🌻 L-univers tagħna għandu sistemi astronomiċi ta’ varjeta’ u kumplessita’ inkredibbli. Minn dak li nafu, huwa mill-aktar improbabbli li bi kwantita’ ta’ kumbinazzjonijiet ġiet teżisti l-pjaneta tagħna bil-kwalitajiet li għandha li huma mill-aħjar biex tmantni l-ħajja (per eżempju: distanza mix-xemx, atmosfera, gravita’, ilma fi kwantita’ kbira, minerali, temperatura, eċċ). Mela huwa aktar raġonevoli li wieħed jaħseb li hemm Ħallieq li mexxa kollox milli ġie kollox b’kumbinazzjoni.
🌻 Barra minn dan, hawn il-ħajja f’din il-pjaneta. Kif ġiet? Ix-xjentisti ppruvaw, taħt l-aħjar kundizzjonijiet joħolqu l-ħajja fil-laboratorju, mill-minerali li ssib fid-dinja imma ma rnexxilhomx. Mela li b’kumbinazzjoni bdiet x’imkien il-ħajja umana hija wisq improbabbli u r-raġuni għal darb’oħra ssibha aktar loġika li taħseb f’Ħallieq li mexxa l-ħolqien tal-ħajja milli li kollox beda b’kumbinazzjoni.
🌻 Nistgħu nżidu wkoll li l-ħajja li hawn fuq din il-pjaneta hi ta’ tip li tevolvi u toktor. Kieku kellha b’kumbinazzjoni tiġi l-ħajja f’din id-dinja, kif ġiet propju ta’ dak it-tip li tikber u tevolvi – u dan b’mod li tasal li tifforma lill-bniedem?
🌻 Bla tmexxija ta’ Ħallieq, li jiġi jeżisti kollox kif inhu f’din id-dinja b’kumbinazzjoni hu bħallikieku joħorġu pitturi kapulavur bid-dettalji kollha tagħhom u eżatti minn magna bla programm u bla moħħ li titfa’ ż-żebgħa kif ġie ġie; jew qisha kompjuter li waqt li jifforma ‘at random’ l-ittri, jikkomponi waħdu opra kapulavur.
🌻 Minn dan nikkonkludu li l-evidenza ta’ din id-dinja u tal-ħajja juruna li raġonevoli temmen li hemm Ħallieq – li nsejħlulu ‘Alla’.