu ċ-ċirkustanzi tal-ħajja tagħna. Għaliex din hija illużjoni xi drabi li wħud minna daħlu fiha. Qisu għax jiena nitlob, għax jiena niġi l-knisja, ix-xita suppost tagħmel kullimkien, barra fuq rasi. Tagħmel madwari imma fuq rasi ma tinżilx. Għax jiena niġi l-knisja, alluri x-xita tagħmel madwari imma fuqi le. Il-maltemp kullimkien, imma mhux fuqi. Qisu ‘l Ġesu’ għamilnih umbrella. M’hix hekk.

Ġesu’ qalilna li l-maltemp se jiġi fuq kulħadd, fuq min jimxi fuq il-Kelma tiegħu jew le. Id-differenza tafu x’inhi? Illi ma’ Kristu ma nitkissrux. Dik biss. Mhux li ma jiġrilna xejn. Ġesu’ qal li meta jiġi l-maltemp, fuq kulħadd se jiġi, imma min jibni fuqu, fuq il-blat, ma jitkissirx fil-maltempata. Mela nneħħu din l-ideja tal-magical thinking. Immaġini ta’ Alla, għax lil Alla ma nafuhx, ħloqna immaġini tiegħu aħna, Alla kif nimmaġinah jien, Alla kif jidher lili, Alla kif ħlaqtu jien għalija. Lilna Alla ħalaqna, imma wħud minna huma ħalqu lil Alla. Ħalqu Alla għalihom u jaduraw ‘l Alla tagħhom u mhux ‘l Alla veru. Imbagħad jidgħu u jirribellaw kontra dan Alla li ħalqu huma, fl-aħħar mill-aħħar, għax ma jafuhx. Ġesu’ qatt ma qalilna:“Ejjew warajja u ma jiġrilkom xejn”. Araw issibuhiex din fil-Vanġelu? Qal: “Ejjew warajja u erfgħu salibkom”. Mela se jkollkom xi ħaġa għax il-Mulej reali għeżież tiegħi. Imma għax inkunu nafu lilu, ħajjitna ma titkissirx.

Ħajjitna tgħaddi mill-iebes, tgħaddi mill-inkwiet, tgħaddi mit-tiġrib; imma meta nsiru nafuh, emmnuni, tagħmel id-differenza kollha, kollha, kollha. Meta inti taf min iħobbok u taf lil min ħabbejt. Meta inti taf lill-persuna, tgħaddi minn x’hix tgħaddi, inti taf lill-persuna.

Darba kien hemm storja vera ta’ incident fejn intradmet binja. Tifel baqa’ mirdum, għaddew jiem u dan it-tifel sabuh ħaj. Kien ilu jiem ma jiekol. U dan it-tifel, meta staqsewh x’żammu ħaj, qalilhom: “Kont naf li missieri ġej għalija għax dejjem hekk wegħedni”. Mingħajr ikel għex, imma li żammu għaddej kienet it-tama, għax kien jaf li missieru dejjem qallu: “tagħmel x’tagħmel, jiġri x’jiġri, ibni, jien dejjem ħa ssibni warajk”. U f’dak il-mument, f’dik it-traġedja, dak it-tifel żgħir, jirrakkonta hu stess, li żammu ħaj kienet il-konvinzjoni li missieru, għax jafu, mhux se jħallih u se jibqa’ jfittxu sakemm isibu. U hekk ġara. It-terrimont hemm kien f’ħajtu, imma, għax kellu relazzjoni mal-missier, għax kien jafu, dak tah it-tama fl-iktar żminijiet iebsa.

Aħna ‘l Alla nafuh daqshekk illi anka meta kollox kontra, jien nista’ nibqa’ ngħidlu: “Mulej, inti tajjeb u jien nafdak.” Jekk kapaċi quddiem it-tbatija ngħidu dawn iż-żewġ affarijiet, b’konvinzjoni tal-qalb: “Ġesu’ inti tajjeb u jien nafdak,” quddiem it-traġedji tal-ħajja, jekk kapaċi nemmnu, nistqarru, ngħidu u nxandru mill-fond ta’ qalbna. “Ġesu’ int tajjeb u jien nafdak”: hemmhekk verament qed insiru nafuh lill-Mulej. Li nibqgħu nemmnu li hu tajjeb anki meta l-istorja ta’ ħajjitna m’hix tajba. Li nibqgħu nafdawh lill-Mulej anki meta ma nifhmuhx.

