It-tentazzjonijiet minn fejn jiġu?

71

🌻 It-tentazzjonijiet jiġu:

  • mix-xitan – li jqanqal fina l-ġibdiet ħżiena jew jinqeda b’nies oħrajn li jħajjruna għall-ħażen;
  • minna nfusna – fejn aħna mhux darba u tnejn inħossu bħal ġlieda fina bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin;
  • min-nies l-oħrajn – fejn iwasslulna eżempji jew vizzji li ma jkunux tajbin.

🌻 Proposta ħażina, meta tiġi mill-għedewwa tiegħek, faċli twarrabha; meta tiġi minn sħabek faċli taċċettaha. Huwa għalhekk li rridu noqogħdu attenti ħafna fl-għażla tal-ħbieb tagħna … mhux kulħadd jista’ jkun ħabib tajjeb!

X’inhu r-rwol tax-Xitan fil-waqa’?

34

🌻 Ix-xitan l-ewwel jaqbad lill-Eva fi djalogu billi jesaġera.

🌻 Malli ra li Eva qed tkellmu (jiġifieri interrompiet il-kontemplazzjoni kontinwa tal-Liġi t’Alla u d-djalogu intern m’Alla) issuġġerielha mod ieħor kif tħares lejn Alla, lejn il-ħajja u lejn il-verita (il-gidba).

🌻 Taha raġunamenti qishom tajbin u ġab ruħu magħha qisu ħabib tagħha aktar minn Alla li pinġih qisu interessat u kattiv. Mela, ix-Xitan jirraġuna, u bil-kif!

🌻 Malli dan, lagħbilha bis-sentimenti u Eva bdiet tirrepeti f’moħħha l-gidba li dehret raġonevoli u tixxennaq għall-frotta waqt li tiskanta lejha sa ma’ x-xewqa saret insopportabbli. Din hi d-dinamika tat-tentazzjoni.

X’inhi l-waqa’ u d-Dnub oriġinali?

33

🌻 Id-dnub tal-ewwel bniedem (jew kif insibuhom fil-Ġenesi, Adam u Eva) kien li qalu “le” lil Alla billi emmnu t-tentazzjoni tax-xitan li Alla mhux ta’ min jafdah u li ħeba xi ħaġa minnhom.

🌻 Mela l-waqa’ hi mill-Verita’ għal Gidba.

🌻 Inbidlet l-idea korretta ta’ min hu Alla, jiġifieri li għandu proġett dejjem favur il-bniedem u li jrid lill-bniedem jobdi għall-ġid kbir tiegħu stess u saret gibda: jiġifieri li Alla moħħu fih innifsu, jikkmanda bi prepotenza u bla sens. Inbidlet mela r-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem minn waħda ta’ mħabba u fiduċja bħal tat-tfal għal waħda fejn il-bniedem jipprova jisraq, jagħmel lilu nnifsu alla bl-isforzi tiegħu stess u jinsa li hemm Alla.

🌻 L-espressjoni ‘dnub oriġinali’ tfisser li l-bnedmin kollha jitwieldu jħarsu lejn il-ħajja b’dan il-mod giddieb u li bis-suppervja kollha kemm aħna nitwielu u rridu nagħmlu lilna nnifisna alla ieħor.

🌻 Il-bnedmin kollha, minbarra Marija u Ġesu’, jitwieldu bid-dnub tan-nisel.

🌻 Dan id-dnub hu l-għerq li minnu u fuqu ssokta jikber u jixtered il-ħażen fid-dinja. Bħal valanga li tiġbor magħha s-silġ, hekk ukoll id-dnub oriġinali jitgerbeb tul l-istorja kollha tal-bniedem u jiġbor fih il-ħażen kollu u jinvolvi ġewwa fih lil kull bniedem li jitwieled.

🌻 Dan hu l-mostru qerriedi ta’ “d-dnub tad-dinja”.

🌻 Dan id-dnub laħaq l-akbar fond tiegħu meta qatel lill-Qaddis Innoċenti (Ġesu’ l-Iben t’Alla).

🌻 Il-bnedmin kollha jitwieldu f’Adam, jiġifieri involuti fid-dnub tan-nisel. Bil-magħmudija l-bniedem jerġa jitwieled – fi Kristu.

Għalfejn jeżisti d-dnub? Għalfejn Alla m’għamilniex perfetti bħalu?

20

🌻 L-ewwel bniedem daħħal id-dnub fid-dinja u sa issa l-bniedem għadu jagħżel id-dnub bħalma naraw madwarna. Ġesu’ salvana mill-konsegwenza tad-dnub biss ma jisforza lil ħadd biex jiċħad id-dnub u jimxi warajH.

