Minn dak li naqraw fil-Vanġeli naraw li Ġesu’ kien bniedem bħalna. Kif narawh dan mis-sentimenti umani li kellu?

7

🌻 Naraw li Ġesu kien bniedem bħalna bil-mod kif għex ħajtu. Is-sentimenti umani tiegħu huma xhieda ta’ dan. Ġesu’ kien

  • ħanin mal-morda,
  • inkorla mad-dixxipli tiegħu talli ma ħallewx li t-tfal imorru għandu,
  • feraħ meta ra n-nies foqra u sempliċi jiġu għandu,
  • tnikket u beka għall-qalb iebsa tal-Fariżej kif ukoll bil-mewt ta’ ħabibu Lazzru,
  • narawh ukoll jaqsam l-esperjenzi tiegħu ma’ ħbiebu u
  • jistgħaġeb għall-fidi kbira taċ-Ċenturjun.

🌻 Dawn ftit mill-ħafna u ħafna episodji li għandna fil-Vanġeli li juruna s-sentimenti umani tajbin kollha li kellu Ġesu’.

 

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-Fertilizzazzjoni In Vitro?

53

🌻 Peress li l-Knisja żżomm li kull ovulu uman fertilizzat huwa individwu uman, mela, l-embrijuni umani prodotti bl-IVF huma umani bid-drittijiet tagħhom. Dawn l-embrijuni m’għandhomx jitqiesu bħala oġġett kwalunkwe, imma bħala umani. Huwa delitt kbir li qed isir kull fejn dawn l-embrijuni

  • jiġu maqtula,
  • jesperimentaw fuqhom,
  • jarmuhom,
  • jiffriżawhom
  • u jħalluhom hemm jew
  • jipproduċuhom minn taħlit kbir ta’ ‘donors’ ‘l barra mill-imħabba u l-għożża tal-att taż-żwieġ u mill-ambjent tal-familja.

🌻 Peress li koppji infertili jirrikorru għal dan il-metodu biex jippruvaw ikollhom tfal (rata ta’ suċċess hi biss xi 20%), ikollhom iħallsu eluf ta’ liri għal dan. Mela hemm element qawwi ta’ profitti minn fuq dahar min qed ibati. Dan l-argument ta’ koppji infertili kien wieħed minn dawk użati biex tiġi aċċettata din il-prattika tal-IVF (illum qed jipprattikawha wkoll koppji ta’ nisa lesbjani li jridu tarbija).

🌻 Għax ġiet żviluppata l-IVF, u l-embrijun u l-fetu uman tilfu d-drittijiet tagħhom fil-liġi ta’ ħafna pajjiżi, qegħdin ikabbru l-esperimentazzjoni fuq dawn il-bndemin li huma fil-bidu tal-eżistenza tagħhom (per eżempju, ‘stem cell’ research; cloning, eċċ…).

🌻 Hemm tellieqa bejn il-pajjiżi sinjuri u avvanzati biex jaħkmu l-ħajja umana fil-bidu tagħha, biex imbagħad jagħmlu kapital ekonomiku u politiku qawwi minnha.

🌻 Mela din l-IVF u dak kollu li segwa minnha hu pass ieħor fil-mixja qerrieda tal-ħajja umana li għandna fi żmienna, daqqa oħra ‘l isfel lejn ir-rispett għall-valur tal-ħajja umana u manuvra oħra tal-qawwija ta’ din id-dinja biex jaħtfu aktar poter u kontroll (u min jaf x’qed joħolmu li għad jagħmlu la jsiru padurni tal-ħajja umana fil-bidu tagħha).