Hija dik it-tip ta’ relazzjoni, għeżież tiegħi, bħal meta omm u missier jafu t-tajjeb ta’ wliedhom anke meta jkunu żbaljaw. Ġieli jiġi xi ħadd u jgħidli: “Father, dan mhux ibni; lil ibni nafu jien. Jiena naf, Father, ibni kemm hu tajjeb. Jiena naf x’qalb tajba għandu. Jiena naf, għax jien rabbejtu, jien għext miegħu. Dit-taħwida li għamel, dan mhux ibni u jiena nibqa’ nemmen li ibni joħroġ dak li hu vera li hemm fil-qiegħ nett ta’ qalbu.” Dik hi l-fidi ta’ dik l-omm u missier li jafu daqshekk lil uliedhom, li jafu t-tajjeb tagħhom anki waqt li jiżbaljaw. L-istorja turihom lit-tifel qed iħawwad u huma jemmnu lit-tifel huwa sewwa għax jafuh, jafu qalbu, jafu l-valuri tiegħu x’inhuma fil-verita’. Għax jafuh, għandhom t-tama. Għax jafuh, jaqraw l-istorja differenti. Hekk ma’ Ġesu’ aħna. Jekk nafuh, għandna t-tama. Jekk nafuh, l-istorja m’hix x’jgħidu l-aħbarijiet. L-istorja mhux li jgħidlek ħaddieħor f’ħajtek. L-istorja mhux kif tipprinzipja inti, imma taraha mil-lenti tiegħu ta’ Alla. Jien il-Mulej nafu, naf li hu tajjeb, naf li nafdah.

San Pawl jgħidilna:

“Alla ma dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid tagħhom.” (Rum 8:28)

F’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid tagħhom.” Illum nixtieqkom toħorġu lkoll minn hawn minghajr dawn il-ħsibijiet ta’ moħħkom illi :“l-Mulej għandu xi ħaġa qisu kontrija, ma jridx jismgħani, ma jħobbnix, ma jaħfirlix, jien m’inhix tajjeb biżżejjed, jien għaxxaqtha wisq, it-tort tiegħi, ħaqqni”! Dan mhux lingwaġġ ta’ fidi, għeżież tiegħi. Alla ma dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid tagħhom. Anki l-iżbalji tagħna llejla, il-Mulej idawwarhom favurina. Anka l-istorja iebsa tal-ħajja tagħna, Alla kapaċi jiktibha mill-ġdid u jiktibha dritt fuq linji mawġa kif kienet tgħid Madre Tereża.

Ejjew illum insiru din id-dar tat-talb. Ejjew niftħu qalbna beraħ. Minn hawn u ftit ieħor se nilqgħu l-preżenza ħajja ta’ Ġesu’ f’nofsna fl-Ewkaristija. Ġesu,’ meta jibgħathom ‘l barra mit-tempju, min jidħol fit-tempju wara immedjatament? Jidħlu l-għomja u z-zopop. Għaliex dawk it-tnejn? Għaliex fit-Testment il-Qadim dawk it-tnejn kienu pprojbiti milli jidħlu fit-tempju. U Ġesu’ wara li jibgħat ‘l barra l-ipokriti mit-tempju, jibda jfejjaq. It-tempju jsir il-post, il-knisja ssir il-post fejn għandu dritt jiġi min hu marid, min ma jimxix, min weħel fil-ħajja. Weħel fid-dnub, weħel fit-taħwid, weħel fit-tgħaffiġ, weħel fil-mixja, għamel pass lura, weħel fiż-żwieġ, weħel fir-relazzjoni tiegħu, weħel fil-fidi tiegħu, weħel, qabżitlu! U fit-tempju jidħlu l-għomja, dawk li m’għadhomx jaraw, dawk li xi darba kienu jaraw u aħna nistgħu nkunu dawn l-għomja u dawn iz-zopop illum li ġejna hawnhekk, għeżież tiegħi. Hemm għomja li twieldu għomja u oħrajn li kienu jaraw u m’għadhomx jaraw.

Aħna nistgħu nkunu minn dawn it-tip. Xi darba kont nara, xi darba kont nemmen, xi darba kont inħobb, xi darba kont ferħan, xi darba kelli l-fidi, xi darba kelli t-tama, xi darba kont konvint, imma issa m’għadnix. Tlift il-ferħ li kelli, tlift l-entużjażmu li kelli, tlift is-sens ta’ ħajja illi kelli, tlift li kont looking forward fiż-żwieġ tiegħi, looking forward li nibni l-familja, ix-xogħol, looking forward li naħdem għall-ġustizzja fis-soċjeta’ tagħna, imma tlift kollox.

U dawk l-għomja jidħlu fit-tempju. Huma għandhom id-dritt li jiġu quddiem Ġesu’ u jfejjaqhom. Illum, dan Ġesu’ qiegħed hawn f’nofsna u dan it-tempju ħa jsir it-tempju ta’ Ġerusalemm li fih fiequ n-nies. Il-knisja hija l-post fejn niġu biex infiequ, mhux għax aħna mfejqin. Hija l-post tal-morda. Aktar m’int marid, aktar postok hawn. Tħallix lix-Xitan ibiegħedek ‘l barra mill-post fejn tista’ tfieq. Hawn. Ejjew nilqgħu lil Ġesu’ f’nofsna minn qalbna u nitolbuh sabiex illum aħna fiex aħna, jagħtina dawl ġdid u jfejjaqna mill-ġdid. Nilqgħu lil Ġesu’ mill-qalb.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s