🌻 Aktar ma l-bniedem jidneb aktar jinħakem mix-xitan u x-xitan jingħata s-setgħa li:

  • jfarrak,
  • ikisser,
  • imarrad,
  • jikkawża tbatija,
  • diżastri naturali, eċċ…

🌻 Minkejja li d-dnub u l-effetti tiegħu, aħna msejħin li nimxu lejn il-perfezzjoni u li nsiru qaddisin għax qaddis hu Alla. Ħafna nies imxew ‘il quddiem fil-perfezzjoni tant li l-Knisja għamlithom ‘mudelli’ ta’ virtu’ għalina eż. Il-beati u l-qaddisin eċċ…

🌻 Idejalment, kien ikun aħjar li kienu d-dnub ma jeistix, imma l-barkiet li rċevejna meta Ġesu’ miet biex isalvana mid-dnub huma kbar tant li jagħtuna tama u ferħ b’rigal kbir li hemm jistenniena fil-ġenna jekk f’ħajjitna nagħrfu naħarbu d-dnub u t-tfixkil.

Veru lix-Xitan jagħtik kull ma titolbu?

32

🌻 Veru li x-xitan, lil dawk li jikkonsagraw ruħhom lilu, huwa kapaċi jagħtihom dak kollu li jitolbuh? X’inhuma dawk l-affarijiet li ġeneralment jitolbu lix-xitan? Dawn huma:

  • ġid materjali, poter,
  • sess sfrenat,
  • ħakma fuq l-oħrajn,
  • unuri,
  • suċċess,
  • ħajja twila,
  • vendetta minn xi ħadd li jkun weġġaħhom,
  • saħħa fiżika u fakultajiet oħra fiżiċi ‘il fuq minn normal u oħrajn…

🌻 Xi wħud, mingħand ix-xitan, ma rnexxielhom jiksbu xejn minn dan kollu li semmejna. Ħafna oħrajn imtlew bit-tama għaliex għall-ewwel irċevew xi ħaġa minn dak li talbu imma mbagħad kollox waqaf hemm. Oħrajn, li huma l-ftit, dehrilhom li l-ħajja tagħhom inbidlet kompletament: saru fortunati f’kollox, donnhom jirnexxu f’kull proġett u attivita’ li jagħmlu, jirnexxielhom jiksbu poter u ħakma fuq l-oħrajn, il-ġid materjali ma jonqoshomx. Fi ftit żmien għamlu karriera, kisbu fama, suċċess, dħul finanzjarju, posizzjonijiet soċjali ta’ importanza.

🌻 Imma x-xitan huwa ‘missier il-gideb’ u għalhekk dak li jagħtik huwa biss apparenti u għal ftit żmien. Huwa fil-fatt ma jistax jiggarantilek li dak li wegħdek, iwettqu. Jiġi mument li dak l-imperu li tant jidher kbir f’għajnejk, jaqa’ kollu f’daqqa u miegħu jfarrak lil dawk kollha li poġġew it-tama u l-fiduċja tagħhom fih!

🌻 Forsi xi wħud jistgħu jgħidulek: imma għaliex kultant nitlob lil Alla u donnu ma jismanix filwaqt li x-xitan jagħtik dak li titolbu? Tajjeb inżommu f’moħħna li x-xitan jagħtik dak li trid u mhux dak li għandek bżonn għax hu, fil-verita’, ma jimpurtahx minn ħajtek, imma għax għandu mibegħda lejk, irid biss ikissrek u permezz tiegħek jivvendika ruħu minn Alla, iweġġa’ lil Alla. Dan bħal meta l-ġenituri jċaħħdu lil uliedhom minn xi ħaġa li jafu li tista’ tagħmlilhom il-ħsara jew li għadu mhux il-waqt li jkollhom. Jekk it-tifel jirnexxielu jakkwista dak li jrid mingħand il-ħbieb tiegħu, jibda jaħseb li l-ħbieb iħobbuh aktar mill-ġenituri tiegħu, li l-ħbieb jimpurtahom minnu aktar mill-ġenituri tiegħu u l-ħbieb huma b’saħħithom (finanzjarjament) aktar mill-ġenituri tiegħu. Imma fil-verita’ ma jkunx hekk. Dik li minn naħa tal-ħbieb tidher ‘imħabba’ ma tkun imħabba xejn għax dak li jagħtuh jista’ jwassal biex jagħmillu ħsara għal saħħtu jew għal ħajtu.

🌻 Irridu nżommu f’moħħna li l-għan ewlieni tax-xitan huwa li jbeżża’ u jħawwad l-erwieħ biex ikaxkarhom fid-disperazzjoni jew fid-dnub u biex iwassalhom fit-telfien ta’ dejjem. Hu jaf li meta l-bniedem ibati ikun aktar faċli li jirribella kontra Alla u għalhekk jipprova jġiegħel lill-bniedem ibati permezz ta’ wegħdiet fiergħa li ma jwasslu mkien ħlief għad-distruzzjoni tiegħu innifsu. Imma Alla qatt ma jabbanduna il-kreaturi tiegħu f’ħalq ix-xitan u joffrilu l-mezzi kollha biex jirċievi l-għajnuna neċessarja biex ikun jista’ jieqaf lix-xitan, jikkumbattih u jirbaħlu.