Kif naħarbu l-okkażżjoni tad-dnub u Ġesu’ x’jgħidilna dwar dan?

73

🌻 Jekk ma tridx taqa’, aħrab l-okkażjoni. Ma ninsewx il-qawl Malti li jgħid: Min jittarraf, jiġġarraf. Għalhekk, għandna naħarbu l-okkażjoni li tista’ tbegħidna minn Alla. Fil-Ktieb Bibbliku ta’ Bin Sirak (13, 1) insibu: Min imiss il-qatran, jitħammeġ bih.

🌻 Ġesù jgħidilna li għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nevitaw dak kollu li jwassalna biex nagħmlu l-ħażin. Għalhekk irridu naħarbu dak kollu li jidhrilna (bl-għajnuna ta’ nies oħrajn) dak li m’huwiex tajjeb, bħall-ħbieb ħżiena, ħajja ta’ dnub, vizzji, attitudnijiet żbaljati, menalita’ ħażina, l-għażż, eċċ…

🌻 Min jiddispjaċih tassew tal-ħażen li jkun għamel, joqgħod attent biex, bl-għajnuna t’Alla, ma jerġax imur fil-periklu li jerġa’ jagħmel l-istess ħażen. Huwa dan li nistqarru fl-Att tal-Indiema meta ngħidu: “U la mmur fejn dari nidneb; naħrab ukoll dak kollu li dari waqqagħni fid-dnub.”

X’inhuma l-konsegwenzi tal-waqa’ u kif l-ewwel bnedmin raw li kienu għarwenin?

35

🌻 Malli dinbu, Adam u Eva raw:

  • li kienu għarwenin:
  • stħaw minn xulxin;
  • stħaw minn Alla;
  • stħaw minnhom nfushom; u
  • nħbew quddiem il-ħolqien, flok baqgħu padruni tiegħu.

🌻 Dan ifisser li meta Adam u Eva dinbu, mietu spiritwalment u tilfu d-dinjita’ tagħhom.

🌻 Qabel ma dinbu kienu bla ħwejjeġ iżda mhux għarwenin għax kellhom madwarhom it-tgħannieqa ta’ Alla bħala Missier.

🌻 Bid-dnub ħarġu minn ġo dan il-mantell spiritwali li bħal ġwinħajn il-qroqqa jgħattu lill-flieles – u sefgħu għarwenin.

X’inhu r-rwol tax-Xitan fil-waqa’?

34

🌻 Ix-xitan l-ewwel jaqbad lill-Eva fi djalogu billi jesaġera.

🌻 Malli ra li Eva qed tkellmu (jiġifieri interrompiet il-kontemplazzjoni kontinwa tal-Liġi t’Alla u d-djalogu intern m’Alla) issuġġerielha mod ieħor kif tħares lejn Alla, lejn il-ħajja u lejn il-verita (il-gidba).

🌻 Taha raġunamenti qishom tajbin u ġab ruħu magħha qisu ħabib tagħha aktar minn Alla li pinġih qisu interessat u kattiv. Mela, ix-Xitan jirraġuna, u bil-kif!

🌻 Malli dan, lagħbilha bis-sentimenti u Eva bdiet tirrepeti f’moħħha l-gidba li dehret raġonevoli u tixxennaq għall-frotta waqt li tiskanta lejha sa ma’ x-xewqa saret insopportabbli. Din hi d-dinamika tat-tentazzjoni.

X’inhi l-waqa’ u d-Dnub oriġinali?

33

🌻 Id-dnub tal-ewwel bniedem (jew kif insibuhom fil-Ġenesi, Adam u Eva) kien li qalu “le” lil Alla billi emmnu t-tentazzjoni tax-xitan li Alla mhux ta’ min jafdah u li ħeba xi ħaġa minnhom.

🌻 Mela l-waqa’ hi mill-Verita’ għal Gidba.

🌻 Inbidlet l-idea korretta ta’ min hu Alla, jiġifieri li għandu proġett dejjem favur il-bniedem u li jrid lill-bniedem jobdi għall-ġid kbir tiegħu stess u saret gibda: jiġifieri li Alla moħħu fih innifsu, jikkmanda bi prepotenza u bla sens. Inbidlet mela r-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem minn waħda ta’ mħabba u fiduċja bħal tat-tfal għal waħda fejn il-bniedem jipprova jisraq, jagħmel lilu nnifsu alla bl-isforzi tiegħu stess u jinsa li hemm Alla.

🌻 L-espressjoni ‘dnub oriġinali’ tfisser li l-bnedmin kollha jitwieldu jħarsu lejn il-ħajja b’dan il-mod giddieb u li bis-suppervja kollha kemm aħna nitwielu u rridu nagħmlu lilna nnifisna alla ieħor.

🌻 Il-bnedmin kollha, minbarra Marija u Ġesu’, jitwieldu bid-dnub tan-nisel.

🌻 Dan id-dnub hu l-għerq li minnu u fuqu ssokta jikber u jixtered il-ħażen fid-dinja. Bħal valanga li tiġbor magħha s-silġ, hekk ukoll id-dnub oriġinali jitgerbeb tul l-istorja kollha tal-bniedem u jiġbor fih il-ħażen kollu u jinvolvi ġewwa fih lil kull bniedem li jitwieled.

🌻 Dan hu l-mostru qerriedi ta’ “d-dnub tad-dinja”.

🌻 Dan id-dnub laħaq l-akbar fond tiegħu meta qatel lill-Qaddis Innoċenti (Ġesu’ l-Iben t’Alla).

🌻 Il-bnedmin kollha jitwieldu f’Adam, jiġifieri involuti fid-dnub tan-nisel. Bil-magħmudija l-bniedem jerġa jitwieled – fi Kristu.